Language of document : ECLI:EU:C:2018:130

Kawża C-3/17

Sporting Odds Ltd

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 4(3) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Sfruttament ta’ ċertu logħob tal-ażżard mill-Istat – Esklużività – Sistema ta’ konċessjoni għal forom oħra ta’ logħob – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni – Sanzjoni amministrattiva”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2018

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju statatli għall-organizzazzjoni ta’ ċertu logħob tal-azzard u sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob ieħor – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 56 TFUE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard –Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-azzard onlajn għall-operaturi li għandhom konċessjoni ta’ każino li jinsab fit-territorju nazzjonali  – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikolu 56 TFUE)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard –Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-azzard onlajn – Impossibbiltà prattika għall-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jiksbu tali konċessjoni jew awtorizzazzjoni – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza

(Artikolu 56 TFUE)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Verifika mill-qorti nazzjonali tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ eżami ex officio tal-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-partijiet – Ammissibbiltà

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 56 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48)

5.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġustifikazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat membru  – Obbligu tal-qorti adita li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw min nuqqas ta’ produzjoni ta’ prova

(Artikolu 56 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48)

6.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġustifikazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat membru  – Obbligu li tiġi pprovduta analiżi tal-effetti tal-miżura restrittiva – Assenza – Evalwazzjoni globali mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 56 TFUE)

7.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-azzard onlajn – Inkompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE – Sanzjonijiet kontra l-persuni li jwettqu ksur – Inammissibbiltà

(Artikolu 56 TFUE)

1.      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, sistema doppja ta’ organizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard li fil-kuntest tagħha ċerti tipi ta’ dan il-logħob jaqgħu taħt is-sistema ta’ monopolju statali, filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt is-sistema tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, kemm il-darba l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni li tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tfittex li tilħaq effettivament, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punt 33 u d-dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn huwa esklużivament irriżervat għall-operaturi ta’ logħob tal-ażżard li għandhom konċessjoni għal każino li jinsab fit-territorju nazzjonali, sa fejn din ir-regola ma tikkostitwixxix rekwiżit indispensabbli għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija u sa fejn jeżistu miżuri inqas restrittivi għall-ilħuq ta’ tali għanijiet.

Għalkemm huwa paċifiku li, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 70), ir-regola inkwistjoni għandha madankollu tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 48).

(ara l-punti 41, 44 u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard onlajn, kemm il-darba din tinkludi regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi regoli nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod mhux trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(ara l-punt 49 u d-dispożittiv 3)

4.      L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix l-eżami ex officio tan-natura proporzjonali tal-miżuri li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, u li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-partijiet fil-proċedura.

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv 4)

5.      L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa Stat Membru li implementa leġiżlazzjoni restrittiva li għandu jipprovdi l-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan l-ostakolu, fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti nazzjonali għandha tkunu tista’ tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas.

(ara l-punt 60 u d-dispożittiv 5)

6.      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi kkonstatat li Stat Membru ma osservax l-obbligu tiegħu li jiġġustifika miżura restrittiva minħabba l-fatt li huwa ma pprovdiex analiżi tal-effetti tal-imsemmija miżura fid-data tal-introduzzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fid-data ta’ meta l-qorti nazzjonali eżaminat tali miżuri.

Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni restrittiva (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 52) u mhux biss li tikkonstata li ma twettaqx studju minn qabel tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 64, 65 u d-dispożittiv 6)

7.      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fil-każ fejn jirriżulta li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra dan l-artikolu.

(ara l-punt 68 u d-dispożittiv 7)