Language of document : ECLI:EU:F:2012:81

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑63/10

BL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ex uffiċjal — Sigurtà soċjali — Inċident — Għeluq tal-proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Applikazzjoni ratione temporis tal-iskala annessa mal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol — Tul tal-proċedura”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BL, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra għalqet il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u ffissat il-ħsara għall-integrità fiżika u mentali (iktar ʼil quddiem l-“ĦIFM”) għal 6 %.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 500. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Kumpens — Dritt għal ħlas — Kundizzjonijiet — Konsolidazzjoni tal-feriti kollha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 19(3))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Skala annessa mar-regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni — Applikazzjoni tal-iskala fis-seħħ fid-data tal-konsolidazzjoni tal-feriti kollha — Applikazzjoni ta’ skala ġdida stabbilita wara dik id-data — Ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 30)

1.      L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-uffiċjal huwa “assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz” għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol u għar-riskji ta’ inċidenti. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-benefiċċji li jkopru dawn ir-riskji huma “pagabbli” lil uffiċjal.

Madankollu, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa sistema ta’ assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, l-istituzzjonijiet, filwaqt li jaġixxu skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, issuġġettaw il-ftuħ tad-dritt għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant il-ħlas tagħhom, fuq l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.

Għalhekk, skont l-Artikolu 19(3) tal-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, id-deċiżjoni li tiffissa l-grad ta’ ħsara għall-integrità fiżika u mentali tista’ ssir biss wara l-konsolidazzjoni tal-feriti tal-persuna assigurata, peress li l-konsolidazzjoni hija l-istat ta’ vittma li l-feriti tagħha ġew iffissati b’tali mod li huma ma jidhrux iktar li jistgħu jfiqu jew imorru għall-aħjar u li bħala prinċipju ma huwa indikat l-ebda trattament għalihom, jekk dan ma jkunx sabiex tiġi evitata aggravazzjoni. Dan ifisser li d-dritt għall-ħlas tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal f’każ ta’ invalidità permanenti parzjali jirriżulta biss wara l-konsolidazzjoni tal-feriti kollha. Barra min dan, huwa biss sa minn din id-data li l-persuna assigurata jkollha d-dritt li tiġi ffissata l-ħsara għall-integrità fiżika u mentali.

(ara l-punti 46 sa 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1981, Suss vs Il‑Kummissjoni, C‑186/80, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 1996, W vs Il‑Kummissjoni, T‑148/95, punt 36

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Frar 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑119/07, punt 88

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, peress li s-sitwazzjoni tal-persuna assigurata, fid-dawl tad-dritt tagħha għall-iffissar ta’ rata tal-ħsara tagħha għall-integrità fiżika u mentali (ĦIFM), tiġi kkostitwita interament fil-mument tal-konsolidazzjoni tal-feriti tagħha, bħala prinċipju għandha tapplika għall-persuna assigurata, l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-ĦIFM li tkun fis-seħħ fid-data ta’ din il-konsolidazzjoni.

Jekk id-data tal-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra tal-abbozz ta’ deċiżjoni li tiffissa r-rata ta’ ĦIFM tal-persuna assigurata u l-ammont tal-kapital korrispondenti kellha tittieħed bħala d-data rilevanti għad-determinazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-ĦIFM applikabbli, kif jirriżulta mill-Artikolu 30 tal-verżjoni l-ġdida tal-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, dan jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ regoli differenti għall-persuni li l-konsolidazzjoni tal-feriti tagħhom tkun saret fl-istess mument, skont il-grad ta’ ħeffa li tkun uriet l-amministrazzjoni waqt l-ipproċessar tal-fajls rispettivi tagħhom, u dan, mhux mingħajr riskju ta’ arbitrarjetà.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-Artikolu 30 tal-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn dan jipprevedi li l-iskala annessa magħha hija applikabbli, fl-assenza ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa r-rata tal-ĦIFM, għall-persuni assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, li l-feriti tagħhom ġew ikkonsolidati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2006, jipprevedi, fir-rigward ta’ dawn il-persuni assigurati, sitwazzjonijiet kkostitwiti interament taħt l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-ĦIFM annessa mal-leġiżlazzjoni l-antika dwar l-assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 30 tal-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward tagħti portata retroattiva lill-iskema annessa magħha.

L-applikazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-ĦIFM annessa mal-verżjoni l-ġdida tal-imsemmija leġiżlazzjoni għall-persuni assigurati, vittmi, qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, ta’ din il-leġiżlazzjoni, ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol u li l-feriti tagħhom ġew ikkonsolidati qabel dik l-istess data, neċessarjament ippreġudikat l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn il-persuni assigurati. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tiġi ddikjarata illegali sa fejn din tipprevedi l-applikazzjoni tal-iskala annessa magħha fir-rigward tal-persuni assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, li l-feriti tagħhom ġew ikkonsolidati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

(ara l-punti 50, 54, 56, 60 u 62)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament, T‑439/09, punti 39 u 40