Language of document : ECLI:EU:F:2014:168

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑66/13

Beatriz Molina Solano

vs

L‑Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Konvenzjoni Europol – Regolamenti tal-persunal tal-Europol – Deċiżjoni 2009/371/ĠAI – Applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membri tal-persunal tal-Europol – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat – Rifjut li jingħata kuntratt ta’ aġent temporanju għal żmien indeterminat ”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu B. Molina Solano titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2012 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) irrifjuta li jġedded għal żmien indeterminat il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat li skada fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. B. Molina Solano għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 88)

1.      Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

(ara l-punt 42)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Mendes vs Il‑Kummissjoni, F‑125/11, EU:F:2013:35, punt 62

2.      L-amministrazzjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tat-tiġdid ta’ kuntratti u, f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-fatturi u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx f’limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Barra minn hekk, id-dmir ta’ premura jimplika b’mod partikolari li, meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija u tagħmel dan hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Fid-dawl preċiżament tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-awtorità kompetenti aġixxietx f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat.

(ara l-punti 54 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Gheysens vs Il‑Kunsill, F‑8/10, EU:F:2010:151, punt 75