Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fl-1 ta’ Ottubru 2020 – Varuh človekovih pravic Republike Slovenije

(Kawża C-486/20)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Ustavno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Varuh človekovih pravic Republike Slovenije

Partijiet oħra fil-proċedura: Državni zbor Republike Slovenije, Vlada Republike Slovenije

Domandi preliminari

Il-punt 8 tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/681 1 huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li ma jirriżultax b’mod ċar jekk dan jinkludix biss id-data marbuta mal-fatt li l-persuna inkwistjoni għandha l-istatus ta’ vjaġġatur frekwenti, jew inkella jinkludix anki data marbuta mat-titjiriet u mal-prenotazzjonijiet imsemmija fil-programm tal-vjaġġatur frekwenti, fatt li jista’ jfisser li ma jiġix osservat ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regoli u b’hekk jiġi mittiefes id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

Il-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/681 huwa kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li d-data mitluba ma hijiex indikata b’mod iddettaljat u, fl-istess ħin, li l-punt imsemmi iktar ’il fuq tal-Anness I ma jipprovdix għal limitazzjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata tad-data, fatt li jista’ jfisser li ma jiġix osservat ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regoli u b’hekk jiġi mittiefes id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

____________

1  Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).