Language of document : ECLI:EU:F:2007:212

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Novembru 2007

Kawża F-19/07

Georgi Kerelov

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Bord ta’ l-Għażla – Kuntatt mal-membri tal-Bord ta’ l-Għażla – Esklużjoni mill-kompetizzjoni – Nuqqas ta’ tqegħid fuq il-lista ta’ riżerva”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih G. Kerelov jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/43/06, tas-6 ta’ Diċembru 2006 u tat-2 ta’ Frar 2007, rispettivament, li ma jitqegħedx fuq il-lista ta’ riżerva ta’ l-imsemmija kompetizzjoni u li jiġi eskluż minn din ta’ l-aħħar, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu kumpens f’somma waħda stmat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 120 491.28.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Motivi

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord ta’ l-Ġhażla – Deċiżjoni li kandidat jiġi eskluż

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30)

1.      Fil-kuntest ta’ rikors li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li kandidat jiġi eskluż minn kompetizzjoni għar-raġuni li huwa kiser il-kundizzjonijiet ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni billi kkuntattja l-membri tal-Bord ta’ l-Għażla, hija l-persuna kkonċernata li għandha, meta jkun hemm provi suffiċjentement preċiżi u kkorroborati in sostenn ta’ dan il-fatt, iġġib il-prova kuntrarja jew, għall-inqas, tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni li tista’ tqiegħed fid-dubju l-verosimiljanza tal-fatt allegat, b’mod li t-Tribunal ikun jista’ jasal għad-deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 79

2.      Il-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni, li skond l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu s-setgħa jħejji lista ta’ kandidati xierqa, huwa kompetenti sabiex jikkonstata l-imġiba irregolari ta’ kandidat u jeskludih mill-kompetizzjoni skond il-kundizzjonijiet ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-deċiżjoni formali ta’ esklużjoni tal-kandidat ġiet ikkomunikata lil dan ta’ l-aħħar biss wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ riżerva li bi żball kienet tinkludi l-isem tal-persuna kkonċernata ma jirrendix l-imsemmija deċiżjoni irregolari, fin-nuqqas ta’ xi terminu perentorju f’dan ir-rigward, previst fid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal, u fin-nuqqas ta’ xi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-istituzzjoni tista’, għal din ir-raġuni, tiġi akkużata li wettqet.

(ara l-punt 37)