CURIA
rss
tfittxija avvanzata
Metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza

Metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bbażat fuq l-ECLI (Identifikatur Ewropew tal-Ġurisprudenza)

 

I. Kuntest tal-metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza

Fil-kuntest ta’ inizjattiva meħuda mill-Kunsill, ġie żviluppat Identifikatur Ewropew tal-Ġurisprudenza (ECLI, jew European Case Law Identifier)1. Dan l-identifikatur huwa intiż li jippermetti li jsir riferiment b’mod inekwivoku kemm għall-ġurisprudenza nazzjonali u kemm għall-ġurisprudenza Ewropea, kif ukoll li jiddefinixxi sett minimu ta’ metadata uniformi għall-ġurisprudenza. B’hekk, dan l-identifikatur jiffaċilita l-konsultazzjoni u ċ-ċitazzjoni tal-ġurisprudenza fl-Unjoni Ewropea.

L-ECLI jinkludi, minbarra l-prefiss “ECLIˮ, erba’ elementi obbligatorji:

  • il-kodiċi li jikkorrispondi għall-Istat Membru tal-qorti kkonċernata jew għall-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-qrati tagħha;
  • it-taqsira li tikkorrispondi għall-qorti li tat id-deċiżjoni;
  • is-sena tad-deċiżjoni;
  • numru tas-serje b’mhux iktar minn 25 karattru alfanumeriku, ippreżentat skont format deċiż minn kull Stat Membru jew mill-qorti supranazzjonali kkonċernata. In-numru tas-serje ma jista’ jinkludi ebda sinjal ta’ punteġġatura ħlief il-punt (“.ˮ) u ż-żewġ punti (“:ˮ), fejn dan is-sinjal tal-aħħar jissepara l-partijiet tal-ECLI.

Fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tadotta s-sistema ta’ Identifikatur Ewropew tal-Ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet ECLI lid-deċiżjonijiet kollha mogħtija mill-qrati tal-Unjoni sa mill-1954, kif ukoll lill-konklużjonijiet u lill-opinjonijiet tal-Avukati Ġenerali.

Pereżempju, l-ECLI tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03), jieħu l-forma segwenti: “EU:C:2005:446ˮ 2.

Dan l-identifikatur fih dawn l-elementi:

  • “EUˮ jindika li din hija deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Unjoni (fil-każ li deċiżjoni tkun ta’ qorti nazzjonali, minflok din l-indikazzjoni jkun hemm il-kodiċi korrispondenti tal-Istat Membru ta’ dik il-qorti);
  • “Cˮ jindika li din id-deċiżjoni ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja (fil-każ li deċiżjoni tkun tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan l-element ikun, rispettivament, “Tˮ jew “Fˮ) ;
  • “2005ˮ jindika li d-deċiżjoni ngħatat matul is-sena 2005;
  • “446ˮ jindika li dan huwa l-446 ECLI attribwit fir-rigward tas-sena inkwistjoni.

 

II. Metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza

Il-metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa intiż li jgħaqqad l-identifikatur ECLI mal-isem normali tad-deċiżjoni u n-numru tar-reġistru tal-kawża. Dan ġie applikat progressivament minn kull qorti tal-Unjoni sa mill-ewwel nofs tas-sena 2014, u sussegwentement ġie armonizzat bejn il-qrati tal-Unjoni matul is-sena 2016.

B’hekk, dan il-metodu ta’ ċitazzjoni:

  • jippermetti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jinqraw aħjar sa fejn ir-referenzi għall-ġurisprudenza jinkludu, kull darba li jidhru, l-elementi neċessarji sabiex tiġi identifikata b’mod inekwivoku d-deċiżjoni msemmija, u dan iktar u iktar peress li l-elementi li jikkostitwixxu r-referenzi jiġu indikati kull darba li dawn jidhru;
  • jippreżenta newtralità lingwistika ikbar sa fejn il-format taċ-ċitazzjoni huwa fil-parti l-kbira identiku fil-lingwi kollha u, b’hekk, jinkludi inqas elementi li jeħtieġu traduzzjoni;
  • jiffaċilita l-inklużjoni awtomatika ta’ hyperlinks kemm fuq l-ECLI tad-deċiżjoni ċċitata kif ukoll fuq il-punt imsemmi tagħha.

 

L-elementi li jikkostitwixxu r-referenza huma kif ġej:

mt

 

1     Konklużjonijiet tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2011, li jistiednu l-introduzzjoni tal-European Case Law Identifier u sett minimu ta’ metadata uniformi għall-każistika (ĠU 2011, C 127, p. 1). Iktar informazzjoni.

2     Sabiex ir-referenza ma tkunx imtawla inutilment, it-taqsira ECLI ma tiġix inkluża meta jiġu ċċitati d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

 

.