CURIA
rss
tfittxija avvanzata
Aċċess għal dokumenti amministrattivi

Skont l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta' Ottubru 2016, stabbilixxiet regoli dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma minnha fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li hija residenti jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Unjoni għandha dritt ta' aċċess għal dawn id-dokumenti taħt il-kundizzjonijiet previsti f'din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni ma hijiex applikabbli għad-dokumenti ta’ natura ġudizzjarja. Id-data u d-dokumenti pubbliċi marbuta mal-kawżi jistgħu jiġu kkonsultati fid-database tal-ġurisprudenza. It-testi li jirregolaw il-proċedura jinsabu taħt it-titolu “proċedura” ta’ kull qorti (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).

Sabiex tressaq talba għal aċċess għal dokument miżmum mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha, inti mistieden timla l-formola disponibbli f'qiegħ il-paġna (on line jew bħala fajl PDF). It-talba tiegħek għandha ssir f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u tista' tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-posta, b'faks jew b'mod elettroniku. It-talba għandha ssir suffiċjentement fid-dettall u għandha jkollha b'mod partikolari l-informazzjoni li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika d-dokument jew id-dokumenti mitluba. Inti tista' wkoll tispeċifika fil-formola l-verżjoni lingwistika mixtieqa tad-dokument u lingwa alternattiva. Jekk jogħġbok innota li d-dokumenti jistgħu jiġu pprovduti biss fil-verżjoni lingwistika u fil-forma eżistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta toħloq dokument ġdid, tittraduċi dokument jew tiġbor informazzjoni sabiex tirrispondi għat-talba tiegħek.

Mar-reġistrazzjoni tat-talba tiegħek, inti tirċievi konferma li t-talba tiegħek tkun ġiet irċevuta. Il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta t-talba tiegħek fi żmien massimu ta' xahar, sakemm ma jkunx hemm proroga tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tirrifjuta l-aċċess għal dokument, b'mod partikolari, fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista' jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, tal-interessi kummerċjali u tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll tal-opinjonijiet legali, jew fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-każ ta' risposta negattiva għat-talba tiegħek, jew ta' nuqqas ta' risposta fit-terminu previst, inti tista' tippreżenta talba konfermattiva lill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahar bl-użu tal-istess formola, billi tindika li din tkun talba konfermattiva kif ukoll in-numru ta' reġistrazzjoni li kien intbagħatlek flimkien mal-konferma li t-talba inizjali tiegħek kienet ġiet irċevuta.

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar tad-data personali inkluża fil-formola tat-talba huwa suġġett għar-regoli ta' protezzjoni stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data.

ara: informazzjoni dwar l-ipproċessar ta' data personali

Formoli

formola on line

formola f'format PDF li għandha tiġi stampata u mibgħuta b'faks, bil-posta jew bil-posta elettronika

.