Language of document : ECLI:EU:C:2019:191

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C72/18

Daniel Ustariz Aróstegui

vs

Departamento de Educación del Gobierno de Navarra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona n. 1 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien determinat – Membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati fis-servizz pubbliku – Għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni – Remunerazzjoni għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ karriera professjonali – Esklużjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tiżdied ma’ serje, li issa saret twila, ta’ kawżi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien determinat fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol fil-kuntest ta’ xogħol u ta’ servizz pubbliku. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha essenzjalment tikkjarifika jekk dan il-prinċipju jimponix l-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, previst mil-leġiżlazzjoni ta’ reġjun awtonomu ta’ Spanja lill-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat, kif ukoll lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat. F’dan ir-rigward ikun xieraq li jiġi rrikonċiljat l-għan ta’ protezzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat mal-karatteristiċi sostanzjali tad-dritt tas-servizz pubbliku u tal-indipendenza funzjonali mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam.

2.        F’dan il-kuntest, fl-eżami tad-domanda preliminari, għandha tingħata attenzjoni, minn naħa, għall-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat u tal-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, għan-natura tad-dritt tas-servizz pubbliku bħala ġustifikazzjoni possibbli tal-inugwaljanza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża huwa rrappreżentat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”). L-għan tad-direttiva, fid-dawl tal-Artikolu 1 tagħha, huwa l-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC, UNICE u CEEP), li jinsab anness mad-direttiva msemmija.

4.        Il-Ftehim qafas għandu, inter alia, l-għan li “[jtejjeb] il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi [jiżgura] l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni […]” (3). F’dan ir-rigward, dan huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li skontha “l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” (4). Madankollu, fl-istess ħin, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu adattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” (5).

5.        Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, il-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, jiddisponi s-segwenti:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”.

6.        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas tinkludi s-segwenti “definizzjonijiet”:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

7.        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” taqra kif ġej:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

3.      L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4.      Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi”.

B.      Id-dritt nazzjonali

8.        L-Artikolu 3(1) tat-Texto Refundido del Estatuto del Personal al Servicio de las Administraciones Públicas de Navarra (il-verżjoni kkonsolidata tar-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ta’ Navarra) li jinsab fid-Decreto Foral Legislativo 251/1993, que aprueba el Texto Refundido del Estatuto del Personal al Servicio de las Administraciones Públicas de Navarra (ir-Regolament Reġjonali 251/1993, li Japprova l-Verżjoni Kkodifikata tar-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ta’ Navarra, iktar ’il quddiem id-“DFL 251/1993”) jipprevedi li “l-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra huwa kompost minn: a) uffiċjali, b) persunal awżiljarju c) persunal b’kuntratt”, u għalhekk il-persunal b’kuntratt jistgħu jiġu rreklutati konformement mal-Artikolu 3(4), fil-qafas ta’ “sistema rregolata mid-dritt amministrattiv jew mid-dritt tax-xogħol”.

9.        L-Artikolu 12 tad-DFL 251/93 jistabbilixxi li l-uffiċjali tas-servizzi pubbliċi ta’ Navarra jinsabu kklassifikati, konformement mal-kwalifika mitluba għar-reklutaġġ tagħhom u għall-funzjonijiet li jwettqu, skont il-livelli msemmijin fih.

10.      L-Artikolu 13 tad-DFL 251/93 jipprevedi li:

“1.      Kull livell li jirreferi għalih l-artikolu preċedenti jinkludi seba’ gradi.

2.      L-uffiċjali li jibdew il-karriera tagħhom huma kklassifikati fil-grad 1 tal-livell korrispondenti.

3.      L-uffiċjali jistgħu jiġu progressivament promossi mill-grad 1 għall-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament”.

11.      L-Artikoli 14 u s-segwenti tad-DFL 251/93 jirregolaw il-karriera professjonali, li tikkonsisti “fil-promozzjoni tal-uffiċjali minn wieħed mil-livelli ddefiniti fl-Artikolu 12 għal livelli superjuri u fil-progress fil-grad u fil-kategoriji, f’kull livell”.

12.      L-Artikolu 16 jirregola b’mod partikolari l-grad u jispeċifika s-segwenti:

“1.      L-uffiċjali jistgħu sussegwentement jiġu promossi mill-grad 1 sal-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, indipendentement mill-ispeċjalizzazzjoni tal-kwalifika, taħriġ jew professjoni tagħhom.

2.      Il-progress fil-grad isir kull sena skont il-modalitajiet segwenti: a) għall-progress fil-grad, l-anzjanità ta’ almenu sentejn fil-grad preċedenti hija kundizzjoni indispensabbli; b) l-ebda uffiċjal ma jista’ jibqa’ għal iżjed minn tmien snin fl-istess grad, apparti dawk li jkunu laħqu il-grad 7; c) mingħajr preġudizzju għal dak stabbilit fil-punti preċedenti, 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jiġu promossi, fl-ordni tal-anzjanità, għall-grad direttament superjuri; d) wara kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, li ssir konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-amministrazzjoni, sa 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jistgħu jiġu promossi għall-grad direttament superjuri”.

13.      Madankollu, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 tissospendi provviżorjament din is-sistema ta’ progress fil-grad skont l-Artikolu 16, u tistabbilixxi s-segwenti:

“1.      B’effett mill‑1 ta’ Jannar 1992 u sal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emenda fis-sistema attwali tal-grad u tal-anzjanità, previst fl-Artikolu 13 tal-Ley Foral 5/1991 de 26 de febrero de Presupuestos Generales de Navarra para 1991 [il-Liġi Reġjonali 5/1991 tas‑26 ta’ Frar 1991 dwar il-Bilanċ Ġenerali ta’ Navarra għas-Sena 1991), is-sistema ta’ progress fil-grad stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament tibqa’ sospiża provviżorjament u tiġi applikata minn din id-data b’mod indipendenti għal kull uffiċjal, fuq il-bażi tal-anzjanità relattiva fil-grad korrispondenti skont dak stabbilit bis-segwenti:

a)      l-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, javvanzaw awtomatikament fil-grad wara li jkunu qattgħu 6 snin u 7 xhur fil-grad direttament inferjuri;

b)      din is-sistema l-ġdida tiġi applikata inizjalment fuq il-bażi tal-anzjanità fil-grad ta’ kull uffiċjal fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 1991. Fil-każ li, f’din id-data, uffiċjal jaqbeż 6 snin u 7 xhur ta’ anzjanità, id-differenza tiġi kkalkolata bħala anzjanità fil-grad suċċessiv. Il-kalkolu ta’ din l-anzjanità u r-riperkussjoni ekonomika tagħha jkollhom natura provviżorja sakemm jiġu eżaminati l-azzjonijiet ġudizzjarji relattivi mal-perijodu straordinarju ta’ ħames snin.

2.      Fid-dawl ta’ dak stabbilit fil-paragrafu preċedenti, minn din id-data u skont l-istess natura provviżorja, fil-każijiet ta’ progressjoni fil-livell fl-istess servizz pubbliku, previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-grad u l-anzjanità għandhom jinżammu f’dak il-grad li fih kienu miżmuma fil-livell li minnu saret il-promozzjoni.”

14.      Il-progress fil-grad jittraduċi fil-perċezzjoni ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni, skont l-Artikolu 40(2), tad-DFL 251/93 li jistabbilixxi s-segwenti remunerazzjonijiet personali bażiċi tal-uffiċjali:

“a) is-salarju inizjali tal-livell korrispondenti; b) ir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grad, c) l-allowance tal-anzjanità.

Ir-remunerazzjonijiet personali bażiċi jikkostitwixxu dritt miksub marbut mal-kundizzjoni tal-uffiċjal”.

15.      L-Artikolu 42 jinkludi tabella bir-rati fuq il-bażi tas-salarju inizjali tal-livell rispettiv li timplika kull grad:

“Mingħajr preġudizzju għal dak stabbilit fl-Artikolu 17(2), ir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grad ser tkun tikkonsisti fir-rati segwenti ta’ salarju inizjali tal-livell rispettiv:

Grad

%

7

54

6

45

5

36

4

27

3

18

2

9

1

Mingħajr suppliment ta’ remunerazzjoni”


16.      Id-DFL 251/93 jirregola anki s-sistema legali relattiva mal-persunal bil-kuntratt, li huma differenti mill-uffiċjali, u l-Artikolu 93 tiegħu jipprevedi f’dan ir-rigward li “l-persunal irreklutat permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt amministrattiv huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet adottati b’digriet u skont dak stabbilit fil-kuntratt rispettiv tagħhom”.

17.      Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-eżekuzzjoni tas-sistema legali tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz pubbliku huma inklużi fid-Decreto Foral 68/2009 (id-Digriet Reġjonali 68/2009; iktar ’il quddiem id-“DF 68/2009”), li għandu bħala suġġett ir-reklutaġġ ta’ persunal bil-kuntratt fis-servizz pubbliku ta’ Navarra permezz ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku. Fir-rigward tar-remunerazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal, l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, emendat bid-Decreto Foral 21/2017 tad‑29 ta’ Marzu 2017, jipprevedi s-segwenti:

“Il-persunal irreklutat permezz ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku jirċievi r-remunerazzjonijiet korrispondenti għall-pożizzjoni professjonali okkupata jew għall-funzjoni mwettqa, l-allowance tal-anzjanità u l-allowances tal-familja. Huwa eskluż is-suppliment skont il-grad, għaliex jirrappreżenta remunerazzjoni personali bażika marbuta mal-istatus tal-uffiċjal”.

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Daniel Ustariz Aróstegui, jaħdem bħala għalliem mad-Departamento de Educación del Gobierno de Navarra (il-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra). Kien ilu jaħdem minn Settembru 2007 f’diversi istituti tal-edukazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt tad-dritt pubbliku.

19.      Fl‑1 ta’ Lulju 2016, Daniel Ustariz Aróstegui talaba lill-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra għall-għoti u l-ħlas konsegwenti b’effett retroattiv tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2016, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tat-talba tiegħu. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tal-Orden Foral (id-Digriet Reġjonali) 168E/2016 tal-Consejero de Educación del Gobierno de Navarra (il-Ministru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra) tat‑23 ta’ Diċembru 2016. Finalment, fit‑28 ta’ Frar 2017, huwa ppreżenta rikors kontenzjuż amministrattiv kontra dan id-digriet reġjonali quddiem il-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għamlet is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, approvat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola reġjonali, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li teskludi espressament ir-rikonoxximent u l-ħlas ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni speċifiku lill-persunal tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi ta’ Navarra li jaqgħu taħt il-kategorija ‘impjegati b’kuntratt amministrattiv’ – li għandu kuntratt għal żmien determinat – minħabba li dan is-suppliment jikkostitwixxi remunerazzjoni għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ karriera professjonali proprja u esklużiva tal-persunal li jaqa’ taħt il-kategorija ‘uffiċjal pubbliku’ – li għandu kuntratt għal żmien indeterminat?”

20.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Daniel Ustariz Aróstegui u l-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra, bħala partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-Portugall u l-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Portugall, kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2019.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

21.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fis-settur pubbliku jiġi miċħud mid-dritt għall-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni, minħabba li l-leġiżlazzjoni rilevanti tar-reġjun awtonomu tirriżerva dan id-dritt għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat.

22.      Din id-domanda toriġina mill-fatt li, b’mod tranżitorju, ir-regolament tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra ssostitwixxa s-sistema tal-promozzjoni għall-grad suċċessiv applikabbli għall-uffiċjali b’suppliment ta’ remunerazzjoni korrispondenti, li l-kalkolu tiegħu jiddependi essenzjalment mit-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz.

A.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

23.      Il-Ftehim qafas japplika għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan jirriżulta diġà mit-titolu tiegħu u huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu inkluża fil-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, li skontha l-Ftehim qafas japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat b’kuntratt ta’ reklutaġġ jew b’relazzjoni ta’ xogħol irregolata mil-liġi, minn ftehim kollettiv jew mill-prassi fis-seħħ ta’ kull Stat Membru.

24.      Huwa stabbilit li t-tilwima prinċipali hija bbażata fuq relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, kif previst fir-Reġjun Awtonomu ta’ Navarra, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra relattivi għall-persunal bil-kuntratt.

25.      Anki l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni sabiex tispeċifika li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-“ftehim qafas għandhom jiġu applikati wkoll għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku” (6) u li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-imsemmijin amministrazzjonijiet jew entitajiet (7).

26.      Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni jaqax ukoll taħt il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa deċiżiv il-kriterju tal-impjieg, fi kliem ieħor ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (8).

27.      Skont din il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas timmira li timpedixxi li relazzjoni ta’ xogħol ta’ din in-natura tiġi użata minn persuna li timpjega biex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet rikonoxxuti għall-ħaddiema għal żmien indeterminat (9). Sabiex l-imsemmi għan jittieħed inkunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni (10).

28.      Fir-rigward tar-relazzjonijiet tas-servizz pubbliku u bis-saħħa ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” imsemmi fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jinkludi, pereżempju, l-allowances ta’ anzjanità għal kull tliet snin ta’ servizz (11), l-allowances ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu (12), ir-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji biex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija remunerattiva superjuri jew għall-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz mitluba sabiex wieħed jirċievi rapport informattiv annwalment (13) u s-supplimenti remunerattivi marbutin mal-parteċipazzjoni fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni (14).

29.      F’din il-kawża, anki jekk, bħala prinċipju, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiddetermina n-natura u l-għanijiet tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni (15), mingħajr preġudizzju għal dan għandu jiġi nnotat li mill-osservazzjonijiet tal-qorti nazzjonali u mid-dikjarazzjonijiet konsistenti tal-partijiet preżenti fis-seduta jirriżulta li s-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi element tar-remunerazzjoni li l-għoti tiegħu jiddependi b’mod determinanti mill-perijodu ta’ servizz imwettaq rispettivament u għalhekk huwa marbut mal-kriterju deċiżiv tal-impjieg. Konsegwentement, is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni għandu jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

B.      Inugwaljanza fit-trattament u komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad

30.      F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jiġu ttrattati b’mod differenti mill-uffiċjali, minħabba li huma ma għandhomx id-dritt għall-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad f’konformità mal-leġiżlazzjoni pertinenti ta’ Navarra.

31.      Lanqas ma tista’ tiġi eskluża inugwaljanza fit-trattament minħabba l-uniku fatt li, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’Navarra, is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni huwa rriżervat għall-uffiċjali u għalhekk huma mċaħħda mhux biss l-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat, iżda anki, eventwalment, il-persunal li ma għandhux status ta’ uffiċjal irreklutat permezz ta’ kuntratti għal żmien indeterminat (16). Sabiex tiġi aċċertata inugwaljanza fit-trattament skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas huwa fil-fatt diġà suffiċjenti l-fatt li l-“ħaddiema għal terminu fiss” jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-“ħaddiem kumparabbli permanenti”. B’ebda mod ma huwa meħtieġ li l-ħaddiema kollha impjegati għal żmien determinat jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema kollha impjegati għal żmien indeterminat (17).

32.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (18).

33.      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u inkorporat fil-Ftehim qafas biss fir-rigward tal-inugwaljanzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (19).

34.      Konsegwentement, għandu qabel xejn jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat hijiex komparabbli fit-twettiq tal-impjieg speċifiku inkwistjoni fl-istabbiliment ikkonċernat.

35.      Il-Gvern Portugiż u l-Gvern Reġjonali ta’ Navarra għandhom dubji dwar tali komparabbiltà bejn il-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat u l-uffiċjali fil-kwalità ta’ uffiċjali għal żmien indeterminat. Huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pérez López (20), li skontha eventwali inugwaljanza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat li hija bbażata mhux fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda fuq in-natura statutorja jew kuntrattwali tagħha, ma tkunx taqa’ bħala prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan il-ftehim qafas. Madankollu, qiegħed jiġi ttraskurat il-fatt li din il-konstatazzjoni kienet qiegħda tirreferi għal “eventwali inugwaljanza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat”. Minflok, din il-kawża tirrigwarda l-inugwaljanza fit-trattament bejn persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat u uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat.

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (21).

37.      Madankollu, din il-verifika għandha ssir, għal darba oħra, mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti (22). F’dan ir-rigward, hija għandha tiddetermina jekk Daniel Ustariz Aróstegui sabx ruħu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat mill-istess persuna privata jew pubblika li timpjega fl-istess perijodu.

38.      F’din il-kawża hemm lok li jitqies li, b’riferiment għall-attività edukattiva li għandha titwettaq konkretament – b’mod partikolari għan-natura tax-xogħol, għall-kundizzjonijiet tat-taħriġ u għall-kundizzjonijiet tal-impjieg – il-ħaddiem bil-kuntratt għal żmien determinat isib ruħu fl-istess pożizzjoni ta’ uffiċjal impjegat għal żmien indeterminat li jappartjeni għall-istess stabbiliment ta’ edukazzjoni. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat, fil-fatt, f’dan ir-rigward, li “fil-kawża inkwistjoni, ma teżisti l-ebda differenza, riżerva jew esklużjoni bejn il-funzjonijiet imwettqa u s-servizzi pprovduti minn għalliem uffiċjali u dawk ipprovduti minn għalliem impjegat fis-servizz pubbliku, lanqas ma teżisti xi differenza bejn l-obbligi professjonali rispettivi”.

39.      Kif diġà ripetutament affermajt f’kuntest ieħor (23), l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tal-fatti ma tistax tkun limitata għal paragun ġenerali tal-pożizzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-ambitu tal-istabbiliment edukattiv rilevanti. Fil-fatt, il-punt deċiżiv huwa jekk il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli anki u proprju b’riferiment għas-suġġett speċifiku tat-tilwima.

40.      Is-suġġett tat-tilwima f’din il-kawża huwa l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Skont dak li ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, il-grad huwa ddefinit mil-liġi bħala wieħed mill-mekkaniżmi li permezz tiegħu tiġi espressa l-promozzjoni fil-karriera professjonali, karriera li, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija aċċessibbli biss għall-uffiċjali, iżda mhux għall-persunal l-ieħor tas-servizz pubbliku ta’ Navarra. Konsegwentement, l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009 jeskludi espressament l-għoti lill-impjegati fis-servizz pubbliku tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Id-differenza possibbli fit-trattament relattiva għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad – bla ħsara għal eżami definittiv mill-qorti tar-rinviju – ma hijiex għaldaqstant marbuta man-natura provviżorja jew permanenti tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda hija marbuta mal-appartenenza tal-uffiċjali komparabbli għall-persunal permanenti jew kuntrattwali (24).

41.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad huwa intiż sabiex jiġu rremunerati l-promozzjoni, il-progress u l-iżvilupp ta’ din il-karriera professjonali. Tali suppliment ta’ remunerazzjoni jikkostitwixxi għaldaqstant element tar-remunerazzjoni li jesprimi l-progress għall-grad rispettiv direttament superjuri fil-karriera. F’din il-kawża ma għandhiex tiġi applikata r-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 16 tad-DFL 251/93, iżda għandha tiġi applikata r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93. Ir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra ddikjara li r-raġuni għas-sospensjoni “temporanja” – awtorizzata minn din l-aħħar regola – tas-sistema ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 16 tad-DFL 251/93 mill‑1 ta’ Jannar 1992 kienet tinsab fil-fatt li l-persuni pubbliċi li jimpjegaw u s-sindakati ma kinux għadhom irnexxielhom isibu qbil dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni prevista fl-Artikolu 16(2)(d) tad-DFL 251/93. Dan ikun jispjega r-raġuni għaliex ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 relattiva għall-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni hija marbuta biss mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-progress fil-grad, konformement mar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93, iseħħ minħabba s-sempliċi mogħdija taż-żmien u, iktar minn hekk, “awtomatikament”.

42.      F’dan il-kuntest, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet relattivi għas-suġġett speċifiku tat-tilwima ma tistax tiġi serjament ddubitata. Minn naħa, l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jiddependi esklużivament mill-perijodu tas-servizz imwettaq u, min-naħa l-oħra, dan l-għoti, li, madankollu, ma huwiex formalment marbut ma’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal ikkonċernat, ma għandu l-ebda rabta evidenti mas-sistema ta’ progress jew progressjoni professjonali. Skont ir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni ma għandu, fil-fatt, l-ebda effett fuq il-funzjonijiet imwettqa u lanqas fuq il-possibbiltà ta’ promozzjoni għal livell superjuri. Is-suġġett tat-tilwima huwa għalhekk, b’mod definittiv, element tar-remunerazzjoni – u mhux il-parteċipazzjoni f’karriera professjonali.

43.      Għaldaqstant – bla ħsara għall-eżami definittiv mill-qorti tar-rinviju – għandu jiġi preżunt li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli anki fid-dawl tas-suġġett speċifiku tat-tilwima, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżit sostanzjali tal-anzjanità tas-servizz.

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku huma mċaħħda mill-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni wara li jkunu wettqu ċertu perijodu ta’ servizz, filwaqt li l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat li jinsabu f’tali sitwazzjoni għandhom dritt rikonoxxut bil-liġi għall-imsemmi suppliment ta’ remunerazzjoni, jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli.

C.      Il-ġustifikazzjonijiet possibbli ta’ inugwaljanza fit-trattament

45.      Il-problema ċentrali li għad trid tiġi eżaminata f’din il-kawża hija l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw l-inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat tas-settur pubbliku u l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat fir-rigward tal-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni.

46.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, imsemmi fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat u l-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola nazzjonali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (25). Sabiex tiġi ġġustifikata l-inugwaljanza fit-trattament eżistenti bejn uffiċjali u membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fir-rigward tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad skont ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93, ma hijiex għalhekk suffiċjenti id-deżinjazzjoni tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni bħala parti mir-“remunerazzjoni personali bażika marbuta mal-kundizzjoni tal-uffiċjal” (26).

47.      Il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jitlob, anzi, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din id-differenza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan l-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-funzjonijiet li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat, mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (27).

48.      Il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku – bħall-prinċipju tal-impjieg baġitarju, il-mudell tal-uffiċjal titolari jew l-obbligu li wieħed jgħaddi minn kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jiġi impjegat għal żmien indeterminat – inevitabbilment għandhom konsegwenzi għall-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas (28). Fil-fatt, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi espliċitament li “l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali” (29).

49.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tagħhom, jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għal ċerti kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex jingħata aċċess għal ċerti impjiegi, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna biss għall-uffiċjali permanenti taċ-ċivil u jeżiġu mill-imsemmija uffiċjali li jagħtu prova ta’ esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad direttament inferjuri għal dak involut fil-proċedura ta’ selezzjoni (30).

50.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala oġġettivament mhux iġġustifikata l-esklużjoni tal-uffiċjali temporanji rreklutati għal żmien determinat mill-imsejħa allowances ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu sempliċement għall-fatt li dawn ma jappartjenux għal livell tal-karriera (31).

51.      Minn dan jirriżulta b’mod ċar li mhux kull inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli tista’ tkun iġġustifikata awtomatikament b’riferiment għall-partikolaritajiet settorjali fis-settur pubbliku (32), iżda dawk biss li fil-każ tagħhom il-partikolaritajiet inkwistjoni jkunu speċifikament iddeterminati (33). Konsegwentement, ir-raġunijiet imressqin mill-Istati Membri biex isostnu t-trattament differenti tal-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat ma jistgħux jiġu dedotti, b’mod ġenerali u astratt, min-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol – u mill-eventwali nuqqas ta’ appartenenza għal livell li tista’ tirriżulta (34). Kuntrarjament, dawn ir-raġunijiet għandhom jimmilitaw favur it-teħid debitament inkunsiderazzjoni tad-diversi kriterji relattivi għat-twettiq tal-impjieg speċifiku, pereżempju fuq il-bażi tan-natura partikolari tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu jew tal-karatteristiċi tagħhom (35).

52.      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fil-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku ta’ Navarra, minn naħa, u fil-kundizzjonijiet stabbiliti biex jiġi kkunsidrat il-perijodu ta’ servizz imwettaq, min-naħa l-oħra, tistax tiġi identifikata raġuni oġġettiva li kapaċi tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata.

1.      Il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra

53.      F’din il-kawża, xejn ma jissuġġerixxi li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tikkorrispondi għal ħtieġa reali, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku ta’ Navarra, u li hija xierqa u neċessarja biex jintlaħaq l-għan imfittex.

54.      Il-Gvern Spanjol, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Reġjonali ta’ Navarra jenfasizzaw qabel kollox il-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku, stabbiliti mhux l-inqas fil-kostituzzjoni Spanjola (36). Skont dawn il-partijiet fil-kawża, il-partikolaritajiet imsemmijin jimponu r-rikonoxximent tad-dritt għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad esklużivament għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u mhux għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku rreklutati għal żmien determinat. Huwa wkoll stabbilit li r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku bil-kuntratt ma jkunx, bħala prinċipju, għal żmien indeterminat u jitlob ġustifikazzjoni ad hoc fil-forma ta’ prova tal-ħtieġa li timtela pożizzjoni speċifika, li neċessarjament tipprekludi l-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali u, konsegwentement, it-tgawdija tal-benefiċċji finanzjarji marbutin ma’ tali sistema.

55.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti minħabba li jidher kontradittorju. L-esklużjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma tapplikax biss għall-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, iżda għall-ħaddiema mhux permanenti kollha. Anki jekk il-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat kienu l-uniċi kkonċernati mill-esklużjoni msemmija, l-invokazzjoni tas-sempliċi limitazzjoni temporali tal-impjieg ma tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1), tal-Ftehim qafas (37).

56.      Sa fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata hija marbuta mal-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali, irriżervata għall-uffiċjali permezz tad-dispożizzjonijiet tad-DFL 251/93, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li dan il-kriterju ġenerali u astratt diġà ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li ma huwiex iġġustifikat oġġettivament (38).

57.      Iktar minn hekk, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tidhirx li teskludi ġeneralment il-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti fis-sistema tal-karrieri professjonali. Fil-Kawża C‑315/17 (39), il-qorti tar-rinviju ddikjarat f’dan ir-rigward li l-Ley 7/2007 tal-Estatuto Básico del Empleado Público (il-Liġi Nru 7/2007, dwar ir-Regolament Bażiku Relatat mas-Servizz Pubbliku) tat‑13 ta’ April 2007 (BOE Nru 89 tat‑13 ta’ April 2007) (iktar ’il quddiem l-“EBEP”), tippermetti kemm għall-uffiċjali stabbiliti, kif ukoll għall-membri l-oħra tal-persunal irreklutati għal żmien indeterminat il-parteċipazzjoni fiż-żewġ karrieri professjonali previsti (40). Minkejja li din l-inugwaljanza fil-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ karriera professjonali hija intiża bħala r-riżultat tal-awtonomija leġiżlattiva tar-reġjuni awtonomi f’dan is-settur, dan jindika madankollu li l-esklużjoni ġenerali tal-persunal mhux permanenti minn sistema ta’ karrieri professjonali ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ karatteristika sostanzjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-servizz pubbliku.

58.      Fir-rigward tal-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra għandu jiġi finalment innotat li l-karriera professjonali msemmija fl-Artikolu 14 tad-DFL 251/93 tikkonsisti “fil-promozzjoni tal-uffiċjali minn wieħed mil-livelli ddefiniti fl-Artikolu 12 għal livelli superjuri u fil-progress fil-grad u fil-kategoriji, f’kull livell” (41). Madankollu, permezz tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 inkwistjoni s-sistema ta’ progress fil-grad ġiet sospiża għal żmien indefinit u ssostitwita b’leġiżlazzjoni li tillimita ruħha għall-eżiġenza tal-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni li jikkorrispondi għaliha (42).

59.      Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi għaldaqstant innotat li mill-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra, b’mod partikolari mill-mod li bih hija torganizza s-sistema tal-karrieri professjonali, ma tista’ tiġi dedotta l-ebda raġuni oġġettiva biex tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata.

2.      Fuq il-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz imwettaq

60.      Sa fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata hija, iktar minn hekk, marbuta mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola 4(1), tal-Ftehim qafas ma tippermettix l-esklużjoni ġenerali u astratta tal-ħaddiema għal żmien determinat mill-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju marbut mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz fejn, b’mod partikolari, din l-esklużjoni ma hijiex bbażata fuq in-natura partikolari tal-kompiti li l-persuni kkonċernati għandhom iwettqu u lanqas fuq il-karatteristiċi inerenti għalihom (43). Tali approċċ japplika kemm għall-allowances ta’ anzjanità (44) u kemm għal allowances oħrajn, li l-għoti tagħhom jiddependi bl-istess mod mill-anzjanità ta’ servizz imwettaq (45).

61.      Anki f’din il-kawża, is-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jiddependi b’mod determinanti mit-twettiq ta’ perijodu determinat ta’ servizz mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni, pereżempju, in-natura partikolari tal-kompiti li l-persuni kkonċernati għandhom iwettqu u lanqas il-karatteristiċi inerenti għalihom. Infatti, fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet preċedenti dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet (46), fil-kawża prinċipali ma jidhirx ċar, effettivament, li l-attivitajiet ta’ tagħlim imwettqa mill-għalliema rreklutati bħala uffiċjali u bħala membri tal-persunal bil-kuntratt jitolbu kwalifiki jew esperjenzi akkademiċi differenti. Kuntrarjament, mill-informazzjoni preżenti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, infatti, li ż-żewġ kategoriji msemmija ta’ għalliema jwettqu funzjonijiet simili u għandhom obbligi identiċi. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mill-fatt li, skont l-argumenti mhux ikkontestati mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ nomina suċċessiva bħala uffiċjal stabbilit, il-perijodu ta’ servizz imwettaq bħala impjegat jittieħed inkunsiderazzjoni in toto a posteriori sabiex jiġi mogħti s-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad.

62.      Lanqas ma hemm dubju dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fil-qasam tal-allowances ta’ anzjanità għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni għaliex il-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, skont l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, għandhom dritt għal allowance ta’ anzjanità, previst ukoll mil-leġiżlazzjoni ta’ Navarra. Skont dak li ntqal mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, kemm l-għoti tal-allowance ta’ anzjanità kif ukoll l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, indipendentement mill-għanijiet rispettivi, jippreżupponu t-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz, li huwa differenti każ b’każ. Għandu jkun il-leġiżlatur nazzjonali li jevalwa sa fejn it-twettiq ta’ perijodu determinat ta’ servizz għandu jkun remunerat doppjament; dubji ta’ portata ġenerali dwar ir-raġonevolezza ta’ tali evalwazzjoni, bħal dawn invokati mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra fir-rigward tal-impjegati b’kuntratt, ma jistgħu, fl-ebda każ, jiġġustifikaw trattament inqas favorevoli tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat mill-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat, u dan peress li dawn id-dubji jistgħu jqumu għall-istess uffiċjali.

63.      L-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni huwa għalhekk marbut esklużivament mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz u mhux, pereżempju, mal-mertu jew mal-kompetenza tal-uffiċjali. Dan jeskludi a priori l-possibbiltà li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun ġġustifikata minn elementi konkreti skont il-ġurisprudenza msemmija preċedentement (47). Tali elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni in-natura partikolari tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu u l-karatteristiċi inerenti għal dawn, billi jiġu stabbiliti rekwiżiti adegwati fir-rigward tal-esperjenza professjonali jew il-kompetenzi tal-uffiċjali, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki r-riferiment għall-modalitajiet differenti ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt huwa żbaljat. Kif ġie kkonstatat diġà (48), dawn id-differenzi fil-proċeduri ta’ reklutaġġ ma jaffettwawx il-funzjonijiet effettivament imwettqa jew l-obbligi professjonali previsti. Sa fejn il-proċedura ta’ selezzjoni tal-uffiċjali hija intiża li tipprovdi garanzija fit-tul tal-livell professjonali tas-servizzi, il-kompetenza u l-kapaċità aċċertati permezz tal-proċedura inkwistjoni jikkostitwixxu indikaturi parzjali biss tas-servizz suċċessiv tal-persuni kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, dedotti mill-proċeduri differenti ta’ reklutaġġ adottati mill-Gvern Reġjonali ta’ Navarra u mill-Gvern ta’ Spanja u tal-Portugall, għandhom jiġu riflessi fin-natura tal-funzjonijiet imwettqa u fir-rekwiżiti previsti f’dan is-sens, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata differenzazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz imwettaq. Għalhekk, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-inugwaljanza fit-trattament eżistenti bejn l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u l-impjegati għal żmien determinat, li tirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar ma għandhomx dritt għall-għoti u għall-ħlas tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni, ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.

V.      Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona n. 1 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja), bil-mod segwenti:

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, inkluż fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat l-għoti u l-ħlas ta’ allowance speċifiku li trid tikkorrispondi għall-gradi remunerattivi, bl-esklużjoni espressa tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati għal żmien determinat u bit-teħid inkwistjoni esklużivament tal-perijodi ta’ servizz imwettqa.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.


3      Premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.


4      It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.


5      Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas, ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.


6      Sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 54 sa 57), tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 25), tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 38 sa 40) tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, minn C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 28), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 39).


7      Sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 68), u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 28). Ara fl-aħħar anki d-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 59), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 77).


8      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35), u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16,EU:C:2018:390, punt 41). Ara wkoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 34), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 45).


9      Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 30), tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martinez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 35), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 32).


10      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 31), tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martinez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 36), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 33).


11      Ara f’dan is-sens sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58), kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34).


12      Ara f’dan is-sens id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 38).


13      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).


14      Ara f’dan is-sens id-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 39).


15      Ara f’dan is-sens digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 36).


16      Skont ir-rappreżentanti ta’ Navarra u ta’ Spanja bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula f’dan is-sens mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża dawn huma uffiċjali fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol tad-dritt privat.


17      Ara iktar ’il fuq f’dan is-sens il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 66).


18      Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 32).


19      Sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 37), tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 47), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 33).


20      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 66).


21      Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 34).


22      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 35).


23      Ara dwar dan l-aspett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2017:1022, punti 49 sa 52), Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2017:1021, punti 44 sa 47), u Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 71).


24      Ara iktar ’il fuq, punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, persunal bi kuntratt jista’ jiġi rreklutat fuq il-bażi ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku jew tad-dritt privat, u fit-tieni każ biss tista’ tiġi kkunsidrata relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.


25      Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 38).


26      L-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 39).


28      Ara, dwar dan l-aspett, anki l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2005:654, punti 85 u 86), fil-kawżi magħquda Angelidaki et (minn C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2008:686, punt 117), kif ukoll fil-kawża Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 83); fl-istess sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Marrosu u Sardino kif ukoll Vassallo (C‑53/04 u C‑180/04, EU:C:2005:569, punti 42 u 43).


29      Hekk jipprevedi t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, ara wkoll il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.


30      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 76), u tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (minn C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57), kif ukoll id-digrieti tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et (C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 43) u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 53).


31      Digrieti tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martinez C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 51), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 72).


32      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 45), u tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, minn C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 70), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja żżid rispettivament is-segwenti espressjoni għal għanijiet restrittivi: “sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat”.


33      Fl-istess sens l-opinjoni tiegħi fil-kawża ta’ eżami mill-ġdid ta’ Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punti 66 sa 68).


34      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 57), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 50) u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 64).


35      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 51) u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 66).


36      L-aċċess għas-servizz pubbliku fi Spanja huwa rregolat mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ kapaċità u ta’ kompetenza (ara l-Artikolu 23(2), u l-Artikolu 103(3), tal-kostituzzjoni Spanjola).


37      Sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 56), u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 74), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 42), tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 49), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 49).


38      Ara wkoll iktar ’il fuq, punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


39      Digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 71.


40      Fid-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 71) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali inkwistjoni kienet permessa kemm għall-uffiċjali kif ukoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati għal żmien indeterminat.


41      Din id-definizzjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv minn dik ipprovduta mill-Artikolu 16(2), tal-EBEP, li skontha l-kunċett ta’ “karriera professjonali” huwa ddefinit bħala “arranġament ordnat ta’ opportunitajiet ta’ promozzjoni u aspettattivi ta’ żvilupp personali konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza, mertu u kompetenza”.


42      Ara wkoll, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara b’mod partikolari d-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 51).


44      Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58), u d-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34).


45      Fir-rigward tal-allowance ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu, ara pereżempju, id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67); fir-rigward tar-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji biex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija remunerattiva superjuri jew għall-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz mitluba biex wieħed jirċievi rapport informattiv annwalment, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557); dwar ir-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji għall-parteċipazzjoni fil-pjan ta’ evalwazzjoni li miegħu huma marbutin il-benefiċċji finanzjarji, ara d-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725).


46      Ara iktar ’il fuq, punti 32 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Ara iktar ’il fuq, punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara iktar ’il fuq, punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.