Language of document : ECLI:EU:F:2015:33

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

22 ta’ April 2015

Kawża F‑105/14

ED

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l‑Informazzjoni (ENISA)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Proċedura ta’ selezzjoni — Deċiżjoni ta’ ċaħda, fl-istadju tal-preselezzjoni, tal-kandidatura wara eżami minn Kumitat ta’ Selezzjoni — Assenza ta’ lment imressaq fit-terminu stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura — Talba għal informazzjoni — Tweġiba tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ mingħajr eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura — Ilment imressaq kontra din it-tweġiba — Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża — Inammissibbiltà manifesta — Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu ED titlob l-annullament tal-allegata deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), tas-27 ta’ Marzu 2014, li permezz tagħha hija kienet iddeċidiet li ma tagħżilx il-kandidatura tagħha għat-tieni fażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni intiża sabiex jimtela impjieg ta’ ġurist, tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD) u ta’ grad AD 8.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. ED għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall‑ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kundizzjonijiet — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 81)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ kandidatura u ta’ ħatra ta’ kandidat ieħor għall-pożizzjoni inkwistjoni — Talba għall-annullament biss tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura — Inklużjoni — Nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Notifika — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni debitament innotifikata — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Skont l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jaqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat.

B’mod partikolari, iċ-ċaħda tar-rikors permezz ta’ digriet motivat adottat abbażi tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura, mhux biss tikkontribwixxi għall-ekonomija tal-ġudizzju, iżda tevita wkoll lill-partijiet l-ispejjez ta’ żvolġiment ta’ seduta, meta, mal-qari tal-proċess ta’ kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jqis li huwa biżżejjed infurmat permezz tal-atti ta’ dan il-proċess, huwa għal kollox konvint mill-inammissibbiltà manifesta tar-rikors jew tan-natura manifestament infondata fid-dritt tiegħu u jikkunsidra, barra minn hekk, li l-iżvolġiment ta’ seduta ma huwiex ta’ natura li joffri elementi ġodda li jistgħu jaffettwaw il-konvinzjoni tiegħu.

(ara l-punti 15 u 16)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Mészáros vs Il‑Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fir-rigward tar-rikorsi intiżi li jikkontestaw proċeduri ta’ reklutaġġ, kandidat li ma ntgħażilx, kemm jekk huwa uffiċjal, membru tal-persunal jew kandidat estern għall-istituzzjoni jew għall-aġenzija, ma huwiex obbligat li jitlob kemm l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni u dak tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-inklużjoni ta’ kandidat ieħor fil-lista ta’ riżerva jew tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ dan il-kandidat ieħor fil-pożizzjoni mixtieqa. Fil-fatt, ebda obbligu li jintalab simultanjament l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma jista’ jiġi impost fuq il-kandidat li ma ntgħażilx li, billi jkun jixtieq li jinżammu d-drittijiet ta’ terzi għall-proċedura ġudizzjarja, ifittex, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jitlob unikament l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Minbarra dan, l-approċċ li, fil-każ fejn il-pożizzjoni inkwistjoni kienet diġà mtliet fil-mument tal-preżentata tar-rikors, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tkun ammissibbli biss jekk il-kandidat li ma ntgħażilx jitlob fl-istess waqt l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ kandidat ieħor għall-pożizzjoni inkwistjoni iwassal sabiex tiġi introdotta kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, mhux prevista mir-Regolamenti tal-Persunal, f’dak li jikkonċerna r-rikorsi li jirrigwardaw l-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, la l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ttratta r-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-uffiċjali kontra l-atti li jikkawżawlhom preġudizzju, la barra minn hekk ebda test ieħor ma jimponi fuq kandidat li ma ntgħażilx ta’ proċedura ta’ selezzjoni li bilfors għandu jindirizza r-rikors tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, kemm kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu kif ukoll kontra d-deċiżjoni korrelattiva ta’ ħatra ta’ kandidat ieħor.

(ara l-punti 22 u 23)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 35, 44 u 47

3.      It-termini ta’ lment u ta’ rikors, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew fid-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn ġewx osservati. Dawn it-termini jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u tan-neċessità li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Għalhekk, iċ-ċirkustanza li, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-ilment amministrattiv, istituzzjoni jew aġenzija tkun wieġbet għall-argumenti mressqa fuq il-mertu mingħajr ma qieset il-possibbiltà li dan kien tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli, jew ukoll il-fatt li hija espressament indikat lill-persuna kkonċernata li hija kellha l-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ rimedji ġudizzjarji ma għandhomx effett fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammissibbiltà tar-rikors sussegwentement ippreżentat kontra din id-deċiżjoni. Fil-fatt, tali ċirkustanzi ma jistgħux ikollhom bħala effett li jidderogaw mis-sistema tat-termini mandatorji stabbilita bl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u inqas u inqas li jeżentaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-obbligu li jivverifika li t-termini tar-Regolamenti tal-Persunal ġew osservati.

(ara l-punti 28 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Müllers vs KES, 79/70, EU:C:1971:79, punt 18, u Moussis vs Il‑Kummissjoni, 227/83, EU:C:1984:276, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Offermann vs Il‑Parlament, T‑129/89, EU:T:1991:55, punt 34; Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑35/96, EU:T:1997:36, punt 30, u digriet Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, EU:T:2009:6, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, EU:F:2006:31, punt 24; Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑60/13, EU:F:2014:6, punt 36, u Michel vs Il‑Kummissjoni, F‑44/13, EU:F:2014:40, punt 68

4.      Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura ta’ persuna mingħajr dubju tikkostitwixxi att li jikkawżalha preġudizzju peress li, billi ċaħħadha mill-possibbiltà li tipparteċipa fil-fażi sussegwenti tal-proċedura ta’ reklutaġġ u, konsegwentement, minn kull possibbiltà li tinħatar fil-kuntest tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, dan jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata billi jbiddel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħha.

Anki jekk jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni setgħet kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u anki jekk huwa minnu li l-motivazzjoni bħala prinċipju għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, xorta jibqa’ l-fatt li tali nuqqas ta’ motivazzjoni ma jneħħi xejn min-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22, u Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 42

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Hendrickx vs Cedefop, T‑87/99, EU:T:2000:191, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 140

5.      In-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni, li għalih l-amministrazzjoni tista’ tirrimedja sal-istadju tad-deċiżjoni tagħha dwar l-ilment, ma għandux effett fuq il-kalkolu tat-terminu sabiex jitressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, peress li din hija debitament innotifikata jew b’mod ieħor effettivament miġjuba għall-għarfien tal-persuna kkonċernata.

Ma jistax jiġi aċċettat li kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni, espliċita jew impliċita, kemm jekk hija insuffiċjentement immotivata jew mhux motivata, klassifikazzjoni li teħtieġ eżami fuq il-mertu, tista’ fi kwalunkwe mument tkun suġġetta għal talba għal motivazzjoni addizzjonali li tippermetti lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal li jiksbu terminu ġdid sabiex iressqu lment fit-terminu ta’ tliet xhur minn meta jirċievu l-motivazzjoni addizzjonali, minkejja li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, anzi għandhom, preċiżament jitqajmu fil-kuntest ta’ lment u għalhekk eventwalment jiġu debitament ikkoreġuti mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni dwar l-istess ilment.

(ara l-punti 41, 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi H vs Il‑Kummissjoni, T‑196/95, EU:T:1997:79, punt 35, u Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 32

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, EU:T:2011:338, punt 72, u Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 35 u 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Sapara vs Eurojust, F‑61/06, EU:F:2008:98, punt 67