Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja) – Stadt Wuppertal vs Maria Elisabeth Bauer (C-569/16), Volker Willmeroth, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju ta’ TWI Technische Wartung und Instandsetzung Volker Willmeroth eK vs Martina Broßonn (C-570/16)

(Kawżi magħquda C-569/16 u C-570/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Relazzjoni tax-xogħol li tintemm minħabba l-mewt tal-ħaddiem – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-ħlas, lill-aventi kawża tal-ħaddiem, ta’ kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud minnu – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stadt Wuppertal (C-569/16), Volker Willmeroth, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju ta’ TWI Technische Wartung u Instandsetzung Volker Willmeroth eK (C-570/16)

Konvenuti: Maria Elisabeth Bauer (C-569/16), Martina Broßonn (C-570/16)

Dispożittiv

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha, meta r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba l-mewt tal-ħaddiem, id-dritt għal-leave annwali mħallas miksub skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u mhux meħud minn dan il-ħaddiem qabel il-mewt tiegħu jispiċċa mingħajr ma jkun jista’ jagħti lok għal dritt għal kumpens finanzjarju għall-imsemmi leave li jkun trażmissibbli lill-aventi kawża tal-imsemmi ħaddiem permezz tas-suċċessjoni.

Fil-każ ta’ impossibbiltà li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità tagħha mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn l-aventi kawża ta’ ħaddiem li miet u l-persuna li kienet timpjega lil dan il-ħaddiem, għandha tħalli mhux applikata l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li l-imsemmi aventi kawża jingħata, għad-detriment ta’ din il-persuna li timpjega, il-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas miksub skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u mhux meħud minn dan il-ħaddiem qabel mewtu. Dan l-obbligu huwa impost fuq il-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta t-tilwima tkun bejn tali aventi kawża u persuna li timpjega li għandha l-kwalità ta’ awtorità pubblika, u skont it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet meta t-tilwima tkun bejn l-aventi kawża u l-persuna li timpjega li jkollha l-kwalità ta’ individwu.

____________

1     ĠU C 53, 20.2.2017.