Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte di appello di Napoli (l-Italja) fit-22 ta’ Jannar 2020 – TJ vs Balga Srl

(Kawża C-32/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte di appello di Napoli

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: TJ

Parti l-oħra: Balga Srl

Domandi preliminari

L-Artikolu 30 taċ-CDFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi, f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali, dritt għal protezzjoni kkwalifikata minn parametri ta’ effettività, effikaċja, adegwatezza u deterrenza, sa fejn tali ħtiġijiet jikkostitwixxu n-natura tas-sanzjonijiet previsti mid-“dritt tal-Unjoni” b’salvagwardja tar-rispett ta’ valuri fundamentali, li magħhom għandhom jikkonformaw ir-regola nazzjonali – jew il-prattika ta’ applikazzjoni – li tipprovdi għal miżura konkreta ta’ sanzjoni kontra kull tkeċċija mhux iġġustifikata. Konsegwentement, il-qorti nazzjonali tista’ tuża dawn il-parametri fil-kawża prinċipali sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 98/59/KE 1 ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni?

Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni impost mill-ordinament tal-Unjoni f’każ ta’ tkeċċija kollettiva illegali, l-Artikolu 30 taċ-CDFUE għandu jiġi interpretat “b’kont dovut”, u għalhekk li tiġi kkunsidrata rilevanti, it-tifsira materjali tal-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta, li hemm riferiment għaliha fl-Ispjegazzjonijiet, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jekk, konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika ta’ applikazzjoni li, meta jeskludi miżura ta’ reintegrazzjoni tal-post tax-xogħol, tillimita l-protezzjoni għal rimedju purament kumpensatorju, ikkaratterizzat minn limitu massimu pparametriżżat għal kriterju prijoritarju ta’ anzjanità fuq ix-xogħol, u mhux għar-riżarċiment tad-danni subiti mill-ħaddiem b’riżultat tat-telf tas-sors ta’ sosteniment tiegħu?

Għalhekk, il-qorti nazzjonali, meta tevalwa il-grad ta’ kompatibbiltà tar-regola interna li timplimenta, jew jistabbilixxi, il-miżura tal-protezzjoni f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali (minħabba ksur tal-kriterji ta’ għażla), għandha tqis il-kontenut elaborat fil-Karta Soċjali Ewropea li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-korpi tagħha u xorta tqis neċessarja protezzjoni li tiżgura jew, tal-inqas tipprova tiżgura ir-riżarċiment sħiħ tal-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mit-telf tal-kuntratt tax-xogħol?

L-Artikoli 20, 21, 34 u 47 taċ-CDFUE jipprekludu l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ prattika ta’ applikazzjoni minn naħa ta’ Stat Membru, li timplimenta d-Direttiva 98/59/KE, li tipprevedi biss għall-ħaddiema rreklutati wara s-7 ta’ Marzu 2015 involuti fl-istess proċedura, sistema ta’ sanzjoni li għall-kuntrarju tas-sistema pprovduta għall-ħaddiema l-oħra suġġetti għall-istess proċedura, iżda rreklutati qabel dik id-data, teskludi r-reintegrazzjoni fil-post tax-xogħol u, fi kwalunkwe każ, ir-riżarċiment tal-konsegwenzi li jirriżultaw mit-telf tad-dħul u mit-telf ta’ kopertura tas-sigurtà soċjali, billi tipprovdilhom biss kumpens f’ammont iddeterminat b’mod prijoritarju fuq parametru tal-anzjanità fuq ix-xogħol, billi jagħmel distinzjoni, għalhekk, fuq il-bażi tad-data tar-reklutaġġ, is-sanzjoni b’mod li tiġġenera diversità fuq livelli ta’ protezzjoni bbażati fuq l-hawn imsemmi kriterju u mhux fuq il-konsegwenzi effettivi subiti wara t-telf inġust tas-sors ta’ sosteniment?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol.3, p. 327).