Language of document : ECLI:EU:C:2016:339

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016 (1)

Kawża C‑582/14

Patrick Breyer

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja)]

“Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Artikolu 2(a) u Artikolu 7(f)— Kunċett ta’ ‘data personali’ — Indirizzi IP — Żamma minn fornitur ta’ servizzi ta’ mezzi elettroniċi — Liġi nazzjonali li ma tippermettix li jitqies l-interess leġittimu segwit mill-kontrollur”





1.        Indirizz ta’ protokoll tal-internet (iktar ’il quddiem, “indirizz IP”) huwa sekwenza ta’ numri binarji li, allokat ma’ apparat (kompjuter, tablet, smartphone), jidentifikah u jippermettilu jaċċedi għan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika. Sabiex l-apparat jaqbad mal-internet, għandu juża s-sekwenza numerika pprovduta mill-fornituri tas-servizz ta’ aċċess għan-netwerk. L-indirizz IP huwa trażmess lis-server fejn huwa maħżun is-sit tal-internet li jiġi kkonsultat.

2.        B’mod partikolari, il-fornituri ta’ aċċess għan-netwerks (li normalment huma l-kumpanniji tat-telefon) jagħtu lill-klijenti tagħhom dawk li jissejħu “indirizzi IP dinamiċi”, temporanjament, għal kull konnessjoni mal-internet, u jibdluhom għal konnessjonijiet sussegwenti. Dawn l-istess kumpanniji jżommu reġistru li fih jinżamm rekord ta’ liema indirizz IP taw, fil-ħinijiet kollha, lil apparat partikolari (2).

3.        Is-sidien tas-siti tal-internet li jsir aċċess għalihom permezz tal-indirizzi IP dinamiċi wkoll normalment iżommu reġistri li jinkludu liema paġni ġew aċċessati, meta u minn liema indirizz IP dinamiku. Dawn ir-reġistri jistgħu, teknikament, jinħażnu mingħajr limiti ta’ żmien, wara li tispiċċa l-konnessjoni tal-internet ta’ kull utent.

4.        Indirizz IP dinamiku, minnu nnifsu, ma huwiex biżżejjed sabiex il-fornitur tas-servizzi jidentifika lill-utent tas-sit tal-internet tiegħu. Madankollu, dan jista’ jsir jekk mal-indirizz IP dinamiku tintuża data addizzjonali li tkun tinsab għand il-fornitur tal-aċċess għan-netwerk.

5.        F’dan il-każ jiġi diskuss jekk l-indirizzi IP dinamiċi humiex data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE (3). Ir-risposta teħtieġ li jiġi ddeterminat, minn qabel, x’rilevanza għandu l-fatt, f’dan ir-rigward, li d-data addizzjonali meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-utent ma tkunx fil-pussess tas-sid tas-sit tal-internet, iżda għand terz (b’mod partikolari, il-fornitur tas-servizz ta’ aċċess għan-netwerk).

6.        Din hija kwistjoni mingħajr preċedent għall-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, fil-punt 51 tas-sentenza Scarlet Extended (4) iddikjarat li l-indirizzi IP “huma data protetta ta’ natura personali, peress li jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tal-imsemmija utenti”, iżda f’kuntest fejn il-ġbir u l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP saru mill-fornitur ta’ aċċess għan-netwerk (5), mhux minn fornitur tal-kontenut, kif huwa l-każ hawnhekk.

7.        Jekk l-indirizzi IP dinamiċi, għall-fornitur tas-servizz tal-internet, kienu data personali, għandu jiġi eżaminat, immedjatament wara, jekk l-ipproċessar tagħhom huwiex inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

8.        Huwa possibbli li, għalkemm huma data personali, dawn ma jibbenefikawx mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 95/46 jekk, pereżempju, l-iskop tal-ipproċessar tagħhom sar fl-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra eventwali persuni li jattakaw il-paġna tal-internet. F’din l-ipoteżi, id-Direttiva 95/46 ma tapplikax, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2).

9.        Għandu wkoll jiġi ċċarat jekk il-fornitur tas-servizzi li jirreġistra l-indirizzi IP dinamiċi meta utent jaċċessa l-paġni tal-internet tiegħu (f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) jaġixxix bħala awtorità pubblika jew, pjuttost, bħala individwu.

10.      Jekk id-Direttiva 95/46 hija applikabbli, għandu jiġi ddeterminat, fl-aħħar nett, sa liema punt l-Artikolu 7(f) huwa kompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-portata ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fiha sabiex tiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

11.      Il-premessa 26 tad-Direttiva 95/46 taqra kif ġej:

“(26) Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; billi l-prinċipji ta’ protezzjoni m’għandhomx ikunu applikati għal data mogħti b’mod anonimu tant illi s-suġġett tad-data ma jkunx aktar identifikabbli; billi kodiċijiet ta’ kondotta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 27 jistgħu jkunu strument tajjeb biex jagħtu gwida dwar il-metodi li bihom id-data tkun tista’ tingħata b’mod anonimu u tinżamm b’mod li bih l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data ma jkunx iktar possibbli”.

12.      B’mod konformi mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid [iċ-ċirkolazzjoni] ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

13.      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]

f)      ‘parti terza’ [terz] tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li ma jkunx is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuna [persuni] li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data;

[…]”.

14.      Taħt it-titolu “Skop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali;

[…]”.

15.      Il-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, dwar ir-“Regoli Ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”, jibda bl-Artikolu 5, li jgħid li “Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi”.

16.      Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

17.      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir [għall-eżekuzzjoni ta’] kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt; jew

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

18.      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46:

“1.      Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet [l-portata] ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

b)      difiża;

ċ)      sigurtà pubblika;

d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi [baġitarji u fiskali];

f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

[…]”

B –    Il-liġi nazzjonali

19.      L-Artikolu 12 tat-Telemediengesetz (Liġi dwar is-servizzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni elettronika; iktar ’il quddiem, “TMG” (6)) jipprevedi:

“1.      Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġbor u juża data personali sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

2.      Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża għal skopijiet oħra d-data personali miġbura sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu.

3.      Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali, anki jekk ma jkunx hemm ipproċessar awtomatiku tad-data.”

20.      Skont l-Artikolu 15 tat- TMG:

“1.      Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġbor u juża d-data personali ta’ utent biss meta dan ikun meħtieġ biex jippermetti l-użu u l-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni (data għall-użu). Titqies bħala data għall-użu, b’mod partikolari:

1.º      id-data ta’ identifikazzjoni tal-utent;

2.º      id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-użu u l-portata tiegħu, u

3.º      id-data tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni użata mill-utent.

2.      Il-fornitur tas-servizzi jista’ jgħaqqad id-data għall-użu ta’ utent dwar l-użu ta’ diversi servizzi ta’ telekomunikazzjoni dejjem sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ fatturazzjoni rigward l-utent.

[…]

4.      Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża d-data għall-użu lil hinn mill-ikkompletar tal-operazzjoni ta’ użu dejjem sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ fatturazzjoni rigward l-utent (data dwar il-fatturazzjoni). Sabiex jikkonforma mat-termini legali, statutorji jew kuntrattwali taż-żamma fis-seħħ, il-fornitur tas-servizzi jista’ jimblokka d-data. [...]”

21.      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (liġi federali għall-protezzjoni tad-data, iktar ’il quddiem, “BDSG” (7)), “id-data personali hija data speċifika dwar ċirkustanzi personali jew materjali ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (il-persuna kkonċernata). [...]”.

II – Fatti

22.      P. Breyer ressaq appell ta’ kassazzjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja minħabba r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP.

23.      Ħafna istituzzjonijiet pubbliċi Ġermaniżi jżommu portali tal-internet aċċessibbli għall-pubbliku, u fihom joffru informazzjoni aġġornata. Sabiex jimpedixxu li jsiru attakki u jippermettu l-prosekuzzjoni kriminali tal-agressuri, il-parti l-kbira ta’ dawn il-portali jaħżnu l-aċċessi kollha f’fajls jew rekords ta’ protokoll. Fihom jinħażnu, anki wara t-tmiem tal-operazzjoni, l-isem tal-fajl jew tal-paġna kkonsultata, il-kunċetti introdotti fis-search fields, il-ħin tal-konnessjoni, l-ammont ta’ data trażmessa, il-konstatazzjoni tas-suċċess tal-konnessjoni u l-indirizz IP tal-kompjuter li saret minnu.

24.      P. Breyer li kkonsulta bosta mis-siti msemmija, fir-rikors tiegħu talab li r-Repubblika Federali tiġi ordnata twaqqaf ir-reġistrazzjoni, minnha stess jew minn terzi, tal-indirizz IP tas-sistema host li minnha wettaq il-konnessjoni, sakemm dan ma kienx meħtieġ sabiex terġa’ tiġi stabbilita d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-każ ta’ ħsara.

25.      Ir-rikors ta’ P. Breyer ġie miċħud fl-ewwel istanza. L-appell tiegħu, madankollu, ġie milqugħ parzjalment, fejn ir-Repubblika Federali ġiet ordnata li twaqqaf ir-reġistrazzjoni lil hinn mill-perijodu għal kull operazzjoni ta’ aċċess. L-ordni ta’ waqfien kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-appellant, matul l-operazzjoni ta’ aċċess, jipprovdi d-data personali tiegħu, inkluż fil-forma tal-indirizz tal-posta elettronika, u li r-reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa sabiex terġa’ tiġi stabbilita d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

III – Id-domandi magħmula

26.      Peress li sar appell ta’ kassazzjoni miż-żewġ partijiet, fis-17 ta’ Diċembru 2014 l-Awla VI tal-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja) għamlet dawn id-domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz ta’ Protokoll tal-Internet (indirizz IP), li huwa rreġistrat minn fornitur ta’ servizzi meta jsir aċċess għas-sit tal-internet tiegħu, jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar data personali anki jekk huwa terz (f’dan il-każ, il-fornitur tal-aċċess) li għandu l-informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata?

2)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li fuq il-bażi tagħha l-fornitur ta’ servizzi ma jistax jiġbor u juża data personali ta’ utent mingħajr il-kunsens tiegħu ħlief sa fejn dan ikun neċessarju sabiex l-użu konkret tal-midja elettronika [servizzi ta’ telekomunikazzjoni] mill-utent inkwistjoni jkun jista’ jiġi ffaċilitat u ffatturat u li fuq il-bażi tagħha l-għan li l-kapaċità ġenerali tal-funzjonament tal-midja elettronika tiġi ggarantita ma jistax jiġġustifika l-użu tad-data wara t-tmiem tas-sessjoni partikolari tal-utent?”

27.      Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, l-appellant jista’, skont il-liġi Ġermaniża, jeħtieġ li titwaqqaf ir-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP, jekk iż-żamma tagħhom tikkostitwixxi interferenza illegali, skont il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data, fuq id-dritt ġenerali tiegħu għall-personalità, b’mod iktar speċifiku, id-dritt tiegħu għal “awtodeterminazzjoni informattiva” [l-Artikoli 1004(1) u 823(1), tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili Ġermaniża), flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tal-Grundgesetz (il-kostituzzjoni)].

28.      Dan ikun jekk: a) l-indirizz IP (fi kwalunkwe każ, flimkien mal-ħin ta’ aċċess għal paġna tal-internet) seta’ jitqies bħala “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a), flimkien mat-tieni sentenza tal-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, jew fis-sens tal-Artikolu 12(1) u (3) tat-TMG, fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tal-BDSG u b) jekk ma jkunx hemm konformità ma’ ebda dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jew fis-sens tal-Artikoli 12(1) u (3), u 15(1) u (4) tat-TMG.

29.      Skont il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali), huwa inevitabbli, sabiex jiġi interpretat id-dritt nazzjonali (Artikolu 12(1) tat-TMG), li wieħed isir jaf kif għandha tiġi interpretata n-natura personali tad-data msemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

30.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li peress li skont l-Artikolu 15(1) tat-TMG, il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġbor u juża d-data personali ta’ utent biss jekk dan ikun indispensabbli sabiex jippermetti l-użu u l-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni (data għall-użu) (8), l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali hija marbuta mal-interpretazzjoni li ssir tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-argumenti tal-partijiet

31.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ssottomessi mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Portugall u mill-Kummissjoni. Kienu biss il-Kummissjoni u P. Breyer li dehru fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2016, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż irrifjuta li jipparteċipa għaliha.

A –    L-argumenti tal-partijiet fir-rigward tal-ewwel domanda

32.      Skont P. Breyer, data personali hija wkoll dik li l-kombinament tagħha hija possibbli biss mill-perspettiva teoretika, jiġifieri, fuq il-bażi ta’ perikolu potenzjali astratt, u ftit li xejn jimporta jekk fil-prattika dan il-kombinament jiġix effettivament imwettaq. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li entità tkun relattivament inkapaċi tidentifika persuna billi tuża l-indirizz IP ma jfissirx li ma jkunx hemm perikolu għal dik il-persuna. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħu, huwa rilevanti l-fatt li l-Ġermanja żżomm id-data tal-IP tiegħu sabiex, jekk ikun meħtieġ, tidentifika eventwali attakki jew tibda proċeduri kriminali, b’mod konformi mal-Artikolu 113 tat-Telekommunikationsgesetz (liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet) TMG u kif ġara f’diversi okkażjonijiet.

33.      Għall-Gvern Ġermaniż, l-ewwel domanda jistħoqqilha risposta negattiva. Fil-fehma tiegħu, l-indirizzi IP dinamiċi ma jurux persuna “identifikata” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Sabiex jiġi deċiż jekk jipprovdux informazzjoni dwar persuna “identifikabbli” fis-sens ta’ dan l-artikolu, l-eżaminazzjoni tal-identifikabbiltà għandha ssir permezz ta’ kriterju “relattiv”. Dan jirriżulta, fil-fehma tiegħu, mill-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, li tgħid li għandhom jitqiesu biss il-mezzi li “raġonevolment” aktarx jintużaw mill-kontrollur, jew minn terz, sabiex tkun identifikata persuna. Din il-kjarifika tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-identifikazzjoni tkun oġġettivament possibbli minn kwalunkwe terz.

34.      Il-Gvern Ġermaniż jemmen ukoll li l-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-ħtieġa għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi tista’ titqies b’mod differenti skont min ikollu d-data u jekk dan ikollux jew le l-mezzi sabiex jużahom għal skopijiet ta’ identifikazzjoni.

35.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li P. Breyer ma jistax jiġi identifikat mill-indirizzi IP ikkombinati mad-data l-oħra li jaħżnu l-fornituri tal-kontenut. Sabiex isir dan għandha tintuża l-informazzjoni miżmuma mill-fornituri ta’ aċċess għall-internet, li, fin-nuqqas ta’ bażi legali, ma jistgħux jagħtuha lill-fornituri tal-kontenut.

36.      Għall-Gvern Awstrijak, għall-kuntrarju, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv. Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, sabiex persuna titqies bħala identifikabbli ma huwiex meħtieġ li d-data kollha ta’ identifikazzjoni tagħha jkunu għand entità waħda. Għalhekk, indirizz IP jista’ jkun data personali jekk terz (bħal, pereżempju, il-fornitur ta’ aċċess għall-internet) ikollu l-mezzi biex jidentifika d-detentur ta’ dak l-indirizz, mingħajr ma jintużaw sforzi kbar wisq.

37.      Il-Gvern Portugiż ukoll jiffavorixxi risposta pożittiva, u jqis li l-indirizz IP, flimkien mad-data tas-sessjoni ta’ konsultazzjoni, jikkostitwixxi data personali, peress li jista’ jwassal għall-identifikazzjoni tal-utent minn entità differenti minn dik li żammet l-indirizz IP.

38.      Il-Kummissjoni wkoll tipproponi risposta fl-affermattiv, ibbażata fuq is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Scarlet Extended (9). Għall-Kummissjoni, sa fejn il-ħażna tal-indirizzi IP tintuża preċiżament sabiex jiġu identifikati l-utenti fil-każ ta’ attakki ċibernetiċi, l-użu tad-data addizzjonali rreġistrata mill-fornituri ta’ aċċess għall-internet huwa mezz li jista’ jintuża “raġonevolment” fis-sens tal-premessa 26 tad-Direttiva 95/46. Fil-qosor, skont il-Kummissjoni, kemm l-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) huma favur interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

B –    L-argumenti tal-partijiet dwar it-tieni domanda

39.      P. Breyer jemmen li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 huwa klawsola ġenerali li l-implementazzjoni tagħha teħtieġ li tiġi speċifikata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u jiġi ddeterminat jekk hemmx gruppi b’interess leġittimu, fis-sens ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li mhux biss talli huwa permess iżda talli huwa essenzjali li jiġu previsti regoli speċifiċi għal dawn il-gruppi, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. F’dan il-każ, u skont P. Breyer, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 peress li ma hemm ebda interess tal-portal pubbliku fiż-żamma tad-data personali, jew minħabba li l-interess fil-ħarsien tal-anonimità huwa iktar importanti. Fil-fehma tiegħu, madankollu, żamma sistematika u personali tad-data la hija konsistenti ma’ soċjetà demokratika, la hija neċessarja u lanqas proporzjonata sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-mezzi elettroniċi, li huwa perfettament possibbli mingħajr ir-reġistrazzjoni ta’ din id-data personali, kif juru s-siti tal-internet ta’ xi ministeri federali.

40.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li ma hemmx għalfejn tiġi indirizzata t-tieni domanda, peress li din hija magħmula biss fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv li, fl-opinjoni tiegħu, ma huwiex il-każ hawnhekk, għar-raġunijiet diġà msemmija.

41.      Il-Gvern Awstrijak jipproponi li tingħata risposta fis-sens li d-Direttiva 95/46 ma tipprekludix b’mod ġenerali ż-żamma tad-data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta dan ikun essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-mezzi elettroniċi. Skont dan il-Gvern, il-ħażna limitata tal-indirizz IP, lil hinn mit-tul tal-konsultazzjoni tal-paġna tal-internet, tista’ tkun leġittima, fir-rigward tal-obbligu tal-kontrollur tad-data personali sabiex jimplementa l-miżuri ta’ protezzjoni ta’ din id-data imposta mill-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46. Il-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi tista’ tiġġustifika l-analiżi tad-data dwar attakki preċedenti u li jiġi miċħud l-aċċess għall-paġna tal-internet għal xi indirizzi IP. Il-proporzjonalità taż-żamma tad-data bħal dik involuta fil-kawża prinċipali, mill-perspettiva tal-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-mezzi elettroniċi, għandha tiġi evalwata każ b’każ, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/46.

42.      Il-Gvern Portugiż jargumenta li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-kawża prinċipali, minħabba li l-leġiżlatur Ġermaniż kien diġà għamel l-ibbilanċjar preskritt f’dan l-artikolu, bejn l-interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data personali, minn naħa, u d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk li għandhom din id-data, min-naħa l-oħra.

43.      Għall-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkorpora l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandha tiddefinixxi l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali b’mod li jkunu prevedibbli għall-individwu kkonċernat. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tosservax dan ir-rekwiżit sa fejn, fl-Artikolu 15(1) tat-TMG, tipprevedi li ż-żamma tal-indirizzi IP hija awtorizzata “meta dan ikun meħtieġ biex jippermetti l-użu [...] tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni”.

44.      Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi bħala risposta għat-tieni domanda, li din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità pubblika li taġixxi bħala fornitur ta’ servizzi tista’ tiġbor u tuża d-data personali ta’ utent mingħajr il-kunsens tiegħu, anki jekk l-għan imfittex ikun li jiġi żgurat il-funzjonament ġenerali tajjeb tal-mezz elettroniku, jekk din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tistabbilixxix dan l-għan b’mod ċar u preċiż biżżejjed.

V –    Evalwazzjoni

A –    L-ewwel domanda preliminari

1.      Delimitazzjoni tad-domanda preliminari

45.      Skont it-termini li bihom il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) ifformulaha, l-ewwel domanda preliminari tagħha għandha l-għan li tiċċara jekk indirizz IP, li bih isir aċċess għal paġna tal-internet, jirrappreżentax data personali għall-entità pubblika li hija s-sid ta’ dak is-sit [fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE], fil-każ li l-fornitur tal-aċċess għan-netwerk ikollu data addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata.

46.      Miktuba b’dan il-mod, id-domanda hija preċiża biżżejjed sabiex jiġi deċiż, mill-bidu, li kwistjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu in abstracto fir-rigward tan-natura ġuridika tal-indirizzi IP, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data personali, ma japplikawx.

47.      Fl-ewwel lok, il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) tirreferi biss għall-“indirizzi IP dinamiċi” jiġifieri, dawk li jingħataw temporanjament għal kull konnessjoni man-netwerk u jinbidlu waqt il-konnessjonijiet sussegwenti. Għalhekk, huma esklużi l-“indirizzi IP fissi jew statiċi”, ikkaratterizzati mill-fatt li huma invarjabbli u jippermettu identifikazzjoni permanenti tal-apparat imqabbad man-netwerk.

48.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tibda mis-suppożizzjoni li l-fornitur tas-sit tal-internet, fil-proċedura a quo, ma huwiex f’pożizzjoni li jidentifika, permezz tal-indirizz IP dinamiku, lill-persuni li jżuru l-paġni tiegħu, u lanqas ma għandu data addizzjonali li, flimkien ma’ dak l-indirizz IP, tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom. Il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) tidher li temmen li, f’dan il-kuntest, l-indirizz IP dinamiku ma huwiex data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, għall-fornitur tal-paġna tal-internet.

49.      Id-dubju tal-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-possibbiltà li l-indirizz IP dinamiku jiġi kklassifikat, għall-fornitur tal-paġna tal-internet, bħala data personali jekk terz ikollu data addizzjonali li, flimkien magħha, jidentifikaw lil dawk li jikkonsultaw il-paġni tiegħu. Issa, u din hija preċiżazzjoni iktar rilevanti, il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) ma tirreferi għal ebda detentur terz tad-data addizzjonali, iżda biss għall-fornitur tal-aċċess għan-netwerk (għalhekk teskludi, detenturi potenzjali oħra ta’ din it-tip ta’ data).

50.      Għalhekk jibqgħu ma jiġux diskussi, inter alia, dawn li ġejjin: a) jekk l-indirizzi IP statiċi humiex data personali skont id-Direttiva 95/46 (10), b) jekk l-indirizzi IP dinamiċi humiex, dejjem u f’kull ċirkustanza, data personali fis-sens ta’ din id-direttiva u, fl-aħħar nett, ċ) jekk il-klassifikazzjoni tal-indirizzi IP dinamiċi bħala data personali hijiex inevitabbli malli jkun hemm terz, irrispettivament minn min ikun, li jista’ jużahom sabiex jidentifika l-utenti tan-netwerk.

51.      Għalhekk, għandu jiġi deċiż biss, jekk indirizz IP dinamiku huwiex data personali għall-fornitur ta’ servizzi tal-internet meta l-kumpannija ta’ komunikazzjonijiet li tipprovdi l-aċċess għan-netwerk (il-fornitur tal-aċċess) ikollha data addizzjonali li, flimkien ma’ dak l-indirizz, tippermetti li jiġi identifikat min jaċċedi l-paġna tal-internet amministrata minn dak imsemmi l-ewwel.

2.      Fuq il-mertu

52.      Id-domanda mqajma permezz ta’ dan ir-rinviju hija s-suġġett ta’ dibattitu qawwi fid-duttrina u fil-ġurisprudenza Ġermaniża, li huwa ppolarizzat f’żewġ skejjel ta’ ħsieb (11). Skont waħda (ibbażata fuq kriterju “oġġettiv” jew “assolut”) utent huwa identifikabbli –u, għaldaqstant, l-indirizz IP huwa data personali li għandha tiġi protetta– meta, ikunu x’ikunu l-kapaċitajiet u l-mezzi tal-fornitur tas-servizzi tal-internet, l-identifikazzjoni tiegħu tkun possibbli biss jekk dan l-indirizz IP dinamiku jingħaqad mad-data pprovduta minn terz (pereżempju, il-fornitur tal-aċċess għan-netwerk).

53.      Għal dawk favur il-ħsieb l-ieħor (li huwa bbażat fuq kriterju “relattiv”), il-possibbiltà li jkun hemm għajnuna minn terz fl-identifikazzjoni finali tal-utent, ma hijiex biżżejjed sabiex tattribwixxi natura personali lill-indirizz IP dinamiku. Dak li huwa rilevanti, huwa l-kapaċità ta’ min ikollu aċċess għad-data sabiex jużaha, bil-mezzi tiegħu stess, sabiex jidentifika persuna.

54.      Ikunu xi jkunu t-termini ta’ din il-kontroversja fid-dritt nazzjonali, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun limitata għal interpretazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, li rreferew għalihom kemm il-qorti a quo kif ukoll il-partijiet fil-kawża, jiġifieri, l-Artikolu 2(a) (12) tagħha u l-premessa 26 (13) tagħha.

55.      L-indirizzi IP dinamiċi, sempliċement billi jipprovdu informazzjoni dwar id-data u l-ħin li fihom ikun sar l-aċċess għal paġna tal-internet minn kompjuter (jew apparat ieħor), juru ċerti tendenzi fl-imġiba tal-utenti tal-internet u, għalhekk, jippreżupponu interferenza potenzjali fid-dritt għall-ħajja privata (14), sanċit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fl-Artikolu 7 tal-Karta, li fid-dawl tiegħu, kif ukoll f’dak tal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata d-Direttiva 95/46 (15). Tabilħaqq, il-partijiet fil-kawża ma jikkontestawx din il-premessa, li lanqas ma hija s-suġġett, bħala tali, tad-domanda preliminari.

56.      Il-persuna li għaliha japplikaw dawn id-dettalji ma hijiex “persuna naturali identifikata”. Id-data u l-ħin ta’ konnessjoni, kif ukoll l-oriġini diġitali tagħhom, ma jurux, direttament jew immedjatament, min hija l-persuna fiżika li għandha l-apparat li minnu hija miżjura l-paġna tal-internet, u lanqas l-identità tal-utent li qed jużah (jista’ jkun kwalunkwe persuna fiżika).

57.      Madankollu, sa fejn indirizz IP dinamiku jgħin sabiex jiġi ddeterminat —kemm jekk waħdu jew flimkien ma’ data oħra— min huwa s-sid tal-apparat użat għall-aċċess għall-paġna tal-internet, jista’ jiġi kklassifikat bħala informazzjoni dwar “persuna identifikabbli” (16).

58.      Skont l-approċċ tal-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali), l-indirizz IP dinamiku waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi identifikat l-utent li permezz tiegħu jkun aċċessa paġna tal-internet. Jekk il-fornitur tas-servizz tal-internet ikun jista’, għall-kuntrarju, permezz tal-indirizz IP dinamiku, jidentifika lill-utent, dan ikun, mingħajr ebda dubju, data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46. Madankollu, ma jidhirx li dan huwa s-sens tad-domanda preliminari, li fiha jiġi stabbilit li l-fornituri tas-servizzi tal-internet involuti fil-każ a quo ma jistgħux jidentifikaw lill-utent esklużivament mill-indirizz IP dinamiku.

59.      Flimkien ma’ data oħra, l-indirizz IP dinamiku jippermetti l-identifikazzjoni “indiretta” tal-utent, u dan huwa paċifiku bejn il-partijiet kollha. Il-possibbiltà li tkun teżisti din id-data addizzjonali, li tista’ tiġi assoċjata mal-indirizz IP dinamiku, tippermetti, madankollu, li dan tal-aħħar jiġi kklassifikat bħala data personali fis-sens tad-Direttiva? Se jkollu jiġi deċiż jekk, għal dan il-għan, hijiex biżżejjed is-sempliċi possibbiltà b’mod astratt, li wieħed ikun jaf din id-data jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex neċessarju li tkun disponibbli għal dawk li diġà jafu l-indirizz IP dinamiku, jew għal terz.

60.      Il-partijiet ffokaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-interpretazzjoni tal-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, li l-kontenut tagħha jinkludi l-frażi “mezzi [...] li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna”. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju ma tirreferix għad-data addizzjonali, miżmuma mill-fornituri tas-servizz involuti fil-kawża prinċipali. Lanqas ma tirreferi għal xi terz, li għandu din id-data addizzjonali (li l-kombinament tagħha mal-indirizz IP dinamiku jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-utent), iżda għall-fornitur tal-aċċess għan-netwerk.

61.      Ma huwiex meħtieġ, għalhekk, li f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza l-mezzi kollha li tista’ tuża l-konvenuta “raġonevolment” fil-kawża a quo sabiex l-indirizzi IP dinamiċi li għandha jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala data personali. Peress li l-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) tirreferi biss għal data addizzjonali għand terzi, jista’ jiġi preżunt: a) għalkemm il-konvenuta ma għandhiex data addizzjonali li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent, b) jew għalkemm, jekk għandha din id-data, ma hijiex f’pożizzjoni li tużaha raġonevolment għal dan il-għan, bħala kontrollur, skont il-premessa 26 tad-Direttiva 95/46.

62.      Iż-żewġ ipoteżijiet jiddependu fuq konstatazzjoni ta’ fatt li għandha ssir biss mill-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha kriterji ta’ natura ġenerali sabiex tinterpreta t-termini “mezzi [...] li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur” jekk il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) ikollha xi dubji dwar il-kapaċità tal-konvenuta biex tuża raġonevolment data addizzjonali tagħha. Peress li dan ma huwiex il-każ, ma huwiex f’loku, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi hawnhekk kriterji ta’ interpretazzjoni li ma humiex essenzjali għall-qorti tar-rinviju, u lanqas ma hija mitluba tagħmel dan.

63.      Il-punt ewlieni tad-domanda magħmula, għaldaqstant, huwa li jiġi deċiż jekk huwiex rilevanti, sabiex l-indirizzi IP dinamiċi jiġu kklassifikati bħala data personali, il-fatt li terz speċifiku ħafna —il-fornitur tal-aċċess għall-internet— ikollu data addizzjonali li, flimkien ma’ dawn l-indirizzi, tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-utent li jkun żar paġna tal-internet partikolari.

64.      Għandu jerġa’ jsir għal darb’oħra riferiment għall-premessa 26 tad-Direttiva 95/46. It-termini “mezzi [...] li raġonevolment aktax jintużaw [...] minn persuna oħra” (17) jistgħu jagħtu lok għal interpretazzjoni li tgħid li jkun biżżejjed li terz ikun jista’ jikseb data addizzjonali (li tista’ tiġi kkombinata ma’ indirizz IP dinamiku sabiex tiġi identifikata persuna), sabiex jiġi deċiż li dan l-indirizz huwa eo ipso data personali.

65.      Din l-interpretazzjoni massimalista, fil-prattika, twassal biex kwalunkwe informazzjoni tiġi kklassifikata bħala data personali, anki jekk ma tkunx biżżejjed fiha nnifisha sabiex twassal għall-identifikazzjoni ta’ utent. Qatt ma jista’ jiġi eskluż b’ċertezza assoluta, li ma jkunx hemm terz li jkollu data addizzjonali li tista’ tiġi kkombinata ma’ dik l-informazzjoni u, konsegwentement, li tista’ tikxef l-identità ta’ persuna.

66.      Fl-opinjoni tiegħi, il-possibbiltà li l-iżvilupp fil-mezzi tekniċi jwitti kunsiderevolment, f’futur ftit jew wisq qrib, it-triq għall-aċċess għal strumenti ta’ kisba u għall-ipproċessar ta’ informazzjoni, dejjem iktar issofistikati, tiġġustifika l-prekawzjonijiet meħuda b’antiċipazzjoni tad-difiża tal-privatezza. Ġie żgurat li, fid-definizzjoni tal-kategoriji legali rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, jiġu inklużi eżempji ta’ mġiba wiesgħa u flessibbli biżżejjed sabiex tkun koperta kull sitwazzjoni konċepibbli (18).

67.      Nemmen, madankollu, li dan it-tħassib —li huwa leġittimu ħafna— ma jistax iwassal sabiex jiġu injorati t-termini tar-rieda tal-leġiżlatur u li l-interpretazzjoni sistematika tal-premessa 26 tad-Direttiva 95/46 qed titnaqqas għall-“ mezzi [...] li raġonevolment aktax jintużaw” minn ċerti terzi.

68.      Bħalma l-premessa 26 ma tirreferix għal kwalunkwe mezz li jista’ jintuża mill-kontrollur (f’dan il-każ, il-fornitur tas-servizzi tal-internet), iżda biss għal dak li dan jista’ juża “raġonevolment”, l-istess jista’ jingħad għalfejn il-leġiżlatur jirreferi għall-“partijiet terzi” li l-kontrollur jista’, raġonevolment ukoll, jista’ jikkuntattja meta jkun jixtieq jikseb data addizzjonali għall-identifikazzjoni. Dan ma huwiex se jiġri meta l-kuntatt ma’ dawn it-terzi, fil-fatt, ikun jiswa ħafna f’termini ta’ riżorsi umani u ekonomiċi, jew prattikament impossibbli jew ipprojbit bil-liġi. Min-naħa l-oħra, kif intqal preċedentement, ikun prattikament impossibbli li ssir diskriminazzjoni bejn tipi differenti ta’ mezzi , peress li wieħed għandu dejjem jiftakar fil-possibbiltà ta’ terz li, irrispettivament minn kemm tkun inaċċessibbli għall-fornitur tas-servizz tal-internet, jista’ jkollu —attwalment, jew fil-futur— data addizzjonali rilevanti li tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ utent.

69.      Kif irrilevajt qabel, it-terz li jirreferi għalih il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) huwa fornitur ta’ aċċess għan-netwerk. Dan huwa, ċertament, it-terz li bl-iktar probabbiltà jiġi avviċinat mill-fornitur tas-servizzi biex jiġbor data addizzjonali speċifika, jekk ikollu l-għan li jidentifika bl-iktar mod effettiv, prattiku u dirett lill-utent li jkun żar il-paġna tal-internet tiegħu permezz ta’ indirizz IP dinamiku. Bl-ebda mod ma huwa terz ipotetiku, mhux magħruf u inaċċessibbli, iżda huwa attur ewlieni fin-netwerk tal-internet, li huwa magħruf b’ċertezza li jkun fil-pussess tad-data meħtieġa mill-fornitur tas-servizzi sabiex jidentifika utent. Fil-fatt, u kif tistqarr il-qorti tar-rinviju, huwa dak it-terz partikolari li l-konvenuta beħsiebha tikkuntattja fil-kawża prinċipali sabiex tiġbor id-data addizzjonali li hija essenzjali għaliha.

70.      Il-fornitur tal-aċċess għall-internet, tipikament, huwa t-terz imsemmi fil-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, li “raġonevolment” jista’ jiġi kkuntattjat mill-fornitur tas-servizzi tal-kawża a quo. Għandu jiġi ċċarat, madankollu, jekk il-kisba ta’ data addizzjonali miżmuma minn dan it-terz tistax tiġi kklassifikata bħala “raġonevolment” vijabbli jew prattikabbli.

71.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li, peress li l-informazzjoni miżmuma mill-fornitur tal-aċċess għall-internet hija data personali, dan ma jistax jipprovdiha immedjatament, iżda biss skont ir-regolamenti li jirregolaw l-ipproċessar ta’ din id-data (19).

72.      Ma hemm ebda dubju dwar dan, minħabba li sabiex din l-informazzjoni tkun tistà tintuża għandha tiġi osservata l-leġiżlazzjoni applikabbli għad-data personali. Informazzjoni tista’ tinkiseb biss “raġonevolment” jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal din it-tip ta’ data jiġu ssodisfatti, li l-ewwel minnhom hija l-possibbiltà legali li jinżammu u jintbagħtu lil oħrajn. Ċertament il-fornitur tal-aċċess għall-internet huwa intitolat li jirrifjuta l-għoti tad-data kkonċernata, iżda tista’ teżisti wkoll is-sitwazzjoni opposta. Il-possibbiltà ta’ trażmissjoni tad-data, perfettament “raġonevoli”, waħedha tibdel lill-indirizz IP dinamiku, skont it-termini tal-premessa 26 tad-Direttiva 95/46, f’data personali għall-fornitur tas-servizzi tal-internet.

73.      Din hija eventwalità possibbli fil-qafas tal-liġi u, għalhekk, “raġonevoli”. Il-mezzi ta’ aċċess raġonevoli li tirreferi għalihom id-Direttiva 95/46 għandhom ikunu, mid-definizzjoni tagħhom stess, mezzi legali (20). Din hija l-premessa li, naturalment, tuża l-qorti tar-rinviju, kif imfakkar mill-Gvern Ġermaniż (21). Għalhekk jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv il-mezzi ta’ aċċess legalment rilevanti, li għandhom ikunu, b’mod esklużiv, dawk ta’ natura legali. Iżda kemm-il darba dawn jeżistu, irrispettivament minn kemm jistgħu jkunu restrittivi fl-applikazzjoni prattika tagħhom, huma jirrappreżentaw “mezz raġonevoli”, fis-sens tad-Direttiva 95/46.

74.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, skont it-termini użati mill-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali), l-ewwel domanda tagħha jistħoqqilha risposta fl-affermattiv. L-indirizz IP dinamiku għandu jiġi elenkat, għall-fornitur tas-servizz tal-internet, bħala data personali b’kunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ terz (il-fornitur ta’ aċċess għan-netwerk) li raġonevolment jista’ jiġi kkuntattjat sabiex tingħata data addizzjonali li, flimkien mal-indirizz IP dinamiku, twassal għall-identifikazzjoni ta’ utent.

75.      Ir-riżultat li twassal għalih soluzzjoni opposta għal dik li qed nipproponi naħseb li ssaħħaħ dan. Jekk l-indirizzi IP dinamiċi ma jikkostitwixxux data personali għall-fornitur tas-servizzi tal-internet, dan jista’ jżommhom indefinittivament, u jista’ fi kwalunkwe ħin jitlob lill-fornitur ta’ aċċess għall-internet id-data addizzjonali sabiex jikkombinaha magħhom u jidentifika lill-utent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sostna l-Gvern Ġermaniż (22), l-indirizz IP dinamiku jsir data personali, peress li diġà jkun hemm data addizzjonali valida sabiex jiġi identifikat l-utent, filwaqt li tiġi applikata f’dan ir-rigward il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

76.      Issa, din tkun data li ż-żamma tagħha kienet tkun possibbli biss peress li ma kinitx ikkunsidrata, sa issa, bħala data personali għall-fornitur tas-servizz. Għalhekk huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni legali tal-indirizz IP dinamiku bħala data personali, bla ħsara għall-possibbiltà li, f’xi żmien fil-futur, jiddeċiedi li jużaha sabiex jiġi identifikat l-utent billi jużah flimkien mad-data addizzjonali li għandha tinġabar mingħand terz. Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-fattur determinanti, skont id-Direttiva 95/46, hija l-possibbiltà —raġonevoli— tal-eżistenza ta’ terz “aċċessibbili”, li jkollu l-mezzi neċessarji li jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ persuna, u mhux il-possibbiltà li jkun hemm l-avviċinament ta’ dan it-terz.

77.      Jista’ jintqal ukoll, bi qbil mal-Gvern Ġermaniż, li l-indirizz IP dinamiku jsir biss data personali malli tasal għand il-fornitur tal-aċċess għall-internet. Madankollu, ikollu għalhekk jiġi aċċettat li din il-klassifikazzjoni ssir b’effett retroattiv, f’dak li jirrigwarda l-perijodu taż-żamma ta’ indirizz IP u, konsegwentement, għandu jitqies bħala ineżistenti jekk ikun inqabeż iż-żmien li matulu jista’ jinżamm li kieku ġie kklassifikat sa mill-bidu bħala data personali. Din it-teorija twassal għal riżultat li jmur kontra l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Ir-raġuni li tiġġustifika ż-żamma temporanja biss tad-data titlef l-effettività tagħha fil-każ tal-eventwali dewmien fil-konstatazzjoni tar-rilevanza ta’ kwalità li tkun inerenti għaliha sa mill-bidu: il-virtwalità tiegħu bħala mezz ta’ identifikazzjoni —waħdu jew flimkien ma’ data oħra— ta’ persuna fiżika. Għal din ir-raġuni wkoll, mil-lat purament ekonomiku, huwa iktar raġonevoli li dan jingħata din il-karatteristika sa mill-bidu.

78.      Għalhekk, bħala l-ewwel konklużjoni, nemmen li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP maħżun minn fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ aċċess għall-paġna tal-internet tiegħu huwa, għal dan il-fornitur, data personali, kemm il-darba fornitur ta’ aċċess għan-netwerk (internet) ikollu d-data addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata.

B –    It-tieni domanda

79.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li taċċetta biss il-ġbir u l-użu tad-data personali ta’ utent, mingħajr il-kunsens tiegħu, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġi pprovdut u ffatturat l-użu speċifiku tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni minn dan l-utent, mingħajr il-fatt li l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-servizz jista’ jiġġustifika l-użu ta’ din id-data wara li titlesta kull operazzjoni ta’ użu.

80.      Ir-risposta għandha tkun ippreċeduta minn spjegazzjoni dwar l-informazzjoni pprovduta mill-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali), li tgħid li d-data inkwistjoni tinżamm sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-siti tal-internet involuti fil-kawża prinċipali, u tippermetti, fejn xieraq, il-prosekuzzjoni kriminali ta’ attakki ċibernetiċi li jista’ jkun hemm fuqhom.

81.      Għandu jiġi stabbilit, għalhekk, qabelxejn jekk l-ipproċessar tal-indirizzi IP li jsir riferiment għalihom fir-rinviju, huwiex inkluż fl-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (23).

1.      Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni

82.      Jidher li fil-kawża prinċipali r-Repubblika Federali tal-Ġermanja taġixxi bħala sempliċi fornitur tas-servizzi tal-internet, jiġifieri, bħala suġġett privat (u, għaldaqstant, sine imperio). Minn dan il-fatt jirriżulta li, bħala prinċipju, l-ipproċessar tad-data suġġetta għal din il-kawża ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

83.      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lindqvist (24), l-attivitajiet taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 “huma, fil-każijiet kollha, attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet Statali u li mhumiex marbuta ma’ l-oqsma ta’ attività ta’ individwi” (25). Sa fejn il-kontrollur tal-ipproċessar tad-data kkontestata hija entità li, minkejja li hija awtorità pubblika, fil-fatt taġixxi bħala suġġett privat, hija applikabbli d-Direttiva 95/46.

84.      Il-qorti tar-rinviju, meta tindika l-għan ewlieni segwit mill-Awtoritajiet Ġermaniżi permezz tar-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP dinamiċi, tenfasizza li dawn għandhom l-għan li “jiżguraw u jżommu s-sigurtà u l-operat tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni tagħhom”; b’mod partikolari, li jippromwovu “l-individwazzjoni u l-ħarsien kontra attakki frekwenti ta’ “denial of service”, fejn l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tiġi pparalizzata minn kwantità kbira ta’ applikazzjonijiet, intenzjonati u kkoordinati minn ċerti servers tan-netwerk” (26). Iż-żamma tal-indirizzi IP dinamiċi għal dan il-għan hija komuni għall-proprjetarji kollha ta’ siti tal-internet ta’ ċerta importanza u ma tinvolvix, b’mod dirett jew indirett, l-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika, u għalhekk l-inklużjoni tagħhom fl-ambitu tad-Direttiva 95/46 ma timplikax sforz kbir wisq.

85.      Il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) tiddikjara, madankollu, li ż-żamma tal-indirizzi IP dinamiċi mill-fornituri tas-servizzi involuti fil-kawża prinċipali twieġeb ukoll għall-pjan li tittieħed azzjoni kriminali, la jiġi l-waqt, kontra l-awturi ta’ eventwali attakki ċibernetiċi. Dan il-pjan huwa biżżejjed biex l-ipproċessar tad-data jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46?

86.      Fl-opinjoni tiegħi, jekk “proċeduri kriminali” titqies li tfisser l-eżerċizzju tal-ius puniendi tal-Istat mill-fornituri tas-servizz konvenuti fil-kawża prinċipali, inkwistjoni hemm “attività tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali” u, għaldaqstant, waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont id-duttrina stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Huber (27), l-ipproċessar tad-data personali mill-fornituri tas-servizz, fl-oqsma tas-sigurtà u tal-funzjonament tekniku tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni tagħhom, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, filwaqt li l-ipproċessar tad-data maħsub għall-attività tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali ma jaqax taħt dan il-kamp.

88.      Bl-istess mod, anki fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx dik li għandha tressaq il-proċeduri kriminali veri u proprja, u fejn, inkwantu sempliċi fornitur ta’ servizzi sine imperio, jew, bħal kull individwu ieħor, tillimita lilha nnifisha li tittrasferixxi l-indirizzi IP ikkontestati lil organu tal-Istat sabiex tittieħed azzjoni koerċittiva, is-suġġett tal-ipproċessar tal-indirizzi IP dinamiċi xorta waħda tkun attività eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

89.      Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Il-Parlament vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (28), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li ċerta data personali “kienet ġiet miġbura minn operaturi privati għal finijiet kummerċjali u minħabba li huma dawn ta’ l-aħħar li jorganizzaw it-trasferiment tagħhom lejn Stat terz” ma jfissirx li dan it-trasferiment “ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni” tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 meta s-suġġett tat-trasferiment ikun l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali, sakemm dan “isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika” (29).

90.      Għall-kuntrarju, jekk, kif naħseb jien, bi “proċeduri kriminali” wieħed għandu jifhem, skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawk il-proċeduri li għandhom jitressqu minn individwu, inkwantu suġġett intitolat li jħeġġeġ azzjoni ta’ ius puniendi mill-Istat, permezz tal-azzjoni xierqa, għalhekk ma jistax jiġi sostnut li s-suġġett tal-ipproċessar tal-indirizzi IP dinamiċi hija attività tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

91.      Fil-fatt, iż-żamma u r-reġistrazzjoni ta’ din id-data għandhom iservu bħala prova addizzjonali li permezz tagħha l-proprjetarju tal-paġna tal-internet jitlob lill-Istat ir-ripressjoni ex parte, ta’ mġiba illegali. Dawn huma, fl-aħħar mill-aħħar, strument għall-protezzjoni, permezz ta’ proċeduri kriminali, tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku lil suġġett privat (f’dan il-każ, entità pubblika li taġixxi skont il-liġi privata). Minn din il-perspettiva, ma hijiex differenti mill-inizjattiva ta’ kwalunkwe fornitur ieħor tas-servizz tal-internet li jinvoka l-protezzjoni tal-Istat fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżerċizzju tal-azzjoni kriminali stabbilita mill-ordinament ġuridiku.

92.      Konsegwentement, sa fejn l-Awtoritajiet Ġermaniżi jaġixxu bħala fornitur tas-servizz tal-internet li ma għandux setgħa pubblika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-ipproċessar li huma jagħmlu tal-indirizzi IP dinamiċi, bħala data personali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

2.      Fuq il-mertu

93.      L-Artikolu 15(1) tat-TMG jawtorizza biss il-ġbir u l-użu tad-data personali ta’ utent meta dan ikun meħtieġ biex jiġi pprovdut u ffatturat użu partikolari tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. B’mod iktar preċiż, il-fornitur tas-servizz jista’ biss jiġbor u juża dik li tissejjaħ “data għall-użu”, jiġifieri, id-data personali ta’ utent li tkun indispensabbli sabiex isir “l-użu u l-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni”. Din id-data għandha titħassar malli tispiċċa l-operazzjoni (jiġifieri, meta jieqaf l-użu effettiv tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni), sakemm ma jkollhiex tinżamm “għal skopijiet ta’ fatturazzjoni”, kif previst fl-Artikolu 15(4) tat-TMG.

94.      L-Artikolu 15 tal-TMG donnu jipprevedi li ladarba tintemm il-konnessjoni d-data għall-użu tinħażen għal raġunijiet oħra; mhux biex jiġi żgurat “l-użu tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni” b’mod ġenerali. B’riferiment biss għall-iskopijiet ta’ fatturazzjoni bħala ġustifikazzjoni għaż-żamma tad-data, din id-dispożizzjoni tat-TMG tista’ tinqara (għalkemm l-interpretazzjoni definittiva tagħha għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju) bħallikieku tipprevedi li d-data għall-użu tintuża biss sabiex tippermetti relazzjoni speċifika, u titħassar meta din titlesta.

95.      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 (30) jippermetti l-ipproċessar ta’ data personali f’termini li nqis li huma iktar ġenerużi (għall-kontrollur) minn dawk previsti fil-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tat-TMG. Ir-regola Ġermaniża tista’ titqies, f’dan ir-rigward, bħala iktar restrittiva minn dik tal-Unjoni, peress li, bħala prinċipju, ma tinvolvix is-sodisfazzjon ta’ interess leġittimu differenti minn dak marbut mal-fatturazzjoni tas-servizz, b’tali mod li, inkwantu fornitur ta’ servizzi tal-internet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jista’ wkoll ikollha interess leġittimu sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-paġni tal-internet tagħha, lil hinn minn kull relazzjoni ta’ użu (31).

96.      Id-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASNEF u FECEMD (32) tipprovdi l-linji gwida sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mill-għan imfittex mid-Direttiva 95/46 “jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi lista restrittiva u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat leċitu” (33). Minn dan isegwi li “l-Istati Membri la ma jistgħu jżidu prinċipji ġodda dwar il-leġitimazzjoni tad-data personali fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 u lanqas ma jistgħu jipprovdu rekwiżiti addizzjonali li jwasslu sabiex jemendaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-Artikolu” (34).

97.      L-Artikolu 15 tat-TMG ma jżidx rekwiżit addizzjonali ma’ dawk previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 dwar il-legalità tal-ipproċessar tad-data —kif ġara fil-kawżi ASNEF u FECEMD— (35), iżda, jekk jiġi interpretat fis-sens restrittiv li tirreferi għalih il-qorti a quo, inaqqas il-kontenut tal-kundizzjoni msemmija fil-punt f) tal-imsemmija dispożizzjoni: fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jirreferi, b’mod ġenerali, għas-sodisfazzjon ta’ “[...]l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data”, l-Artikolu 15 tat-TMG jipprovdi biss għall-ħtieġa li “jkun permess l-użu [konkret] u l-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni”.

98.      Bħalma ġara fil-kawżi ASNEF u FECEMD (36), anki f’din il-kawża miżura nazzjonali —għal darb’oħra, jekk tiġi interpretata fis-sens restrittiv spjegat qabel— tibdel il-portata ta’ prinċipju tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, pjuttost milli tillimita lilha nnifisha li tispeċifikah, li huwa l-uniku wieħed li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46.

99.      Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu [(37)] jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni l-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi”. Madankollu, hekk kif intqal fil-kawżi ASNEF u FECEMD (38), “abbażi ta’ [din id-dispożizzjoni], l-Istati Membri lanqas ma jistgħu jintroduċu prinċipji oħra dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, u lanqas ma jistgħu jemendaw, permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali, il-portata tas-sitt prinċipji previsti fl-imsemmi Artikolu 7”.

100. L-Artikolu 15 tat-TMG inaqqas sostanzjalment, fir-rigward tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, l-ambitu tal-interess ġuridiku rilevanti sabiex jiġi ġġustifikat l-ipproċessar tad-data, mingħajr ma jillimita lilu nnifsu li jispeċifikah jew jikkwalifikah fil-marġini ta’ dak li huwa awtorizzat mill-Artikolu 5 tal-istess direttiva. Huwa jagħmel dan, barra minn hekk, b’mod inċiżiv u assolut, mingħajr ma jippermetti li l-protezzjoni u l-garanzija tal-użu ġenerali tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni jkunu jistgħu jiġu bbilanċjati mal-“interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)” tad-Direttiva 95/46, kif previst fl-Artikolu 7(f) ta’ din tal-aħħar.

101. Fl-aħħar nett, bħal fil-kawżi ASNEF u FECEMD (39), il-leġiżlatur tal-Istat Ġermaniż stabbilixxa “b’mod definittiv, għal [ċerti kategoriji ta’ data personali], ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma tippermetti riżultat differenti minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku”, b’tali mod li “ma jkunx każ ta’ preċiżazzjoni fis-sens [...][tal-]Artikolu 5” tad-Direttiva 95/46.

102. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nemmen li l-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) għandha tinterpreta l-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva 95/46, li jfisser: a) li fost il-kawżi ta’ ġustifikazzjoni tal-ipproċessar tal-imsemmija “data għall-użu” jista’ jiġi inkluż l-interess leġittimu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jipproteġi l-użu ġenerali tagħhom u b) li dan l-interess tal-fornitur tas-servizz għandu jiġi bbilanċjat, ad casum, mal-interess jew mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-utent, sabiex jiġi ċċarat dak li jistħoqqlu protezzjoni skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 (40).

103. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm xejn iktar li jista’ jingħad dwar it-termini li skonthom għandu jitwettaq dan l-ibbilanċjar fil-każ li wassal għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali) ma tistaqsi xejn dwar dan, peress li kienet ikkonċernata minn kwistjoni preliminari għal din id-deċiżjoni dwar l-ibbilanċjar; jiġifieri, jekk tistax tingħata tali deċiżjoni dwar l-ibbilanċjar.

104. Fl-aħħar nett, jidher superfluwu li jingħad li l-qorti a quo tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali disposizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46, sabiex titnaqqas il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva, meta dan ikun meħtieġ għas-salvagwardja, fost oġġetti oħra, tal-“[...] prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali [...]”. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tirreferi għal dan il-punt, peress li mingħajr dubju hija konxja taż-żewġ artikoli.

105. Konsegwentement, bħala risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula, nissuġġerixxi li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dritt nazzjonali li jimpedixxi lil fornitur tas-servizzi milli jiġbor u jipproċessa d-data personali ta’ utent, irrispettivament mill-kunsens tiegħu, sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, wara t-tmiem ta’ kull operazzjoni ta’ użu.

VI – Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi magħmula skont kif ġej:

“1)      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, l-indirizz IP dinamiku li permezz tiegħu l-utent ikun aċċessa l-paġna tal-internet ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar “data personali”, kemm il-darba fornitur ta’ aċċess għan-netwerk ikollu data addizzjonali oħra li, flimkien mal-indirizz IP dinamiku, tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-utent.

2)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni jista’, bħala prinċipju, jitqies bħala interess leġittimu li s-sodisfazzjon tiegħu tiġġustifika l-ipproċessar ta’ din id-data personali, sakemm ikun hemm deċiżjoni li dan l-interess għandu prijorità fuq l-interess jew id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-interess leġittimu tkun inkompatibbli ma’ dak l-artikolu”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), jimponi, fost obbligi oħra, dak taż-żamma, għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ ksur serju, “id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet, [...] flimkien ma’ l-indirizz tal-IP, kemm jekk dinamiku kif ukoll jekk statiku, allokati mill-fornitur tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet għal komunikazzjoni, u l-user ID tal-abbonat jew ta’ l-utent reġistrat”.


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4 –      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑70/10, EU:C:2011:771), punt 51.


5 –      L-istess ġara fis-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219), punti 51 u 52.


6 –      Liġi tas-26 ta’ Frar 2007 (BGBl 2007 I, p. 179).


7 – Liġi tal-20 ta’ Diċembru 1990 (BGBl 1990 I, p. 2954).


8 –      Skont il-Bundesgerichtshof (il-qorti suprema ċivili u kriminali), id-data għall-użu hija dik ta’ identifikazzjoni tal-utent, tal-bidu u tat-tmiem tal-użu u dwar il-portata tiegħu, u dik relatata mas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jkun uża.


9 –      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑70/10, EU:C:2011:771), punt 51.


10 – Il-problema deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal-24 ta’ Novembru 2011 Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771), punt 51, u tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219). Fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-komunikazzjoni, “għall-finijiet tal-identifikazzjoni tiegħu, tal-isem u tal-indirizz [...] ta’ utent tal-internet li jagħmel użu mill-indirizz IP li minnu huwa preżunt li fajls li jkun fihom xogħlijiet protetti ġew illegalment skambjati [...] tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, flimkien mal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46”.


11 – Rigward iż-żewġ pożizzjonijiet dottrinali, ara, pereżempju, Schreibauer, M., f’Kommentar zum Bundesdatenschutzgesetz. Nebengesetze, Esser, M., Kramer, P., u von Lewinski, K. (eds.), Carl Heymanns Verlag/Wolters Kluwer, Colonia, 2014, 4.ª ed., § 11 Telemediengesetz (4 sa 10). Nink, J., y Pohle, J.: “Die Bestimmbarkeit des Personenbezugs. Von der IP-Adresse zum Anwendungsbereich der Datenschutzgesetze”, f’Multimedia und Recht, 9/2015, p. 563 sa 567. Heidrich, J., u Wegener, C.: “Rechtliche und technische Anforderungen an die Protokollierung von IT-Daten. Problemfall Logging”, f’Multimedia und Recht, 8/2015, p. 487 sa 492. Leisterer, H.: “Die neuen Pflichten zur Netz– und Informationssicherheit und die Verarbeitung personenbezogener Daten zur Gefahrenabwehr”, f’Computer und Recht, 10/2015, p. 665 sa 670.


12 – Traskritt fil-punt 13.


13 – Traskritt fil-punt 11.


14 – Hekk ġie mfakkar mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-Kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255), punt 76, u kif espona l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-opinjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Frar 2010, dwar in-negozjati attwali tal-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) (ĠU 2010, C 147, p. 1, punt 24), u tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI (ĠU 2010, C 323, p. 6, paragrafu 11).


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294), punt 68, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Promusicae (C‑275/06, EU:C:2007:454), punti 51 et seq.


16 – Għandu jiġi ppreżunt, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, li din il-persuna hija dik li tkun fittxet fuq l-internet u aċċessat il-paġna tal-internet korrispondenti. Madankollu, minkejja l-aħħar suppożizzjoni, l-informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-oriġini diġitali tal-aċċess għal paġna tal-internet, tippermetti li ssir rabta bejn dan l-aċċess u s-sid tal-apparat u tassoċjah indirettament ma tendenzi fl-imġiba tiegħu fuq in-netwerk. L-indirizzi IP assenjati lil kompjuters fi ħwienet bħal kafetteriji ċibernetiċi, fejn l-utenti anonimi ma jistgħux jiġu identifikati u fejn, fir-rigward tal-proprjetarji tal-kompjuters, it-traffiku ġġenerat fil-post ma jagħti ebda informazzjoni personali rilevanti. Barra minn hekk, din hija l-unika eċċezzjoni għall-prinċipju li l-indirizzi IP huma data personali appoġġjata mill-Grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni ta’ persuni fl-ipproċessar ta’ data personali, maħluq bid-Direttiva 95/46 (dak li jissejjaħ “Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29”). Wieħed jista’ jaqra l-Opinjoni 4/2007 tiegħu, tal‑20 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kunċett ta’ data personali, WP 136, fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm.


17 –      Enfasi miżjuda minni.


18 – Dan ir-rwol ta’ prekawzjoni u preventiv huwa l-bażi tal-pożizzjoni meħuda mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, li tgħid li, kif indikajt, dak li jkun għandu jitlaq mill-prinċipju li l-indirizzi IP jikkostitwixxu data personali, u jaċċetta bħala unika eċċezzjoni l-ipoteżi li l-fornitur tas-servizz ikun f’pożizzjoni li jiddetermina b’ċertezza assoluta li huma indirizzi ta’ persuni li ma humiex identifikabbli, kif jistgħu jkunu l-utenti tal-kafetterija ċibernetika. Ara n-nota 16, in fine.


19 –      Punti 40 u 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


20 – F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li l-aċċess għad-data personali jista’ jkun possibbli de facto bi ksur tal-liġijiet tal-protezzjoni tad-data.


21 – Punti 47 u 48 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


22 – Punt 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


23 – Ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 “ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat [...] u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali” (enfasi miżjuda minni).


24 – Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003 (C‑101/01, EU:C:2003:596), punt 43.


25 – Fuq l-istess termini, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727), punt 41.


26 –      Punt 36 tad-digriet tar-rinviju tad-domanda preliminari.


27 –      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008 (C‑524/06, EU:C:2008:724), punt 45.


28 –      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), punti 54 sa 59.


29 – Ibidem, punt 59. Dan kien dwar data personali li l-ipproċessar tagħha ma kienx meħtieġ għall-provvista ta’ servizzi li kien in-negozju tal-operaturi privati kkonċernati (kumpanniji tal-linji tal-ajru), iżda dawn kienu obbligati jittrasferuha lill-awtoritajiet Amerikani fil-kuntest tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.


30 – Traskritt fil-punt 17.


31 – Ara l-punt 84. Ċertament, id-detenturi tal-paġni tal-internet għandhom interess leġittimu li jipprevjenu u jiġġieldu kontra ċ-ċaħda ta’ servizz (“denials of servizz”) imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, l-attakki massivi li kultant, huma rilaxxati, b’mod konġunt, kontra xi siti tal-internet sabiex jokkupawhom u jħalluhom inoperattivi.


32 –      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777).


33 –      Ibidem, punt 30.


34 – Ibidem, punt 32.


35 – Każ fejn il-liġi nazzjonali żiedet, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ir-rekwiżit li d-data pproċessata tkun tidher f’sorsi aċċessibbli għall-pubbliku.


36 –      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777).


37 – Kapitolu II, bit-titolu “Regoli ġenerali dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali”, li jinkludi l-Artikoli 5 sa 21 tad-Direttiva 95/46.


38 –      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777), punt 36.


39 –      Ibidem, punt 47.


40 – F’att tal-proċess id-difiża ta’ P. Breyer ċaħdet li r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP dinamiċi kienet meħtieġa sabiex jiġi protett il-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-internet kontra attakki potenzjali. Ma naħsibx li din il-problema tista’ tingħata risposta f’termini assoluti, imma li s-soluzzjoni, għall-kuntrarju, għandha tiġi ppreċeduta, f’kull każ individwali, mill-kuntrast bejn l-interessi tas-sid tas-sit tal-internet u d-drittijiet u l-interessi tal-utenti.