Language of document : ECLI:EU:C:2018:620

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju 2018 (1)

Kawżi magħquda C138/17 P u C146/17 P

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

vs

Gascogne Sack Deutschland GmbH

Gascogne (C138/17 P)


u


Gascogne Sack Deutschland GmbH

Gascogne

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C146/17 P)



“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Terminu raġonevoli tal-proċedura – Obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Dannu morali”






1.        X’inhuma t-tipi ta’ danni li l-Unjoni Ewropea għandha, skont l-Artikolu 340 TFUE, tpaċi għalihom fil-konfront ta’ individwi li d-dritt tagħhom għal għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli nkiser mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea? B’mod iktar partikolari, taħt liema ċirkustanzi għandu jingħata kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mid-dewmien eċċessiv?

2.        Essenzjalment, dawn huma l-kwistjonijiet ewlenin imqajma mill-appelli ppreżentati mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2), u minn Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Jannar 2017, fil-Kawża T‑577/14, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) (3), fejn din tal-aħħar allokat lil dawn il-kumpanniji ċerti somom bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit minnhom minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli fil-kawża li tat lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, T‑72/06 (4) u Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni, T‑79/06 (5).

3.        Fil-parti l-kbira, kwistjonijiet simili ġew imqajma wkoll minn erba’ appelli oħra – tnejn ippreżentati mill-Unjoni, u tnejn minn kumpanniji oħra – miż-żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali li fihom din il-qorti tat kumpens għad-dannu materjali u morali subit minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tal-obbligu għall-għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli. Illum qiegħed nagħti l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-proċeduri wkoll (6). Dawn il-konklużjonijiet għandhom għalhekk jinqraw flimkien ma’ dawk il-konklużjonijiet.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Permezz ta’ atti ppreżentati fit‑23 ta’ Frar 2006, Sachsa Verpackung GmbH, li issa saret Gascogne Sack Deutschland GmbH, minn naħa waħda, u Groupe Gascogne SA, li issa saret Gascogne, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikorsi skont l-Artikolu 263 TFUE (kif inhu attwalment) kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 tat‑30 ta’ Novembru 2005 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”) (7).

5.        Bis-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi (8). Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ppreżentaw appelli kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013 (9), ċaħdet l-appelli. Madankollu, fis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li damet għal kważi 5 snin u 9 xhur, [ma setax] jiġi ġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari” tat-tilwima (10).

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6.        Permezz ta’ att ippreżentat fl‑4 ta’ Awwissu 2014, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ippreżentaw rikors skont l-Artikolu 268 TFUE kontra l-Unjoni biex jiksbu kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li waslet għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Essenzjalment, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne talbu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas is-somom li ġejjin: (i) EUR 1 193 467 għat-telf subit minħabba l-pagament ta’ interessi legali addizzjonali applikati fuq l-ammont nominali tal-multa imposta mill-Kummissjoni lil hinn minn terminu raġonevoli; (ii) EUR 187 571 għat-telf subit minħabba l-pagamenti addizzjonali tal-garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli; (iii) EUR 2 000 000 għall-profitti mitlufa jew għat-telf subit minħabba s-“sitwazzjonijiet ta’ inċertezza”; (iv) “mill-inqas” EUR 500 000 għad-dannu morali mġarrab. Gascogne Sack Deutschland u Gascogne talbu wkoll li dawk l-ammonti jiżdiedu b’rata ta’ interessi kumpensatorji u moratorji applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ żewġ punti perċentwali, li bdew jiddekorru mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

7.        Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Unjoni tħallas kumpens ta’ EUR 47 064.33 lil Gascogne bħala dannu materjali subit minn din il-kumpannija minħabba ksur tal-obbligu ta’ t-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li dak il-kumpens kellu jiġi evalwat mill-ġdid b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mill‑4 ta’ Awwissu 2014 u sa meta tingħata s-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu inkwistjoni, mill-Eurostat fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti dawn il-kumpanniji. Il-Qorti Ġenerali ordnat ukoll lill-Unjoni Ewropea tħallas kumpens ta’ EUR 5 000 kemm lil Gascogne Sack Deutschland kif ukoll lil Gascogne għad-dannu morali li dawn il-kumpanniji ġarrbu minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. Kull kumpens kemm għad-dannu materjali kif ukoll dak morali kellu jiżdied b’interessi moratorji, li bdew jiddekorru mill-għoti ta’ dik is-sentenza u jkomplu sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali. Il-kumplament tar-rikors kien ġie miċħud.

8.        Fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ordnat: (i) lill-Unjoni biex tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tat lok għad-digriet tat‑2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea, T‑577/14 (11); (ii) Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, minn naħa, u l-Unjoni min-naħa l-oħra, biex ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mar-rikors li ta lok għal dik is-sentenza; u (iii) lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

9.        Bl-appell ippreżentat fis‑17 ta’ Marzu 2017, l-Unjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Gascogne Sack Deutschland u ta’ Gascogne, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex tinkiseb is-somma ta’ EUR 187 571 bħala telf allegatament subit mill-fatt tal-pagamenti addizzjonali tal-garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli;

–        tikkundanna lil Gascogne Sack Deutschland u lil Gascogne għall-ispejjeż.

10.      Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, min-naħa tagħhom, jaffermaw li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż;

11.      B’appell ippreżentat fit‑22 ta’ Marzu 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla parzjalment is-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet il-ksur tad-dritt ta’ terminu raġonevoli li tingħata deċiżjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u l-eżistenza ta’ danni materjali u morali subiti mill-appellanti minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ “terminu raġonevoli”, ikkundannat lill-Unjoni għal kumpens mhux xieraq u mhux sħiħ tad-danni hekk subiti;

–        tiddeċiedi definittivament fuq il-kumpensi finanzjarji tad-danni materjali u morali subiti mill-appellanti abbażi tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, konformement mat-talbiet tal-appellanti;

–        tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

12.      L-Unjoni, min-naħa tagħha tafferma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lil Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għall-ispejjeż.

13.      Fil-proċedura tal-Kawża C‑138/17 P, il-Kummissjoni kienet ammessa biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Unjoni.

14.      Bid-deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tas‑17 ta’ April 2018, il-Kawżi C‑138/17 P u C‑146/17 P ingħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

IV.    Evalwazzjoni tal-aggravji

A.      Osservazzjonijiet preliminari

15.      Fl-appell tagħha fil-Kawża C‑138/17 P, l-Unjoni tinvoka tliet aggravji. Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju, l-Unjoni tafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li interpretat b’mod żbaljat il-kunċetti rispettivi ta’ “rabta kawżali” u “dannu”. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-Unjoni Ewropea tafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ma pprovdietx motivazzjonijiet suffiċjenti fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu ġie subit id-dannu materjali. Essenzjalment, il-Kummissjoni taqbel mal-Unjoni.

16.      Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jaffermaw li l-appell tal-Unjoni għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli (it-tieni aggravju) u parzjalment infondat (l-ewwel u t-tielet aggravju).

17.      Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑146/17 P, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne invokaw seba’ aggravji. Bl-ewwel aggravju tagħhom, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “non ultra petita” meta rrifjutat li tagħti kumpens għad-dannu materjali subit qabel it‑30 ta’ Mejju 2011. Bit-tieni aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jallegaw li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja fir-rigward ta’: (i) il-kalkolu tal-perijodu ta’ żmien b’kemm inqabeż it-terminu raġonevoli tal-proċedura, u (ii) il-perijodu li għalih ingħata l-kumpens għad-dannu materjali. Bit-tielet aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jsostnu li, fl-għażla tal-metodu għall-kalkolu tad-dannu materjali li kien differenti minn dak propost minnhom, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne huma kollha diretti lejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw id-dannu morali allegat. Essenzjalment, dawn isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fiċ-ċaħda tat-talba tagħhom għal kumpens ta’ “mill-inqas” EUR 500 000 abbażi li tali kumpens, jekk jingħata, ikollu l-effett li jerġa’ jpoġġi f’dubju l-ammont tal-multa imposta fuq Gascogne Sack Deutschland u Gascogne mid-Deċiżjoni C(2005) 4634. Huma jikkritikaw ukoll is-sentenza appellata peress li ma pprovdietx motivazzjoni xierqa fir-rigward tal-għoti tal-kumpens ta’ EUR 5 000 għad-dannu morali.

18.      L-Unjoni, min-naħa tagħha, tafferma li l-aggravji ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne huma jew infondati (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u parti mis-seba’ aggravju) jew ineffettivi (ir-raba’, il-ħames, is-sitt u parti mis-seba’ aggravju).

19.      F’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina, l-ewwel, l-aggravji li jikkonċernaw id-dannu materjali u, sussegwentement, dawk li jikkonċernaw id-dannu morali.

B.      Dannu materjali

20.      It-tliet aggravji invokati mill-Unjoni fil-Kawża C‑138/17 P, kif ukoll l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju invokati minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne fil-Kawża C‑146/17 P, kollha jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dannu materjali allegatament imġarrab minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne. B’mod partikolari, iż-żewġ partijiet jaffermaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tat-talbiet ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne b’rabta mad-dannu li rriżulta mill-ispejjeż relatati mal-garanzija bankarja li dawn il-kumpanniji pprovdew lill-Kummissjoni biex jevitaw il-ħlas immedjat tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634.

21.      Nikkunsidra li huwa xieraq li nibda l-analiżi legali tiegħi fuq dawn il-kwistjonijiet billi neżamina t-talbiet li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn Gascogne. F’dan ir-rigward, ser nibda bl-ewwel aggravju invokat mill-Unjoni. Sussegwentement ser nittratta, għall-finijiet ta’ kompletezza biss, it-tieni aggravju tal-Unjoni. Wara dan, ma huwiex ser ikun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji li jkun baqa’, invokati mill-Unjoni u minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-garanzija bankarja.

1.      L-eżistenza ta’ rabta kawżali

22.      Bl-ewwel aggravju tagħha fil-Kawża C‑138/17 P, l-Unjoni, sostnuta mill-Kummissjoni Ewropea, ma taqbilx mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”. Essenzjalment, l-Unjoni tafferma li ma hemm l-ebda rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli biex tagħti sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u d-dannu ta’ Gascogne li ġej mill-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja. B’mod partikolari, l-Unjoni tenfasizza li dan id-dannu kien ir-riżultat tal-għażla li saret minn Gascogne biex iżżomm it-tranżazzjoni tal-garanzija bankarja matul il-proċedura, minflok ma ħallset il-multa imposta mill-Kummissjoni.

23.      Min-naħa tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jiddefendu, fuq dan il-punt, is-sentenza appellata: b’mod partikolari, huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni korretta bejn din il-kawża u kawżi oħra li ġew eżaminati preċedentement mill-qrati tal-Unjoni. Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jsostnu wkoll li l-argumenti tal-Unjoni jikkostitwixxi “abbuż mill-proċedura” u essenzjalment ipoġġu fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑26 ta’ Novembru 2013 Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P.

24.      Fil-punti li ġejjin, ser nibda billi b’mod konċiż nuri l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u sussegwentement nispjega għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel aggravju tal-Unjoni huwa manifestament fondat.

25.      Fil-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza stabbilita, li skontha d-dannu li għalih qiegħed jintalab kumpens fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jkun reali u ċert, u huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan. Dan għandu jipproduċi provi wkoll dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali – jiġifieri, b’effett suffiċjentement dirett – bejn l-aġir irrapportat u d-dannu allegat.

26.      Fil-punti 111 u 114 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, li kieku t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma qabiżx it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, Gascogne ma kienet tkun obbligata li tħallas l-ebda spiża ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza. Dan kien ifisser, li fil-fehma tagħha, kien hemm rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu għal għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli u l-okkorrenza tad-dannu mġarrab minn Gascogne b’riżultat tal-ħlas tagħha tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza.

27.      B’riferiment għal ġurisprudenza preċedenti (il-“ġurisprudenza Holcim”) (12), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet— fil-punt 118 tas-sentenza appellata — li, fil-prinċipju, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni huma l-konsegwenza tad-deċiżjoni tal-kumpannija stess biex tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din l-ispiża normalment ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza diretta tal-aġir tal-istituzzjoni.

28.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali sussegwentement kompliet — fil-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata — tiddistingwi l-kawża ineżami minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza Holcim. Il-Qorti Ġenerali adottat il-fehma li, fil-mument meta Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, u fil-mument li Gascogne pprovdiet garanzija bankarja, il-ksur tal-obbligu tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza ma kienx prevedibbli, u Gascogne Sack Deutschland u Gascogne setgħu leġittimament jistennew li r-rikorsi tagħhom jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli. Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li t-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 nqabeż wara d-deċiżjoni inizjali ta’ Gascogne li tipprovdi garanzija bankarja. Għal dawn ir-raġunijiet, hija ddeċidiet li r-rabta bejn il-fatt li t-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 nqabeż u l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu tal-iskadenza ma setax jiġi kkunsidrat li nkiser bid-deċiżjoni inizjali ta’ Gascogne li ma tħallasx immedjatament il-multa u tagħmel garanzija bankarja. Hija għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 122 tas-sentenza, li r-rabta kawżali kienet suffiċjentement diretta għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE.

29.      Il-motivazzjoni segwita mill-Qorti Ġenerali hija, fil-fehma tiegħi żbaljata. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali taċċetta l-awtorità li tirriżulta mill-ġurisprudenza Holcim iżda sussegwentement tkompli billi tiddistingwi din il-kawża minn dawk li kienu s-suġġett ta’ din il-ġurisprudenza. Bħall-Qorti Ġenerali, nemmen li l-ġurisprudenza Holcim hija valida iżda, għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali, ma nikkunsidrax li l-kawża ineżami hija sostanzjalment differenti mill-kawżi li wasslu għas-sentenza ta’ Holcim: fl-opinjoni tiegħi, l-ebda miż-żewġ raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal din id-distinzjoni ma hija, kemm jekk meħuda waħedha u kemm flimkien ma’ oħrajn, konvinċenti.

30.      Qabel nispjega fid-dettall għalfejn jien ta’ din il-fehma, nixtieq nenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 340 TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li jeżiġi lill-Unjoni tħallas kumpens għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk waħda remota, tal-aġir tal-istituzzjonijiet tagħha (13). Għaldaqstant, f’rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed li l-aġir irrapportat ikun wieħed mill-kawżi tad-dannu allegat; dan l-aġir għandu jkun il-kawża li tiddetermina d-dannu (14). Fi kliem ieħor, effett suffiċjenti jeżisti biss meta d-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ att illegali tal-istituzzjoni responsabbli u ma jiddependix mill-intervent ta’ raġunijiet oħra, kemm jekk pożittivi jew negattivi (15).

a)      Il-prevedibbiltà tal-aġir illegali

31.      L-ewwel raġuni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha ta’ din il-kawża minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza Holcim hija li, fil-mument meta Gascogne Sack Deutschland and Gascogne ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, u fil-mument meta Gascogne għamlet il-garanzija bankarja, il-ksur tal-obbligu ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-Qorti Ġenerali ma kienx prevedibbli.

32.      Madankollu, din l-istqarrija hija, l-ewwel nett, mhux preċiża. Sfortunatament, numru ta’ kawżi li ġew deċiżi mill-Qorti Ġenerali ftit qabel ma ġew ippreżentati r-rikorsi fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kienu ta’ tul sinjifikattiv (16). Dan huwa tassew minnu f’kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u b’mod partikolari akkordji(17), li huma notevolment kumplessi u jieħdu l-ħin u jistgħu jeżiġu ġestjoni parallela jew ikkoordinata ta’ diversi kawżi fl-istess ħin.

33.      Huwa minnu li, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, bħal kull rikorrent ieħor, setgħu jistennew li l-kawża tagħhom tiġi deċiża f’terminu raġonevoli. Madankollu, fil-kuntest tal-prassi tal-Qorti Ġenerali u tar-Reġistru Ġudizzjarju fid-data tal-fatti, kien eżerċizzju pjuttost inċert u diffiċli li jiġi kkalkolat it-tul probabbli tal-proċedura sabiex tiġi stmata l-ispiża totali potenzjali tal-garanzija bankarja.

34.      It-tieni nett, u b’mod iktar importanti, irrispettivament minn jekk id-dewmien eċċessiv fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kienx prevedibbli, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-użu tal-kunċett ta’ “prevedibbiltà” sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett kawżali suffiċjenti li skatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.

35.      Il-kwistjoni ewlenija, fil-kawża ineżami, ma hijiex jekk il-vittma tad-dannu allegat kellhiex il-kapaċità li tantiċipa l-avveniment illegali li rriżulta fid-dannu allegat. Li huwa kruċjali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea f’din il-kawża huwa, qabelxejn, jekk id-dannu allegat huwiex konsegwenza diretta tal-aġir illegali tal-istituzzjoni.

36.      Dan huwa punt li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina fil-fond. Jidhirli li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tad-dewmien eċċessiv seta’ biss ikun rilevanti f’żewġ ċirkustanzi. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tapplika għal din il-kawża.

37.      Minn naħa l-waħda, dan l-element seta’ jkun rilevanti li kieku Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ma setgħux, sussegwentement, imorru lura mid-deċiżjoni inizjali tagħhom li jiddifferixxu l-ħlas u jagħmlu garanzija bankarja. Madankollu, kif ser jintwera fil-punti 48 sa 52 iktar ’il quddiem, dan ma huwiex il-każ: fi kwalunkwe mument matul il-proċeduri ġudizzjarji, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne kellhom il-libertà li jħallsu l-multa u jirtiraw il-garanzija bankarja. Għalhekk, anki jekk għall-bidu ma kienx prevedibbli, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, eventwalment setgħu jadattaw l-aġir tagħhom fil-kuntest ta’ dan l-avveniment il-ġdid.

38.      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tad-dewmien eċċessiv seta’ jkun ukoll rilevanti li kieku l-Unjoni argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne naqsu milli jużaw diliġenza raġonevoli biex jevitaw jew jillimitaw il-portata tad-dannu li seta’ rriżulta mill-għażla tagħhom li jidifferixxu l-ħlas tal-multa sakemm jintemmu l-proċeduri ġudizzjarji.

39.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, f’rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, għandu jiġi vverifikat jekk, bir-riskju li d-dannu jiġġarrab minnha stess, il-persuna leża wrietx, bħala persuna prudenti, diliġenza raġonevoli biex tevita jew tillimita l-portata tad-dannu. Ir-rabta kawżali tista’ tinkiser b’negliġenza min-naħa tal-persuna leża, fejn din in-negliġenza tirriżulta li hija l-kawża determinanti tad-dannu (18).

40.      Madankollu, din ma hijiex ir-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal dan l-element fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx użu mill-kriterju ta’ prevedibbiltà biex teżamina jekk in-negliġenza ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne kisritx ir-rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ilmentat tal-istituzzjoni tal-Unjoni; minflok hija applikat dan il-kunċett sabiex bħala l-ewwel pass tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali rabta.

41.      Madankollu, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà potenzjali tal-avveniment li ta lok għad-dannu allegat ma jgħid xejn dwar il-fattur determinanti tad-dannu allegat. Anki jekk wieħed jassumi li d-dewmien eċċessiv ma kienx prevedibbli, dan il-fatt la huwa neċessarju u lanqas suffiċjenti biex jiskatta r-responsabbiltà tal-Unjoni.

42.      Fil-kuntest ta’ dan ta’ hawn fuq, jien tal-fehma li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “prevedibbiltà” għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ilmentat.

b)      In-nuqqas ta’ għażla ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne

43.      It-tieni raġuni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha ta’ din il-kawża minn dik li tat lok għall-ġurisprudenza Holcim hija li t-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 nqabeż wara d-deċiżjoni ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li jagħmlu garanzija bankarja.

44.      Fil-fehma tiegħi, dan l-element huwa wkoll irrilevanti.

45.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħad-Deċiżjoni C(2005) 4634, hija legalment vinkolanti u preżunta valida sakemm tiġi annullata mill-qrati tal-Unjoni. Jekk impriża li ġiet issanzjonata b’multa imposta mill-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali u li l-konformità immedjata magħha taf tipprovoka danni irreparabbli, huwa f’idejn din l-impriża li tressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE filwaqt li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni.

46.      Jekk ma titressaqx tali talba, jew jekk tali talba tiġi miċħuda mill-qrati tal-Unjoni, għandha titħallas multa, bħala regola, fil-perijodu stipulat fid-deċiżjoni. Għalhekk, ir-regoli baġitarji tal-Unjoni (19) jippermettu lill-Kummissjoni taċċetta li l-ħlas ta’ multa jiġi ddifferit, sakemm id-debitur jimpenja ruħu li jħallas l-interessi moratorji u jippreżenta garanzija finanzjarja li tkopri d-dejn li jkun għadu ma tħallasx kemm tas-somma prinċipali kif ukoll tal-interessi.

47.      Għalhekk, l-għażla offruta lill-impriżi li għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw multa quddiem il-qrati tal-Unjoni hija li jew iħallsuha immedjatament (ir-regola) jew jitolbu l-possibbiltà li jissottomettu garanzija bankarja (l-eċċezzjoni). L-għażla tal-impriża għandha tkun finanzjarjament newtrali għall-Unjoni: differiment ta’ ħlas ma għandux iwassal għal telf fil-baġit tal-Unjoni. L-uffiċjal tal-kontabbiltà li, f’kollaborazzjoni mal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, jieħu deċiżjoni dwar talba tal-impriża li tiddifferixxi l-ħlas ma għandux is-setgħa li jbiddel il-valur tal-multa li ġiet deċiża mill-Kummissjoni bħala istituzzjoni (jiġifieri, mill-Kulleġġ tal-Kummissarji). Fl-istess ħin, id-deċiżjoni ta’ impriża li tħallas immedjatament il-multa, minkejja l-intenzjoni tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, ma għandhiex twassal għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għalfejn, minn naħa waħda, jekk il-qrati tal-Unjoni jilqgħu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-multa li l-ħlas tagħha ġie ddifferit issir pagabbli bl-interessi. Min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata jwassal għal obbligu tal-Unjoni li tħallas lura s-somom imħallsa, miżjuda bir-rata tal-interessi applikabbli(20).

48.      Id-deċiżjoni biex jiġi ddifferit ħlas ta’ multa evidentement tippermetti lill-impriża tkompli tuża s-somom korrispondenti waqt li l-proċedura ġudizzjarja tkun pendenti. Madankollu, huma implikati wkoll xi spejjeż żejda (dawk assoċjati mas-sottomissjoni tal-garanzija bankarja) li l-impriża għandha taċċetta li tħallas, anki jekk finalment tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, huwa f’idejn kull impriża ssanzjonata mill-Kummissjoni biex tevalwa jekk finanzjarjament huwiex fl-interessi tagħha li tħallas il-multa fil-perijodu preskritt, jew titlobx differiment tal-ħlas u tagħmel garanzija bankarja.

49.      B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li qed timplika l-Qorti Ġenerali, dik ma hijiex għażla li tista’ ssir darba biss. Kwalunkwe impriża li tkun għażlet li tissottometti garanzija tista’ dejjem tmur lura fuq id-deċiżjoni oriġinali tagħha u tipproċedi għall-ħlas tal-multa (21). B’dan, tkun qiegħda tevita l-akkumulazzjoni ta’ interessi addizzjonali fuq is-somma prinċipali u tkun tista’ tirtira l-garanzija bankarja li tkun għamlet qabel.

50.      Xejn ma jipprekludi, skont id-dritt tal-Unjoni, impriża milli ttemm il-garanzija bankarja u tħallas il-multa, meta dik l-impriża tqis li din l-azzjoni hija iktar vantaġġuża. Għalhekk, jista’ jiġi preżunt li, jekk impriża, fl-ebda mument matul il-proċedura ma tirrevedi l-għażla inizjali tagħha, ikun minħabba l-fatt li dik l-impriża tqis li l-eżekuzzjoni kontinwa tal-garanzija bankarja għadha fl-aħjar interessi tagħha. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni inizjali sussegwentement tibqax tkun vantaġġuża jiddependi fuq għadd ta’ fatturi li – kif tenfasizza l-Kummissjoni – jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv matul iż-żmien (l-ispejjeż meta jissellfu l-flus, it-tariffi applikati mill-bank għall-garanzija, id-dħul li s-somma dovuta tiġġenera meta tiġi investita f’negozji oħrajn, u ħafna iktar). Mill-perspettiva ekonomika, huwa għalhekk raġonevoli li jiġi preżunt li impriża tista’ regolarment tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni inizjali tagħha.

51.      Għalhekk, kif argumentat tajjeb l-Unjoni, l-għażla li tingħata garanzija bankarja minflok titħallas il-multa imposta mill-Kummissjoni ma saritx biss fil-bidu tal-proċedura: dik l-għażla nżammet (jew ġiet ikkonfermata) b’mod ħieles u konxju minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne matul il-perijodu kollu matul il-proċeduri ġudizzjarji fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, anki meta dawn il-proċeduri laħqu tul sinjifikattiv.

52.      Dan ta’ hawn fuq huwa kkonfermat, sa ċertu punt, minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne. Fit-tweġiba tagħhom, huma jirrikonoxxu li kienu konxji li, fi kwalunkwe mument tal-proċedura, setgħu jħallsu l-multa u jirtiraw il-garanzija bankarja.

53.      Bħala konklużjoni għal dan il-punt, it-tieni raġuni tal-Qorti Ġenerali fid-distinzjoni tagħha ta’ din il-kawża minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza Holcim hija għalhekk ibbażata fuq premessa żbaljata: li l-unika deċiżjoni li kellha importanza f’din il-kawża kienet id-deċiżjoni inizjali ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li jiddifferixxu l-ħlas u jagħmlu garanzija bankarja qabel ma bdiet il-proċedura.

54.      In-natura żbaljata ta’ din il-premessa hija wkoll indirettament ikkonfermata mis-sentenza appellata.

c)      Il-kontradizzjoni fis-sentenza appellata

55.      Fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma teżisti l-ebda rabta kawżali suffiċjentement diretta fir-rigward tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti wara l-għoti tas-sentenzi fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż bħala l-konsegwenza tad-deċiżjoni personali u indipendenti li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ħadu, wara l-għoti ta’ din is-sentenza, li ma jħallsux il-multa, li ma jitolbux sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634, u jippreżentaw appell kontra l-imsemmija sentenza. Jekk dan huwa minnu, ma nistax nifhem għalfejn id-deċiżjoni li tinżamm il-garanzija bankarja kienet, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, deċiżiva biex teskludi r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea wara l-għoti tas-sentenza u mhux qabel.

56.      Kif argumentat l-Unjoni, jidher li ma hemm l-ebda differenza sinjifikattiva bejn dawn il-perijodi li tista’ tkun rilevanti skont l-Artikolu 340 TFUE. Barra minn hekk, matul il-proċedura tal-ewwel istanza Gascogne Sack Deutschland u Gascogne b’mod konxju għażlu li ma jitolbux sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jkomplu bl-eżekuzzjoni tal-garanzija bankarja sakemm din il-proċedura tintemm. Għalhekk, il-punt 130 tas-sentenza appellata jikkonferma li l-elementi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat rilevanti fil-punti 119 sa 121 tal-istess sentenza fid-distinzjoni tagħha bejn il-kawża ineżami u l-ġurisprudenza ta’ Holcim huma immaterjali.

d)      Konklużjoni provviżorja

57.      Bħala konklużjoni provviżorja, ma jistax jiġi kkontestat li l-fatt li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne kellhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-garanzija bankarja li għamlu mal-Kummissjoni matul il-perijodu tal-iskadenza huwa konsegwenza, inter alia, tal-inabbiltà tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi f’terminu raġonevoli.

58.      Madankollu, din ma kinitx il-kawża determinanti tad-dannu allegat. Il-fattur deċiżiv kien id-deċiżjoni ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li jkomplu jibbenefikaw minn eċċezzjoni li kienu talbu biex ma jeżegwixxux l-obbligu tagħhom li jħallsu multa li kienet dovuta, b’għarfien totali tal-ispejjeż u tar-riskji li l-għażla tagħhom kienet tinvolvi. Għaldaqstant, il-prinċipji li ġejjin mill-ġurisprudenza Holcim huma applikabbli fil-kawża ineżami.

59.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-kunċett “rabta kawżali” għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur mill-Qorti Ġenerali, fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, tal-obbligu li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli u d-dannu allegat ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne li ġej mill-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza.

60.      Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma qiegħda tpoġġi fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P), u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P). Għall-kuntrarju ta’ dak li argumentaw Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar l-eżistenza ta’ ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Madankollu, din ma ddeċidietx fuq l-eżistenza ta’ xi dannu li ġej minn dan il-ksur. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, enfasizzat li hija wkoll “il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa kemm ir-realtà tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża billi teżamina l-provi prodotti għal dan il-għan” (22).

61.      Fl-aħħar nett, bil-preżentata ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali li għandu jiġi kkumpensat, l-Unjoni ma hijiex tikkommetti xi “abbuż mill-proċedura”, kif ġie affermat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne. Kif spjegajt fid-dettall fil-punti 19 sa 36 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kendrion, il-fatt li l-Unjoni hija, f’din il-proċedura irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jagħtix lok għal kunflitt ta’ interess. L-argument ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jinjora d-distinzjoni li għandha ssir bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni, u l-korpi ġudizzjarji ta’ din l-istituzzjoni (bħalissa, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali) (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala l-korp ġudizzjarju li qiegħed jisma’ l-appell, tissodisfa l-kriterji ta’ imparzjalità oġġettiva u suġġettiva meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

62.      Fil-kuntest ta’ dan, għandha tiġi annullata l-parti tas-sentenza appellata sa fejn ordnat lill-Unjoni tħallas kumpens ta’ EUR 47 064.33 lil Gascogne għal dannu materjali subit minn din il-kumpannija minħabba ksur tal-obbligu ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

63.      Dan ifisser li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi fuq dan il-punt, ma jkunx hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju invokati mill-Unjoni fil-Kawża C‑138/17 P, u l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju invokati minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne fil-Kawża C‑146/17 P. Madankollu, minħabba l-importanza tal-kawżi futuri dwar il-kwistjoni mqajma, nemmen li jista’ jkun utli li jiġi ttrattat, għall-finijiet ta’ kompletezza biss, it-tieni aggravju invokat mill-Unjoni.

2.      Il-kunċett ta’ “dannu”

64.      Bit-tieni aggravju tagħha, l-Unjoni, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “dannu”. Fil-fehma tagħha, il-qorti tal-ewwel istanza jmissha eżaminat jekk, fil-perijodu tal-iskadenza, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn Gascogne kinux ikbar mill-vantaġġ ikkonferit lilha bil-pussess ta’ somma ugwali għall-ammont tal-multa. Min-naħa tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju bħala inammissibbli peress li jintroduċi argumenti ġodda fl-istadju tal-appell. Sussidjarjament, dawn jikkunsidraw it-tieni aggravju tal-Unjoni bħala infondat, peress li ma hemm l-ebda rabta bejn il-vantaġġi li setgħu gawdew u t-telf li setgħu sofrew huma fil-perijodu tal-iskadenza.

65.      Jidhirli li anki dan l-aggravju huwa ammissibbli u manifestament fondat.

66.      Qabelxejn, l-oġġezzjonijiet ta’ Gascogne Sack Deutschland u ta’ Gascogne dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ma jipperswadunix. Skont ġurisprudenza stabbilita, appellant għandu dritt li jippreżenta appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sostnut minn aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (24).

67.      Dan l-aggravju huwa dirett kontra l-punti 111 sa 131 tas-sentenza appellata li fihom, fil-fehma tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’’mod żbaljat il-kunċett ta’ “dannu” għall-finijiet tal-Artikoli 268 u 340 TFUE. B’mod partikolari, l-Unjoni tikkunsidra s-sentenza bħala waħda kontradittorja peress li tapplika, meta tieħu inkunsiderazzjoni jekk it-telf allegat li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja għandux jiġi kkunsidrat “dannu” skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, test legali differenti minn dak applikat fl-eżami tat-telf allegat li jikkonsisti fil-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa.

68.      Sussegwentement, il-kritika tal-Unjoni tas-sentenza appellata dwar din il-kwistjoni nsibha konvinċenti. Fil-fatt, jien tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, mingħajr l-ebda spjegazzjoni speċifika jew investigazzjoni ulterjuri, fil-punti 111 u 114 tas-sentenza appellata, poġġiet indaqs l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza ma’ dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 340 TFUE.

69.      Iż-żewġ kunċetti għandhom jibqgħu distinti.

70.      Att jew ommissjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jkollhom diversi konsegwenzi għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriżi bħal Gascogne Sack Deutschland u Gascogne. Dawn jistgħu jwasslu għal ċerti spejjeż għal impriża iżda, fl-istess ħin, jistgħu jirriżultaw f’ċerti qligħ għal dik l-impriża. Skont it-tifsira tal-Artikolu 340 TFUE, ikun hemm biss “danni” meta d-differenza netta bejn l-ispejjeż u l-qligħ tkun negattiva (25). Fi kliem ieħor, irid ikun hemm telf globali li jirriżulta mill-aġir irrapportat. Inkella, ikun hemm sitwazzjoni paradossali fejn, minkejja li tkun ibbenefikat finanzjarjament mill-aġir ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, impriża tkun ukoll intitolata li titlob somom addizzjonali mill-Unjoni.

71.      Kif ġie spjegat fil-punti 48 u 50 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ impriża li tiddifferixxi ħlas u tagħmel garanzija bankarja, minn naħa waħda, twassal għal ċerti spejjeż iżda, min-naħa l-oħra, tippermetti wkoll lil dik l-impriża tuża, għal perijodu ta’ żmien, somma li tista’ tiġġenera qligħ. Dawn l-effetti varji ma humiex mhux relatati, kif argumentaw b’mod żbaljat Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, iżda huma marbutin b’mod inseparabbli: dawn huma ż-żewġ naħat tal-istess munita.

72.      Ekonomikament, l-għażla li jiġi ddifferit ħlas ta’ multa essenzjalment tikkostitwixxi forma ta’ finanzjament għall-impriża kkonċernata: sat-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja, din l-impriża prattikament tissellef il-flus dovuti lill-Unjoni mill-Unjoni nnifisha. L-ispiża globali tal-finanzjament hija, fi kliem sempliċi, is-somma tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja flimkien, jekk l-impriża titlef fil-proċedura ġudizzjarja, mal-interessi eventwalment dovuti fuq dik prinċipali. Madankollu, is-sentenza appellata tiffoka biss fuq l-ispejjeż sostnuti minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, u ma tgħid xejn dwar il-qligħ u t-tfaddil li setgħu saru minn dawn il-kumpanniji bis-saħħa tad-differiment tal-ħlas.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali. Kif issemma fil-punt 50 iktar ’il fuq, impriża hija preżunta li taġixxi, fi kwalunkwe mument, b’mod li tqis li huwa razzjonali minn perspettiva ekonomika u finanzjarja. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, għat-tul kollu tal-proċedura ġudizzjarja fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne sabu iktar vantaġġuż li jkomplu jissellfu mill-Unjoni s-somma korrispondenti għall-ammont tal-multa dovuta, minflok ma użaw il-likwidità tagħhom stess jew jissellfu dak l-ammont minn istituzzjonijiet tal-kreditu.

74.      Jekk dan huwa minnu, ma tistax titwarrab il-possibbiltà li d-dewmien eċċessiv fl-għoti tas-sentenza tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 mhux biss ma kkawżax telf għal Gascogne Sack Deutschland u għal Gascogne, iżda ta lil dawn il-kumpanniji lok għal vantaġġ finanzjarju. Madankollu, din ma hijiex xi ħaġa li tista’ tiġi aċċertata abbażi tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, mingħajr l-ebda investigazzjoni sussegwenti, li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fil-perijodu tal-iskadenza kkorrispondew mad-dannu mġarrab minn Gascogne matul dak iż-żmien.

75.      Fl-aħħar nett, dwar dan il-punt nixtieq inżid li s-sentenza appellata tidher kontradittorja. Fil-fatt, fir-rigward ta’ forma oħra ta’ dannu allegat (il-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa) il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ma pproduċew l-ebda evidenza biex juru li, matul il-perijodu tal-iskadenza, “l-ammont tal-interessi moratorji, li tħallas iktar tard lill-Kummissjoni, kien ogħla mill-vantaġġ li huma setgħu jibbenefikaw minnu minħabba t-tgawdija tas-somma, ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji” (26).

76.      Huwa diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika standard simili fir-rigward tad-dannu allegat li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja relatati mal-istess perijodu.

77.      Bħala konklużjoni, it-tieni aggravju invokat mill-Unjoni huwa wkoll manifestament fondat. Għalhekk, kif issemma fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat. Konsegwentement, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat it-tielet aggravju invokat mill-Unjoni fil-Kawża C‑138/17 P, u l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju invokati minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne fil-Kawża C‑146/17 P.

C.      Danni morali

78.      Ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ aggravju invokati minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne fil-Kawża C‑146/17 P huma kollha diretti kontra l-punti 151 sa 165 tas-sentenza appellata fejn fihom il-Qorti Ġenerali tat kumpens ta’ EUR 5 000 kemm lil Gascogne Sack Deutschland kif ukoll lil Gascogne għad-danni morali mġarrba minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ deċżjoni f’terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtihom ammont ikbar, f’konformità mat-talba tagħhom fl-ewwel istanza.

79.      L-erba’ aggravji dwar id-danni morali ser jiġu eżaminati flimkien fil-punti li ġejjin. Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, naqbel mal-Unjoni li l-argumenti mressqa minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne huma jew ineffettivi jew infondati.

1.      Il-kunċett ta’ dannu morali u l-indipendenza tar-rikors għad-danni mhux kuntrattwali

80.      L-ewwel nett, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jikkritikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 161 sa 163 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-kumpens għad-dannu morali mfittex minnhom (“mill-inqas” EUR 500 000), minħabba l-ammont tiegħu, kien ikollu l-effett li jerġa’ jpoġġi f’dubju l-ammont tal-multa imposta fuqhom bid-Deċiżjoni C(2005) 4634, anki jekk ma kienx ġie stabbilit jekk in-nuqqas ta’ għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kellux jaffettwa l-ammont ta’ din il-multa. It-tieni nett, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jaffermaw li l-punti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 161 sa 163 tas-sentenza appellata jiċħdu wkoll mill-effettività l-Artikoli 256 u 340 TFUE. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment qiegħda tirrifjuta li tagħti kumpens għad-dannu kollu mġarrab, biex b’hekk qiegħda wkoll tikser id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

81.      Dawn l-argumenti huma bbażati, fl-opinjoni tiegħi, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dawn huma jew ineffettivi jew infondati.

82.      Qabelxejn, taf ikun utli li jiġi ddefinit b’mod ċar x’għandu jiġi kkunsidrat, fil-fehma tiegħi, dannu “morali” għall-finijiet tat-Trattat FUE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kumpens skont l-Artikolu 340 TFUE jimmira li jirriġenera, sa fejn huwa possibbli, l-assi tal-vittma kif kienu qabel l-aġir illegali tal-istituzzjoni tal-Unjoni (27). Għalhekk, telf pekunjarju li huwa konsegwenza diretta ta’ dan l-aġir għandu normalment jiġi kkumpensat permezz ta’ ħlas ta’ somma ugwali għal dak it-telf.

83.      Madankollu, dan huwa impossibbli għal telf li ma huwiex pekunjarju jew morali (28). F’ħafna mis-sistemi legali, il-kunċett ta’ dannu “morali” jirreferi għal tipi ta’ dannu li ma humiex tanġibbli u li ma jistgħux faċilment jingħataw valur ekonomiku peress li, strettament, ma hemmx valur tas-suq għalihom. Eżempji tipiċi ta’ dan id-dannu jinkludu uġigħ u sofferenza, tbatija emozzjonali, indeboliment ta’ ħajja jew ta’ relazzjonijiet. Essenzjalment huma koperti forom differenti ta’ danni fiżiċi u/jew psikoloġiċi.

84.      F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, l-istatus quo ante ma jistax jiġi b’mod manifest stabbilit mill-ġdid. Għalhekk, kwalunkwe tip ta’ kumpens li l-qrati jistgħu jagħtu dejjem u inevitabbilment ser ikun “it-tieni preferibbli”. Għalhekk il-ħlas ta’ ammont ta’ flus jista’, jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi, ikun jew ma jkunx l-iktar forma xierqa ta’ kumpens (29). Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni, f’ċerti każijiet, sabu li kumpens monetarju simboliku (30) kien biżżejjed, jew li jista’ jingħata kumpens in natura (31). F’kawżi oħra, il-qrati tal-Unjoni ma ordnaw l-ebda forma speċifika ta’ kumpens, peress li kkunsidraw li l-annullament tal-att illegali (32), jew sempliċement ir-reġistrazzjoni ta’ avveniment illegali fis-sentenza (33), jistgħu jikkostitwixxu kumpens sodisfaċenti għall-finijiet tal-Artikolu 340 TFUE (34).

85.      Jekk kumpens pekunjarju (u mhux simboliku) huwa kkunsidrat l-iktar forma xierqa ta’ kumpens f’każ partikolari, ma hijiex biċċa xogħol faċli biex tiġi kkwantifikata s-somma li għandha tingħata. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’tali kawża għandha toħroġ bi stima ta’ ammont li jirrifletti b’mod adegwat id-dannu mġarrab mill-vittma, mingħajr ma jiġi indebitament ikkastigat l-awtur tal-aġir illegali. Fl-assenza ta’ parametri ekonomiċi referenzjarji ovvji jew ġeneralment aċċettati, il-qrati jistgħu biss isibu gwida fi prinċipji ġenerali bħal, pereżempju, dak ta’ ekwità, ġustizzja u proporzjonalità minn naħa waħda, u dak ta’ prevedibbiltà, ċertezza legali u ugwaljanza fit-trattament min-naħa l-oħra.

86.      Huwa għalhekk inevitabbli li, biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu morali, biex jiġu identifikati l-aħjar mezzi li adegwatament jikkumpensawh u, fejn xieraq, biex tiġi kkalkolata s-somma li għandha tingħata, il-qrati jgawdu minn libertà sinjifikattiva.

87.      F’dan il-kuntest, il-qari tal-punti 161 sa 163 tas-sentenza appellata li sar minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ma jinfluwenzax il-fehma tiegħi. Dawn il-punti għandhom jinqraw fil-kuntest proprju tagħhom.

88.      Fil-punti 144 sa 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-kapi differenti tad-dannu morali allegat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne u sabet li wħud minnhom ma humiex ammissibbli jew fi kwalunkwe każ mhux stabbiliti (35), u oħrajn possibbilment ikkumpensati mis-sempliċi reġistrazzjoni, fis-sentenza appellata, tal-ksur li twettaq mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 (36). Għalhekk, wieħed biss mill-kapi tad-dannu morali nstab li ġie stabbilit skont l-istandard legali meħtieġ u li jeħtieġ kumpens finanzjarju mhux simboliku: id-dannu li jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza mtawwal li fih Gascogne Sack Deutschland u Gascogne tpoġġew minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja (37).

89.      Fil-kuntest ta’ dan, u skont il-fehma li ma kien hemm l-ebda prova oħra li setgħet issostni kumpens ta’ “mill-inqas” EUR 500 000 – fil-punt 160 tas-sentenza appellata – il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-istima tad-dannu ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne. Il-punti 161 sa 163 li ġejjin juru b’mod ċar – u kif argumentat tajjeb l-Unjoni, sempliċement għall-finijiet ta’ kompletezza – li l-kumpens mitlub minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne lanqas ma seta’ jiġi ġġustifikat mill-ammont kunsiderevoli tal-multa imposta fuqhom. Fil-fatt, f’kawża bħal dik ineżami, ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali la seta’ jkun ta’ sostituzzjoni u lanqas ta’ alternattiva għar-rikorsi għal annullament li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ppreżentaw qabel mingħajr suċċess quddiem il-qrati tal-Unjoni.

90.      Fi kliem ieħor, li qiegħda essenzjalment tgħid il-Qorti Ġenerali f’dawn is-siltiet hu, fi kliem sempliċi, li wieħed mill-kriterji jew parametri li għandu jintuża sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ kumpens għad dannu morali ma jistax ikun l-ammont tal-multa imposta fuq Gascogne Sack Deutschland u Gascogne mid-Deċiżjoni C(2005) 4634. Ir-raġuni hija li, skont ġurisprudenza stabbilita (38), is-somma li għandha tingħata bħala kumpens ma tistax, direttament jew indirettament, tpoġġi f’dubju l-ammont tal-multa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali adottat il-fehma li, l-għoti tal-kumpens mitlub minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne kien ikollu, fil-kuntest tal-ammont sinjifikattiv tiegħu, l-istess effett bħat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

91.      Fl-aħħar nett, ma nistax ma nosservax li s-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-ammont ta’ kumpens mitlub minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne bħala wieħed mhux iġġustifikat, u għalhekk tat lil dawn il-kumpanniji somma iżjed baxxa, ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkumpensa d-dannu b’mod sħiħ. Dan ifisser biss li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ma pproduċewx provi suffiċjenti biex jikkorroboraw il-kapi kollha tad-dannu li talbu. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Qorti Ġenerali u r-rikorrenti fuq l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata ma jistax jitqies, fil-prattika, bħala wieħed li jċaħħad rikors skont l-Artikoli 256 u 340 TFUE mill-effettività tiegħu.

2.      Il-kontradizzjoni allegata u l-insuffiċjenza tal-motivi fis-sentenza appellata

92.      It-tielet nett, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne huma tal-fehma li l-motivi fis-sentenza appellata huma kontradittorji: min-naħa l-waħda l-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-kumpens li għandu jingħata għal dannu morali ma jistax jerġa’ jpoġġi f’dubju l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (punti 161 sa 163), filwaqt li min-naħa l-oħra tiddikjara li l-ammont tad-dannu morali li għandu jiġi kkumpensat għandu jiġi kkalkolat, inter alia, b’teħid inkusiderazzjoni tal-portata tan-nuqqas tal-għoti ta’ sentenza f’terminu raġonevoli u l-bżonn li jiġi żgurat li rikors ippreżentat skont l-Artikoli 256 u 340 TFUE huwa effettiv (punt 165). Ir-raba’ nett, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx suffiċjentement il-kriterji li użat biex tiddetermina bħala EUR 5 000 l-ammont tal-kumpens dovut għal dannu morali lil kull waħda minnhom.

93.      Biex nibda, il-motivi dwar din il-kwistjoni fis-sentenza appellata ma narahomx bħala kontradittorji.

94.      Kif ġie spjegat fil-punti 89 u 90 iktar ’il fuq, fil-punti 161 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat għaliex l-ammont tal-multa imposta fuq Gascogne Sack Deutschland u Gascogne mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 ma setax jiġi inkluż fost il-kriterji li għandhom jittieħdu inkusiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens dovut għal dannu morali. Għall-kuntrarju, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-kriterji li ħadet inkusiderazzjoni għal dan il-għan. Dawn l-aħħar kriterji mhux biss kienu differenti minn dawk tal-ewwel iżda, inżid ngħid, kienu pjuttost raġonevoli.

95.      B’mod partikolari, jidhirli li, fl-istima tal-kumpens li għandu jingħata, huwa xieraq li tittieħed inkunsiderazzoni l-portata tan-nuqqas tal-għoti ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06: itwal ma jkun il-perijodu li jkun qabeż it-terminu raġonevoli għall-proċeduri, itwal ser ikun il-perijodu ta’ inċertezza li affettwa l-ippjanar tad-deċiżjonijiet u l-ġestjoni tan-negozju tal-kumpanniji, ogħla ser ikun, mill-banda l-oħra, il-kumpens dovut, u viċe versa.

96.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment ukoll, fost il-kriterji li tieħu inkusiderazzjoni, għall-bżonn li jiġi żgurat li rikors ippreżentat skont l-Artikoli 256 u 340 TFUE huwa effettiv, ikolli nosserva dan li ġej. Kif issemma fil-punt 84 iktar ’il fuq, minħabba n-natura partikolari tad-dannu morali, ma huwiex eskluż a priori li kumpens simboliku jista’ jkun biżżejjed biex jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-vittma. Madankollu, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 155 sa 158 tas-sentenza appellata, spjegat għalfejn adottat il-fehma li, għal ċertu kap tad-dannu allegat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, kumpens simboliku ma kienx biżżejjed.

97.      Huwa għalhekk konsistenti mal-konstatazzjoni ta’ hawn fuq li, meta kienet qiegħda tistma l-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat, il-Qorti Ġenerali żgurat li s-somma mogħtija, anki jekk sempliċement simbolika, ma ċaħditx ir-rikors mill-effettività tiegħu.

98.      Barra minn hekk, jien tal-fehma li s-sentenza appellata tinkludi motivazzjoni adegwata li tesponi r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti lil Gascogne Sack Deutschland u Gascogne kumpens ta’ EUR 5 000 kull waħda għad-dannu morali li ġarrbu.

99.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hija biss għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa, fil-limiti tat-talba, il-mezzi u l-portata tal-kumpens għad-dannu. Madankollu, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistħarreġ is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, dawn is-sentenzi jridu jkunu suffiċjentement immotivati u, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu, iridu jindikaw il-kriterji li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont stabbilit (39).

100. F’dan il-kuntest, qiegħed ninnota li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, b’mod konċiż iżda ċar, iddeskriviet ir-raġunijiet wara l-konklużjoni tagħha li għal ċerti tipi ta’ danni morali allegati minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ġew prodotti provi xierqa filwaqt li għal oħrajn le. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali spjegat għalfejn l-għoti ta’ kumpens pekunjarju kien tqies neċessarju għal kap wieħed ta’ dannu u, it-tielet nett, hija għamlet riferiment għall-kriterji li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan il-kumpens.

101. Fl-opinjoni tiegħi, dan jikkostitwixxi, għal kumpens li huwa neċessarjament iddeterminat ex aequo et bono, spjegazzjoni adegwata. Fil-kuntest ta’ dan, jien tal-fehma li l-argumenti ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ma jistgħux ipoġġu f’dubju, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu mogħti mill-Qorti Ġenerali (40).

V.      Il-konsegwenzi tal-evalwazzjoni

102. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi, l-appell ippreżentat mill-Unjoni Ewropea għandu jintlaqa’ u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiġi għaldaqstant annullat.

103. Peress li, fid-dawl tal-fatti disponibbli u l-iskambju tal-fehmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli li tingħata deċiżjoni definittiva dwar din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-talba ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għal kumpens fir-rigward tad-dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja b’rabta mal-perijodu li fih it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, inqabeż.

104. L-appell minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI.    Fuq l-ispejjeż

105. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

106. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appelli, sussegwentement, f’konformità mal-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għandhom ibatu l-ispejjeż ta’ din il-kawża. L-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza għandhom, fil-fehma tiegħi, jibqgħu kif ġew assenjati mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta maż-żewġ istanzi.

VII. Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Jannar 2017, fil-Kawża T‑577/14, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea;

–        tiċħad it-talba ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għal kumpens fir-rigward tad-dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja b’rabta mal-perijodu li fih it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni u T‑79/06, Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni, inqabeż;

–        tiċħad l-appell ippreżentat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne;

–        tikkundanna lil Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u l-ispejjeż tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’rabta mal-proċedura tal-appell, u l-ispejjeż tagħhom stess b’rabta mal-proċedura tal-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tbati l-ispejjeż tagħha stess b’rabta mal-proċedura tal-ewwel istanza; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha stess b’rabta maż-żewġ istanzi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Iktar ’il quddiem l-“Unjoni” għall-finijiet ta’ sempliċità.


3      EU:T:2017:1.


4      Mhux ippubblikata, EU:T:2011:671.


5      Mhux ippubblikata, EU:T:2011:674.


6      Kawża L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P; u l-kawżi magħquda L-Unjoni Ewropea vs ASPLA u Armando Álvarez, u ASPLA u Armando Álvarez vs L‑Unjoni Ewropea, C‑174/17 P u C‑222/17 P.


7      Il-kawżi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 jikkonċernaw ukoll rikorsi ppreżentati minn impriżi oħrajn li kienu d-destinatarji tad-Deċiżjoni C(2005) 4634.


8      Sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671, u Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni, T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674.


9      Sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768; u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770.


10      Ara, rispettivament, il-punti 97 u 91 tas-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


11      Mhux ippubblikat, EU:T:2015:80.


12      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 123, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38. Nixtieq nenfasizza li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tikkonferma din il-ġurisprudenza.


13      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21. Ara, iktar reċenti, id-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Ara d-digriet tal31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-kawża Compagnie continentale France vs Il‑Kunsill, 169/73, EU:C:1974:32, punt 4.


16      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, EU:T:2004:2; tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166; tad‑19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il‑Kummissjoni, T‑318/00, EU:T:2005:363; u tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Laboratoire du Bain vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑151/00, mhux ippubblikata, EU:T:2005:450.


17      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Marlines vs Il‑Kummissjoni, T‑56/99, EU:T:2003:333; tat‑8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, EU:T:2004:218; tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455; u tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74.


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 61. Dan il-prinċipju huwa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19      L-Artikolu 85 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145). Dan ir-regolament, applikabbli fid-data tal-fatti, ġie ssostitwit bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83. Fir-rigward tat-tip u l-ammont ta’ interessi li għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni lil kumpannija li kienet ħallset multa sabiex tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 101 TFUE li ġiet sussegwentement annullata mill-qrati tal-Unjoni, ara l-kawża pendenti Printeos vs Il‑Kummissjoni (T-201/17).


21      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni, T‑669/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:285, punt 103.


22      Punt 88 fil-Kawża C‑58/12 P, u punt 94 fil-Kawża C‑40/12 P.


23      Ara l-Artikoli 13(1) u 19(1) TUE.


24      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kommissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 26 et seq.


26      Punt 108 tas-sentenza appellata.


27      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża Ireks-Arkady vs KEE, 238/78, mhux ippubblikati, EU:C:1979:203, p. 2983.


28      Dawn iż-żewġ termini spiss jintużaw wieħed flok l-ieħor.


29      Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 26 sa 29.


30      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il‑Kummissjoni, 18/78, EU:C:1979:154, punt 19.


31      Sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 63.


32      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, EU:T:2007:207, mhux ippubblikata, punt 241 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Ara, inter alia, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1981, Krecké vs Il‑Kummissjoni, 59/80 u 129/80, EU:C:1981:170, punt 74; u tad‑9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes v Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22.


34      Ta’ min wieħed jinnota li, f’dan il-kuntest, il-QEDB ukoll, f’xi każijiet, ikkunsidrat sentenzi dikjaratorji u għotjiet simboliċi bħala li jikkostitwixxu “sodisfazzjon xierqa” skont it-tifsira tal-Artikolu 41 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-QEDB, tal‑21 ta’ Frar 1975, Golder vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1975:0221JUD000445170, punt 50; tat‑23 ta’ Novembru 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1976:1123JUD000510071, punti 10 u 11; tas‑17 ta’ Ottubru 2002, Agga vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2002:1017JUD005077699, punti 65 u 66; tat‑30 ta’ Novembru 2004, Vaney vs Franza, CE:ECHR:2004:1130JUD005394600, punti 55 sa 57.


35      Ara l-punti 148, 149 u 153 tas-sentenza appellata.


36      Ara l-punt 154 tas-sentenza appellata.


37      Punti 157 u 158 tas-sentenza appellata.


38      Ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata.


39      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Ara, b’mod simili, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 52 u 53.