Language of document : ECLI:EU:F:2012:149

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

6 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑41/06 RENV

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Invalidità — Irtirar mhux volontarju minħabba invalidità — Kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Invalidità — Regolarità — Kundizzjonijiet”

Suġġett: Rikors, inizjalment ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, mibgħut quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Marcuccio (T‑20/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-rinviju”), li tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑41/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”) li kienet iddeċidiet dwar ir-rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ April 2006, li permezz tiegħu L. Marcuccio kien talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Mejju 2005, li rtiratu minħabba invalidità kif ukoll sensiela ta’ atti marbuta mal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallsu danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi F‑41/06, F‑41/06 RENV u T‑20/09 P.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq motivazzjoni insuffiċjenti — Motiv ta’ ordni pubbliku

2.      Uffiċjali — Deċiżjoni individwali — Deċiżjoni amministrattiva interna —Obbligu li jiġu ppreċiżati d-dispożizzjonijiet legali interni applikabbli fil-qasam tas-supplenza — Assenza

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

3.      Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Drittijiet proċedurali tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikoli 7 u 9)

4.      Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Kompożizzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

5.      Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Kompożizzjoni — Riżenja tat-tabib li jirrappreżenta l-uffiċjal — Obbligu għall-membri l-oħra tal-kumitat jew għall-istituzzjoni li tivverifika l-għarfien ta’ din ir-riżenja mill-uffiċjal — Assenza — Eċċezzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

6.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Dmir ta’ lealtà — Kunċett — Portata — Obbligu li jidher quddiem il-Kumitat tal-Invalidità fil-każ ta’ talba minn dan tal-aħħar

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 21)

7.      Uffiċjali — Invalidità — Riferiment lill-Kummissjoni tal-Invalidità — Setgħa strettament stabbilita bl-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(4))

8.      Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Kompożizzjoni — Nomina tat-tobba — Bdil tal-għażla — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

9.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Eżami mediku — Kontenut — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(1) u (4))

10.    Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Kompożizzjoni — Bdil tat-tielet tabib innominat ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja b’tabib magħżul bi qbil komuni bejn iż-żewġ tobba l-oħra — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

11.    Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Pensjoni tal-invalidità — Possibbiltà għall-Kumitat tal-Invalidità li jikkontrollaw b’mod regolari l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-uffiċjal — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 15)

12.    Uffiċjali — Invalidità — Kumitat tal-Invalidità — Osservanza tas-sigriet tal-proċeduri — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26a u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 u Anness II, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 9)

1.      Il-motivi bbażati fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata huma motivi ta’ ordni pubbliku li għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punt 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C-386/10 P, punt 64

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T-160/08 P, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Istituzzjoni la għandha tindika b’mod speċifiku, f’deċiżjoni amministrattiva interna mibgħuta mid-dipartimenti tagħha lil wieħed mill-uffiċjali tagħha, ir-riferimenti għad-dispożizzjonijiet legali interni dwar is-sistema ta’ supplenza, u lanqas, a fortiori, tiċċita l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 74)

3.      Il-proċeduri ta’ Kumitat tal-Invalidità ma jidħlux fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontradittorja miftuħa kontra uffiċjal u lanqas ma huwa intiż li jiddeċiedi kunflitt bejn l-amministrazzjoni u l-impjegat tagħha. L-għan tal-proċeduri ta’ Kumitat tal-Invalidità huwa li jiġu stabbiliti konstatazzjonijiet mediċi li jippermettu lill-amministrazzjoni tiddeċiedi jekk u sa fejn l-uffiċjal ikkonċernat qiegħedx ibati minn invalidità. Għaldaqstant, is-smigħ tal-uffiċjal minn tali kumitat ma huwiex impost minn prinċipji dwar id-drittijiet tad-difiża.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi speċjali bħal pereżempju l-proċedura ta’ rtirar mhux volontarju minħabba invalidità, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jibbenefika mid-drittijiet proċedurali uniċi għal dawn il-proċeduri u għalhekk distinti mid-drittijiet tad-difiża.

Għalhekk, matul il-proċeduri ta’ Kumitat tal-Invalidità, l-interessi tal-uffiċjal huma, fl-ewwel lok, irrappreżentati u mħarsa mill-preżenza fi ħdan il-kumitat, abbażi tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-tabib li jirrappreżentah. Fit-tieni lok, in-nomina tat-tielet tabib bi qbil komuni bejn iż-żewġ membri l-oħra nnominati minn kull parti u, fin-nuqqas ta’ qbil, mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi garanzija ta’ imparzjalità fit-tmexxija tal-proċeduri tal-Kumitat tal-Invalidità. Fit-tielet lok, abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jippreżenta lill-Kumitat tal-Invalidità kwalunkwe rapport jew ċertifikat ta’ professjonist li huwa kkonsulta.

(ara l-punti 79 sa 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, 2/87, punti 10 u 16

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑42/10, point 48

4.      Minħabba l-importanza tar-rwol u tal-mandat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-Kumitat tal-Invalidità, il-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ strett tar-regoli dwar il-kostituzzjoni u l-funzjonament regolari ta’ dan il-kumitat. Fl-ewwel post tagħhom hemm ir-regola li tinsab fl-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiżgura lill-uffiċjal li d-drittijiet u l-interessi tiegħu ser jiġu mħarsa bil-preżenza, fi ħdan il-kumitat, ta’ tabib li fih għandu fiduċja. L-eżistenza ta’ kundizzjonijiet li jiġġustifikaw in-nomina ex officio ta’ dan it-tabib għandha għalhekk tiġi vverifikata b’attenzjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-aġir tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda tal-elementi kollha utli li l-qorti tal-Unjoni jkollha f’idejha.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Marzu 1996, Otten vs Il-Kummissjoni, T-376/94, punt 47

5.      L-informazzjoni li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ invalidità, l-uffiċjal u t-tabib innominat minnu biex jirrappreżentah fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità jistgħu jiskambjaw, dwar b’mod partikolari l-eżistenza jew iż-żamma tal-mandat tat-tabib hekk innominat jew il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat, jaqgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali u ta’ fiduċja li jeżistu bejn dan it-tabib u l-uffiċjal li lilu jirrappreżenta. Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ suspetti gravi u ta’ indizji manifesti dwar l-oriġini effettiva tal-komunikazzjonijiet li l-membri tal-Kumitat tal-Invalidità jew id-dipartimenti kompetenti tal-istituzzjoni jirċievu direttament mingħand it-tabib innominat mir-rikorrent, id-deċiżjoni ta’ dan it-tabib li jinforma lill-membri l-oħra tal-Kumitat bir-riżenja tiegħu mill-mandat li l-uffiċjal fdah bih ma twassalx biex dawn tal-aħħar jew id-dipartimenti tal-istituzzjoni jkollhom l-obbligu li jivverifikaw jekk l-uffiċjal li t-tabib suppost qed jirrappreżentah kienx effettivament jaf b’din id-deċiżjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-imsemmija relazzjonijiet kuntrattwali u ta’ fiduċja li jeżistu bejn it-tabib u l-uffiċjal li lilu jirrappreżenta, l-għarfien ta’ tali deċiżjoni mill-imsemmi uffiċjal hija bħala regola ġenerali meħuda bħala fatt.

(ara l-punt 91)

6.      Fil-każ li l-Kumitat tal-Invalidità jqis li huwa xieraq li l-uffiċjal jiġi eżaminat, huwa dan tal-aħħar, fil-kuntest tad-dmir ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni li huwa impost fuq kull uffiċjal abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, li juża d-diliġenza kollha meħtieġa biex jikkonforma ruħu mal-istedieni biex jippreżenta ruħu quddiem il-Kumitat tal-Invalidità.

(ara l-punt 98)

7.      Fil-każ ta’ uffiċjal li l-leave akkumulat għal mard jeċċedi tnax-il xahar matul perijodu ta’ tliet snin, ir-riferiment lill-Kumitat tal-Invalidità ma huwiex setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra. Kuntrarjament, tali setgħa hija strettament stabbilita u espressament limitata bil-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 104)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il-Kunsill, T-84/98, punt 66

8.      La l-kliem u lanqas l-għan tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprekludu la lill-istituzzjoni u lanqas lill-uffiċjali milli jbiddlu, jekk meħtieġ, l-għażla tat-tabib inkarigat li jirrappreżenthom fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità, b’mod partikolari meta dan it-tabib ma jibqax disponibbli.

Għalhekk, meta dan ikun indispensabbli, id-deċiżjonijiet individwali tal-Awtorità tal-Ħatra dwar il-kompożizzjoni ratione personae tal-Kumitat tal-Invalidità jistgħu jinbiddlu tul il-proċeduri kollha tiegħu.

Għalhekk, is-sostituzzjoni progressiva ta’ wieħed jew iktar mill-membri tal-Kumitat tal-Invalidità, li saħansitra tista’ twassal għal bdil sħiħ tal-kompożizzjoni tiegħu, la trend awtomatikament null l-eżistenza ta’ dan il-kumitat u lanqas il-mandat tiegħu u ma tinvolvix neċessarjament li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha tirreferri ratione temporis żewġ Kumitati tal-Invalidità distinti.

(ara l-punti 119, 120 u 134)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Novembru 2004, O vs Il-Kummissjoni, T-376/02, punt 42

9.      L-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjoni li tissuġġetta, matul kull mument, lill-uffiċjal b’leave tal-mard għal kontroll mediku, irrispettivament jekk il-Kumitat tal-Invalidità previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu jkunx ġie ikkostitwit jew le. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan il-kontroll, huwa d-dipartiment mediku tal-istituzzjoni tal-uffiċjal li għandu jiddeċiedi, skont l-istat tas-saħħa tiegħu, liema tipi ta’ eżamijiet huma opportuni jew indispensabbli. Minħabba n-natura tagħha, tali deċiżjoni tmur lil hinn mill-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, ħlief fil-każ ta’ żball manifest.

(ara l-punt 124)

10.    In-nomina ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-tabib inkarigat li jirrappreżenta uffiċjal fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità ma tfissirx li t-tabib hekk innominat mhux ser jaġixxi f’isem u fl-interess tal-uffiċjali li lilu huwa għandu jirrappreżenta. Kuntrarjament, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi statutorji tiegħu, dan it-tabib jaġixxi fl-interess tal-uffiċjal li lilu jirrappreżenta u huwa għalhekk, totalment awtorizzat li jinnomina, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet tabib, bi qbil mat-tabib innominat mill-istituzzjoni.

Konsegwentement, mill-mument li, fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità, l-ewwel u t-tieni tabib għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet li huma tagħhom, wieħed fl-interess tal-istituzzjoni u l-ieħor fl-interess tal-uffiċjal ikkonċernat, hemm lok li jiġi aċċettat li dawn iż-żewġ tobba għandhom ukoll jeżerċitaw b’mod sħiħ il-prerogattivi li huma rrikonoxxuti lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, mill-mument li huma għandhom jassumu l-mandat bħala membru ta’ Kumitat tal-Invalidità, dawn iż-żewġ tobba għandhom ikunu jistgħu jinnominaw it-tielet tabib, preċiżament fl-interess tat-tmexxija tajba tal-proċeduri tal-Kumitat tal-Invalidità, jew billi jiddeċiedu li jżommu lit-tielet tabib diġà nnominat, minħabba pereżempju l-preferenza tagħhom li jkun hemm tabib li jkollu speċjalizzazzjoni differenti, jew billi jiddeċiedu li jinnominaw, bi qbil komuni, it-tielet tabib tal-fiduċja tagħhom.

Barra minn hekk, in-nomina tat-tielet tabib ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitwixxix att ta’ natura legali iżda att ta’ natura amministrattiva, li, minħabba din in-natura, ma tistax teskludi neċessarjament kull possibbiltà ta’ ftehim bejn it-tobba kkonċernati. Barra minn hekk, kif jindika l-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qbil komuni taż-żewġ tobba dwar isem it-tielet tabib jippreċedi n-nomina ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li konsegwentement jintervjeni u jkun validu biss fil-każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ tobba inkwistjoni.

Fil-fatt, peress li l-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan li jiżgura, sa fejn possibbli, li t-tielet tabib ikollu l-fiduċja kemm tat-tabib tal-istituzzjoni kif ukoll tat-tabib tal-uffiċjal ikkonċernat, iż-żewġ membri tal-Kumitat tal-Invalidità, inkarigati rispettivament li jirrappreżentaw lill-istituzzjoni u lill-uffiċjal ikkonċernat, ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-kompetenza li l-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu jagħtihom, jiġifieri dik li jinnominaw bi qbil komuni t-tielet tabib, minħabba nomina preċedenti ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Min naħa l-oħra, opinjoni mogħtija b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Invalidità ma tistax a posteriori tirregola b’mod validu irregolarità eventwali li taffettwa l-legalità tal-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat.

(ara l-punti 135, 136 u 138 sa 141)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il‑Kummissjoni, T-196/95, punt 80

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2011, Hecq vs Il-Kummissjoni, F-47/10, punt 52

11.    Peress li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw din l-invalidità, l-attività tal-uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità permanenti totali tiġi biss sospiża. Issa, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi vverifikata f’intervalli regolari.

Għalhekk, il-Kumitat tal-Invalidità jista’ jirrakkomanda lill-istituzzjoni kkonċernata, mingħajr mal-Awtorità tal-Ħatra tkun marbuta b’dan is-suġġeriment, biex tipproċedi b’eżami perijodiku ġdid tal-uffiċjal wara perijodu ta’ sentejn, u wara fuq bażi annwali.

(ara l-punti 145 u 146)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C-198/07 P, punt 47

12.    L-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal joħloq distinzjoni ċara bejn, fit-tieni paragrafu tiegħu, “il-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ l-Invalidità” mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat u, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-“proċeduri tal-Kumitat” li huma u għandhom min-naħa l-oħra jibqgħu “sigrieti”.

In-natura sigrieta tal-proċeduri tal-Kumitat tal-Invalidità hija minħabba n-natura, il-kontenut u l-implikazzjonijiet mediċi tagħhom. Huwa għalhekk li l-proċeduri tal-Kumitat tal-Invalidità ma jistgħux jiġu kkomunikati la l-imsemmija awtorità u lanqas lill-uffiċjal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-atti, ta’ natura amministrattiva jew proċedural tal-istess kumitat, li ma jaqgħux fil-kuntest tar-responsabbiltajiet mediċi tiegħu, bħal pereżempju t-tqassim final tal-voti fi ħdanu jew il-konklużjonijiet li jasal għalihom wara l-proċeduri, ma għandhomx għalfejn jiġu suġġetti għar-rekwiżit tas-sigriet mediku u jistgħu jiġu kkomunikati lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 150 u 151)