Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-25 ta’ Settembru 2018 – AFMB Ltd et vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

(Kawża C-610/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Centrale Raad van Beroep

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AFMB Ltd et

Konvenut: Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

Domandi preliminari

A. L-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, ix-xufier ta’ trakkijiet impjegat fit-trasport internazzjonali bit-triq huwa meqjus bħala li jagħmel parti mill-persunal sewwieq:

tal-impriża ta’ trasport li rreklutat il-persuna kkonċernata, li l-persuna kkonċernata hija effettivament għad-dispożizzjoni sħiħa tagħha għal żmien indeterminat, li teżerċita l-awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, jew

tal-impriża li tkun uffiċjalment ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol max-xufier ta’ trakkijiet u li ħallset lill-persuna kkonċernata salarju skont ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a) u f’dan ir-rigward ħallset kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ din l-impriża u mhux fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a);

kemm tal-impriża msemmija taħt (a) kif ukoll tal-impriża msemmija taħt (b)?

B. L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, il-persuna li timpjega x-xufier ta’ trakkijiet impjegat fit-trasport internazzjonali bit-triq hija meqjusa li hija:

l-impriża ta’ trasport li rreklutat il-persuna kkonċernata, li l-persuna kkonċernata hija effettivament għad-dispożizzjoni tagħha għal żmien indeterminat, li teżerċita l-awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, jew

l-impriża li tkun uffiċjalment ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol max-xufier ta’ trakkijiet u li ħallset lill-persuna kkonċernata salarju skont ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a) u f’dan ir-rigward ħallset kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede ta’ din l-impriża u mhux fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-impriża ta’ trasport imsemmija taħt (a);

kemm tal-impriża msemmija taħt (a) kif ukoll tal-impriża msemmija taħt (b)?

Fil-każ fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-impriża msemmija fid-domanda 1.A(b) u fid-domanda 1.B(b) hija kkunsidrata bħala l-persuna li timpjega:

Il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom il-persuni li jimpjegaw, bħal aġenziji temporanji u intermedjarji oħra, jistgħu jinvokaw l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-Istat ta’ impjeg, stabbiliti fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, japplikaw ukoll b’analoġija fil-kawżi prinċipali, totalment jew parzjalment, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

Fil-każ fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-impriża msemmija fid-domanda 1.A(b) u fid-domanda 1.B(b) hija kkunsidrata bħala l-persuna li timpjega u fejn id-domanda 2 titlob risposta negattiva:

il-fatti u ċirkustanzi deskritti f’din id-domanda jikkostitwixxu sitwazzjoni li għandha tiġi kklassifikata bħala abbuż ta’ liġi tal-Unjoni jew bħala abbuż tad-dritt tal-EFTA? Jekk ikun il-każ, x’inhija l-konsegwenza?

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

2 Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).