Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija) fid-19 ta’ Ottubru 2018 – Mitnitsa Varna vs Schenker EOOD

(Kawża C-655/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mitnitsa Varna

Konvenuta: Schenker EOOD

Domandi preliminari

L-Artikolu 242(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, is-serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali jikkostitwixxi tneħħija mill-proċedura ta’ ħażna doganali li twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet doganali fuq id-detentur tal-awtorizzazzjoni?

L-impożizzjoni ta’ ħlas ekwivalenti għall-valur tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet doganali, b’mod partikolari f’dan il-każ it-tneħħija mill-proċedura ta’ ħażna doganali, għandha n-natura ta’ sanzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u hija permessa dispożizzjoni legali nazzjonali li timponi dan il-ħlas flimkien mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja? Din id-dispożizzjoni legali tissodisfa l-kriterji previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament dwar in-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2).