CURIA
rss
tfittxija avvanzata
Preżentazzjoni

Peress li fl-2003 t-Trattat ta’ Nice ippreveda l-possibbiltà li jinħolqu tribunali speċjalizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea, fit-2 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-missjoni tiegħu, li sa dak iż-żmien kienet titwettaq mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kienet li jiddeċiedi t-tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha. Fl-2015, b’teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fil-kontenzjuż u tat-tul eċċessiv tat-trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li b’mod progressiv iżid in-numru tal-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-UE għal 56 u li jintegra l-kompetenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Qorti Ġenerali. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġie xolt fl-1 ta’ Settembru 2016.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien kompost minn seba’ Mħallfin maħtura mill-Kunsill, għal perijodu ta’ sitt snin li seta’ jiġġedded, wara sejħa għal kandidaturi u wara opinjoni ta’ kumitat imwaqqaf għal dan il-għan. Matul il-ħatra tagħhom, il-Kunsill kien jiżgura kompożizzjoni bbilanċjata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq bażi ġeografika u fuq rappreżentazzjoni tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali kemm jista’ jkun wiesa’. L-Imħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienu jinnominaw il-President tagħhom minn fosthom, għal perijodu ta’ tliet snin li seta’ jiġġedded. Huwa kien jisma’ l-kawżi f’awli komposti minn tliet Imħallfin, jew f’seduta plenarja meta dan kien ikun iġġustifikat mid-diffikultà jew mill-importanza tal-punti ta’ liġi. L-Imħallfin kienu jaħtru Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien kompetenti li jisma’ fl-ewwel istanza l-kontenzjuż tas-servizz pubbliku Ewropew, kompetenza li kienet tirrappreżenta madwar 150 kawża fis-sena, għal persunal tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea, li jammonta għal madwar 40 000 persuna. Il-kawżi ttrattati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienu jikkonċernaw mhux biss il-kwistjonijiet relatati mar-relazzjonijiet ta’ xogħol fil-veru sens tal-kelma (remunerazzjoni, żvolġiment tal-karriera, reklutaġġ, miżuri dixxiplinari, eċċ.), iżda jikkonċernaw ukoll l-iskema ta’ sigurtà soċjali (mard, anzjanità, invalidità, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, allowances tal-familja, eċċ). Kien kompetenti wkoll li jisma’ l-kawżi li kienu jikkonċernaw ċerti membri tal-persunal speċifiċi, bħal b’mod partikolari l-persunal ta’ Eurojust, ta’ Europol, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Id-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku setgħu jkunu s-suġġett, f’terminu ta’ xahrejn, ta’ appell limitat għall-punti ta’ liġi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE, u min-naħa tagħhom, id-deċiżjonijiet mogħtija fl-appell mill-Qorti Ġenerali setgħu jkunu s-suġġett, f’kundizzjonijiet eċċezzjonali, ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Matul l-eżistenza tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’, minbarra r-Reġistratur ta’ nazzjonalità Ġermaniża, total ta’ 14-il Imħallef minn 14 Stat Membru differenti u ta 1549 sentenza/sentenzi.

up

 

.