Language of document : ECLI:EU:C:2014:2064

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Lulju 2014 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali — Direttiva 2005/29/KE — Armonizzazzjoni kompleta — Esklużjoni tal-professjonijiet liberali, tad-dentisti u tal-fiżjoterapisti — Modalitajiet ta’ tħabbir tat-tnaqqisiet fil-prezz — Limitazzjoni jew projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ attivitajiet ta’ bejgħ itineranti”

Fil-Kawża C‑421/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2012,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. van Beek u minn M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn T. Materne u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn É. Balate, avukat,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi eskluda lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi (Moniteur belge tad-29 ta’ Awwissu 2001, p. 18712), kif emendata bil-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 (Moniteur belge tal-21 ta’ Ġunju 2007, p. 34272, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991”), li tittrasponi d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) tagħha;

–        billi żamm fis-seħħ l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumaturi (Moniteur belge tat-12 ta’ April 2010, p. 20803, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-6 ta’ April 2010”), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29;

–        billi żamm fis-seħħ l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali itineranti u tal-fieri (Moniteur belge tat-30 ta’ Settembru 1993, p. 21526), kif emendata bil-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005 (Moniteur belge tal-25 ta’ Awwissu 2005, p. 36965, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993”), kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali itineranti (Moniteur belge tad-29 ta’ Settembru 2006, p. 50488, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006”), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2005/29

2        Il-premessi 6, 15 u 17 tad-Direttiva 2005/29 huma fformulati kif ġej:

“(6)      Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. [...]

[...]

(15)      Fejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis [Komunitarju applikabbli għall-prattiki kummerċjali li jikkawżaw preġudizzju għall-interess ekonomiċi tal-konsumaturi] tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tagħha.. Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva. B’kuntrast, l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi.

[...]

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

3        Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2005/29 “huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.

4        Skont l-Artikolu 2(b) ta’ din id-Direttiva, “kummerċjant” ifisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”. L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi min-naħa tiegħu li “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” tfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

5        Bit-titolu “Ambitu ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

2.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.

[...]

5.      Għal perjodu ta’ sitt snin minn 00.6.2007 [mit-12 ta’ Ġunju 2007], l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-disposizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva u li jimplimentaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat.

6.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe disposizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29:

“L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

7        Bit-titolu “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha [...]”

 Id-Direttiva 85/577/KEE

8        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), din tapplika għall-kuntratti konklużi bejn negozjant li jipprovdi oġġetti jew servizzi u konsumatur, kemm matul ħarġa organizzata min-negozjant barra mill-bini fejn isir in-negozju tiegħu, kif ukoll waqt xi żjara min-negozjant, b’mod partikolari fid-dar tal-konsumatur, meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa ta’ dan il-konsumatur.

9        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat notifika fi żmien perijodu ta’ mhux inqas minn sebat ijiem minn meta n-negozjant ikun informah bid-dritt tiegħu li jirrexxindi l-kuntratt.

10      Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, din “ma tipprojibix lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru [hija tkopri]”.

 Id-Direttiva 98/6/KE

11      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32), l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi l-indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u tal-prezz għal kull unità ta’ kejl tal-prodotti offruti minn negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumaturi u jiġi ffaċilitat il-paragun tal-prezzijiet.

12      Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, din “m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew imantnu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli b’rigward l-informazzjoni u paragrun tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”.

 Id-Direttiva 2011/83/UE

13      Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64), din id-Direttiva tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli dwar l-informazzjoni li trid tingħata għall-kuntratti mill-bogħod, il-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u l-kuntratti differenti minn dawk mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju u tirregola wkoll id-dritt ta’ rtirar għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju.

14      Skont l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-13 ta’ Diċembru 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw magħha u għandhom japplikaw dawn il-miżuri mit-13 ta’ Ġunju 2014.

15      L-Artikolu 31 ta’ din l-istess direttiva jħassar id-Direttiva 85/577 mit-13 ta’ Ġunju 2014.

 Id-dritt Belġjan

16      Skont l-emendi li saru bil-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007, il-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 ittrasponiet id-Direttiva 2005/29 fid-dritt intern. Din il-liġi tħassret mit-12 ta’ Mejju 2010 bil-Liġi tas-6 ta’ April 2010.

17      Dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet suċċessivi jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti. B’hekk, l-Artikolu 2, 1° u 2°, u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 kienu redatti kif ġej:

“Art. 2.      Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi:

1°      ‘impriża’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li ssegwi b’mod sostenibbli għan ekonomiku, inklużi l-assoċjazzjonijiet tagħha;

2°      ‘membru ta’ professjoni liberali’ tfisser kull impriża li ma hijiex negozjant fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u li hija suġġetta għal korp dixxiplinari stabbilit bil-liġi;

[...]

Art. 3. [...]

§ 2.      Din il-liġi tapplika biss għall-membri ta’ professjoni liberali, għad-dentisti u għall-fiżjoterapisti.”

18      Permezz tas-sentenzi tagħha Nru 55/2011, tas-6 ta’ April 2011 (Moniteur belge tat-8 ta’ Ġunju 2011, p. 33389) u Nru 192/2011, tal-15 ta’ Diċembru 2011 (Moniteur belge tas-7 ta’ Marzu 2012, p. 14196), il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat antikostituzzjonali l-Artikolu 2, 1°u 2°, u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet kellhom l-effett li jeskludu lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi.

19      L-Artikolu 4 tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 dwar ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv, il-klawżoli abbużivi u l-kuntratti li jsiru mill-bogħod fir-rigward tal-professjonijiet liberali (Moniteur belge tal-20 ta’ Novembru 2002, p. 51704, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002”) jinkludi definizzjoni tar-reklamar qarrieqi u jipprojbixxih f’dak li jikkonċerna l-professjonijiet liberali.

20      L-Artikoli 43(2) u 51(3) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 kienu jipprevedu, essenzjalment, li n-negozjanti ma setgħux iħabbru tnaqqis fil-prezz, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sejls, jekk l-oġġett offrut għall-bejgħ ma jkunx suġġett għal tnaqqis reali fil-prezz meta mqabbel mal-prezz normalment mitlub matul perijodu kontinwu ta’ xahar immedjatament qabel id-data li minnha l-prezz imnaqqas kien applikabbli.

21      Skont l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, l-oġġetti ma jistgħux jitqiesu li huma mraħħsa ħlief jekk il-prezz mitlub huwa inferjuri għall-prezz ta’ referenza, li huwa l-irħas prezz li l-impriża talbet għal dan l-oġġett, matul ix-xahar ikkonċernat, f’dak il-post fejn isir il-bejgħ jew skont dik it-teknika ta’ bejgħ.

22      L-Artikolu 4 tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 jipprovdi li l-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali itineranti huwa awtorizzat fid-dar tal-konsumatur jekk kemm-il darba dawn l-attivitajiet jikkonċernaw prodotti jew servizzi ta’ valur totali ta’ inqas minn EUR 250 għal kull konsumatur. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006, adottat b’eżekuzzjoni tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, jipprovdi li ċerti prodotti, bħall-prodotti mediċinali, it-tagħmir mediku u ortopediku, il-lentijiet korrettivi u l-immuntar tagħhom, il-metall prezzjuż, il-ħaġar prezzjuż, il-perli fini u kkultivati kif ukoll l-armi u l-munizzjoni, ma jistgħux jinbiegħu b’mod itineranti.

 Il-proċedura prekontenzjuża

23      Fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Belġju ittra ta’ intimazzjoni bi ħdax-il ilment dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ diversi obbligi taħt id-Direttiva 2005/29. Fl-ittri ta’ risposta tiegħu tat-3 u tal-24 ta’ Ġunju 2009, dan l-Istat Membru ħabbar xi emendi leġiżlattivi intiżi sabiex isolvu diversi problemi mqajma mill-Kummissjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-Liġi tas-6 ta’ April 2010 daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2010.

24      Wara li analizzat din il-liġi, il-Kummissjoni kkonstatat li din ma kinitx tindirizza l-erba’ lmenti mqajma fl-intimazzjoni. Għalhekk, fil-15 ta’ Marzu 2011, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju dwarhom. Dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-opinjoni fil-11 ta’ Mejju 2011.

25      Billi ma kinitx issodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Renju tal-Belġju fir-rigward ta’ tlieta mill-ilmenti li hija qajmet fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta l-preżenti rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment

26      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li, billi eskluda l-professjonijiet liberali, id-dentisti u l-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Renju tal-Belġju jirrileva li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tinjora l-eżistenza tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002. Din il-leġiżlazzjoni, li għadha fis-seħħ, tiddefinixxi dak li jikkostitwixxi reklamar qarrieqi mwettaq minn persuna li teżerċita professjoni liberali u torganizza wkoll miżuri partikolari ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Issa, il-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, la ppreċiżat liema dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi previsti mid-Direttiva 2005/29 ma ġewx trasposti fid-dritt Belġjan u lanqas fiex il-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 tikkostitwixxi ksur ta’ din id-direttiva.

28      Ir-Renju tal-Belġju josserva wkoll li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Artikolu 4 tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 jipprojbixxi r-reklamar qarrieqi għall-professjonijiet liberali u, b’hekk, jimplementa l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali tal-inqas tiżgura traspożizzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Sa fejn din l-istituzzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 fil-formulazzjoni tar-rikors tagħha, l-ewwel ilment huwa inammissibbli.

29      Il-Kummissjoni, fir-replika tagħha, tirrileva li, minkejja li l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 tipprojbixxi lill-membri ta’ professjonijiet liberali milli jwettqu atti ta’ reklamar qarrieqi, din il-liġi, invokata għall-ewwel darba mir-Renju tal-Belġju fir-risposta tagħha, fil-verità għandha l-għan li tittrasponi fid-dritt intern mhux id-Direttiva 2005/29, iżda, essenzjalment, id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti. Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, li fih hija tikkritika essenzjalment lir-Renju tal-Belġju, bi ksur tal-Artikoli 3(1) u 2(b) u (d) tad-Direttiva 2005/29, li eskluda lill-professjonijiet liberali, lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, jiġifieri l-Liġi tas-6 ta’ April 2010, jinkludi espożizzjoni ċara ta’ dan l-ilment u tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat.

32      Ċertament, huwa paċifiku li, f’dan l-att proċedurali, il-Kummissjoni ma ppruvatx turi fiex il-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002, li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata id-Direttiva 2005/29, li tipprojbixxi lill-professjonijiet liberali milli jwettqu reklamar qarrieqi, ma kinitx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva.

33      Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa wkoll l-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li għandu jiffaċilitalha t-twettiq tal-kompitu tagħha li jikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, f’li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet abbażi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑456/03, EU:C:2005:388, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali hija dik prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/29 li, bħal direttivi oħra, timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ informazzjoni ċara u preċiża. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fl-assenza ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-direttiva. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba assenza totali ta’ informazzjoni jew inkella minħabba informazzjoni mhux ċara u preċiża biżżejjed, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura tal-Artikolu 258 TFUE intiża sabiex jiġi kkonstatat dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2005:388, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-Renju tal-Belġju jinvoka għall-ewwel darba fl-istadju tar-risposta tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-argument li jgħid li l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 tikkostitwixxi traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29. Fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, kulma dan l-Istat Membru fil-fatt għamel, bħala difiża, kien li għamel riferiment għas-sentenza Nru 55/2001 tal-Qorti Kostituzzjonali, mogħtija fis-6 ta’ April 2011, li ddikjarat antikostituzzjonali l-esklużjoni tal-professjonijiet liberali mil-Liġi tas-6 ta’ April 2010. L-imsemmi Stat Membru barra minn hekk indika li kienet ser issir emenda leġiżlattiva “fil-ġimgħat li ġejjin” sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Belġju ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli fir-rikors tagħha llimitat ruħha li sempliċement tesponi fiex il-Liġi tas-6 ta’ April 2011 ma tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2005/29, mingħajr ma fittxet li tispjega sa fejn il-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 ma kienet teżerċita ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors jirriżulta mill-aġir stess tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru matul il-proċedura prekontenzjuża.

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu tal-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Billi tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikoli 2(b) u 3(1) tad-Direttiva 2005/29, li tirrigwarda espressament l-attivitajiet liberali, il-Kummissjoni ssostni li din id-direttiva tapplika għall-prattiki kummerċjali tal-professjonisti kollha, ikunu x’ikunu l-istatus legali tagħhom jew is-settur ta’ attività tagħhom. Konsegwentement, l-esklużjoni espressa tal-professjonijiet liberali, tad-dentisti u tal-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 tikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha.

39      Fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża, ir-Renju tal-Belġju kien sostna li l-Qorti Kostituzzjonali, fis-sentenza tagħha Nru 55/2011 tas-6 ta’ April 2011, kienet preċiżament iddikjarat li jmorru kontra l-Kostituzzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 li kienu jeskludu lil dawn il-professjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li tali dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità kienet wittiet it-triq għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din il-liġi fi żmien sitt xhur, li seta’ jwassal għal annullament retroattiv tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-imsemmija liġi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel lok, li, permezz ta’ dan l-argument, ir-Renju tal-Belġju jirrikonoxxi l-fondatezza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa kkritikat, inkluża d-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Fit-tieni lok, din l-istituzzjoni tqis li l-annullament retroattiv ipotetiku li tista’ twettaq il-Qorti Kostituzzjonali ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ikkritikat u jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-neċessità ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali fit-traspożizzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, peress li tali regolarizzazzjoni ma hijiex ta’ natura li telimina l-ksur li kien jeżisti fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

40      Fuq il-mertu, ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax ir-realtà tal-esklużjoni ta’ ċerti professjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010. Madankollu, dan l-Istat Membru jfakkar li l-Qorti Kostituzzjonali invalidat din l-esklużjoni permezz tas-sentenzi tagħha Nru 55/2011 tas-6 ta’ April 2011 u Nru 192/2011 tal-15 ta’ Diċembru 2011. Huwa jsostni li l-evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tat-traspożizzjoni inkwistjoni għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn is-sentenzi, sa fejn dawn kellhom l-effett li jirrendu inapplikabbli, qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, mill-qrati u mit-tribunali Belġjani, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, b’mod li l-esklużjoni li huma kien fihom ġiet imċaħħda mill-effett tagħha mal-għoti ta’ dawn is-sentenzi.

41      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jippreċiża wkoll li, fid-data tal-preżentata tagħha, ġie ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li, li kieku kellu jintlaqa’, ikollu l-effett li jannulla b’mod retroattiv l-Artikolu 2, 2°, u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010. Minn dan ikun jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali jitqiesu li qatt ma għamlu parti mill-ordinament ġuridiku Belġjan, b’mod li jista’ jkun li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ġie kkritikat ir-Renju tal-Belġju qatt ma jkun eżista.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li rrikonoxxa l-fondatezza tal-ewwel ilment, ir-Renju tal-Belġju sostna li, fir-realtà, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni ġie “korrett” permezz tal-effett tas-sentenzi Nru 55/2011 tas-6 ta’ April 2011 u Nru 192/2011 tal-15 ta’ Diċembru 2011 tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw antikostituzzjonali l-Artikolu 2, 2, u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010.

43      Madankollu, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑450/00, EU:C:2001:519, punt 8, u Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑375/04, EU:C:2005:264, punt 11).

44      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rimedji legali disponibbli fil-qrati nazzjonali ma tistax tippreġudika l-eżerċizzju tar-rimedju msemmi fl-Artikolu 258 TFUE peress li ż-żewġ azzjonijiet isegwu għanijiet differenti u għandhom effetti differenti (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑87/02, EU:C:2004:363, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑168/03, EU:C:2004:525, punt 24; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑152/05, EU:C:2008:17, punt 15; u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-282/08, EU:C:2009:55, punt 10). Il-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑482/03, EU:C:2004:733, punt 11, u Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja, C-185/09, EU:C:2010:59, punt 9).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk jitqies li tkun stabbilita, li tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ dritt intern f’sens meqjus konformi mar-rekwiżiti ta’ direttiva ma jistax ikollha ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, u dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑144/99, EU:C:2001:257, punt 21).

47      Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanzi invokati mir-Renju tal-Belġju ma għandhomx rilevanza għall-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat minn dan l-Istat Membru.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

49      Il-Kummissjoni tikkonstata li l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 jipprevedu li kwalunkwe tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz għandu jagħmel riferiment għal prezz iddefinit mil-liġi, f’dan il-każ l-iktar prezz baxx applikat matul ix-xahar ta’ qabel l-ewwel jum tat-tħabbir inkwistjoni. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu, minn naħa, it-tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezz lil hinn minn xahar u, min-naħa l-oħra, bħala prinċipju, li tali tħabbiriet isiru għal żmien ta’ inqas minn jum.

50      Issa, sa fejn id-Direttiva 2005/09 wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ prattiki kummerċjali żleali, l-Artikolu 4 tagħha jipprekludi l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar restrittivi, bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti.

51      Fil-fatt, l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkustanza, u fosthom ma jidhrux il-prattiki msemmija fil-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-tħabbir tat-tnaqqisiet fil-prezz. B’hekk, tali prattiki għandhom ikunu suġġetti għal eżami każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhom jitqiesu żleali jew le. Issa, il-leġiżlazzjoni Belġjana għandha l-effett li tipprojbixxi kull tnaqqis fil-prezzijiet li ma jkunx konformi mal-kriterji stabbiliti minn din il-liġi, minkejja li tali prattiki, wara eżami każ b’każ, jistgħu ma jitqiesux qarrieqa jew żleali fis-sens ta’ din id-direttiva.

52      Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza, minn naħa, li d-Direttiva 2005/29, għalkemm twettaq armonizzazzjoni kompleta, ma fihiex regoli armonizzati li jippermettu li tiġi stabbilita r-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezz. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 98/6 ma ġietx emendata mid-Direttiva 2005/29. Issa, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 jawtorizza lill-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jikkonċernaw l-informazzjoni tal-konsumaturi kif ukoll il-paragun tal-prezzijiet.

53      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha GB-INNO-BM (C‑362/88, EU:C:1990:102), stabbilixxiet bħala prinċipju d-dritt għall-informazzjoni tal-konsumatur, b’mod li, fir-realtà, l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 għandhom jiġi analizzati fid-dawl tal-Artikolu 28 TFUE biss.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 jirrigwardaw tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezz, liema tħabbiriet jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u jaqgħu, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet INNO, C‑126/11, EU:C:2011:851, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 twettaq armonizzazzjoni kompleta, fil-livell tal-Unjoni, tar-regoli li jirrigwardaw il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi. Għalhekk, hekk kif jipprevedi b’mod espress l-Artikolu 4 tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-imsemmija direttiva, anki għall-finijiet li jiġi żgurat livell iktar għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara s-sentenzi Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 41, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C‑540/08, EU:C:2010:660, punt 37).

56      Barra minn hekk, fl-Anness I tagħha, id-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma meqjusa żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, hekk kif tippreċiża b’mod espress il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, dawn il-prattiki kummerċjali biss jistgħu jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29 (ara s-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, EU:C:2010:12, punt 45).

57      Ir-Renju tal-Belġju essenzjalment isostni li miżuri iktar restrittivi, bħal dawk previsti fl-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, jibqgħu permessi skont il-klawżola ta’ armonizzazzjoni minima prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, li skontha l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jikkonċernaw l-informazzjoni tal-konsumaturi kif ukoll il-paragun tal-prezzijiet.

58      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29, għal perijodu ta’ sitt snin mit-12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri setgħu jibqgħu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-direttiva li huma iktar restrittivi jew iktar rigorużi mill-imsemmija direttiva u li jimplementaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima.

59      Madankollu, għandu jiġi osservat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 58 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tad-Direttiva 98/6 huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi mhux fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet, b’mod ġenerali jew fir-rigward tar-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezz, iżda fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti b’riferiment għal diversi tipi ta’ unitajiet tal-kejl.

60      Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 jista’ jiġġustifika ż-żamma ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar restrittivi dwar ir-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezz, bħall-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, sa fejn tali dispożizzjonijiet ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/6.

61      Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali prattiki mhux imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29, mingħajr ma titwettaq analiżi individwali tan-natura “żleali” tagħhom fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva, tmur kontra l-kontenut tal-Artikolu 4 tagħha u tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta segwit mill-imsemmija direttiva anki meta din il-leġiżlazzjoni tkun intiża li tiżgura livell ta’ protezzjoni iktar għoli tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, EU:C:2010:12, punti 41, 45 u 53).

62      Fir-rigward tal-argument marbut mal-effetti tas-sentenza GB-INNO-BM (EU:C:1990:102), għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għall-imsemmija sentenza huma differenti minn dawk li ġġustifikaw il-preżentata tal-preżenti rikors. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta lill-konsumaturi kull aċċess għal ċerta informazzjoni, filwaqt li d-Direttiva 2005/29, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li “tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur”.

63      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull miżura nazzjonali f’qasam li saret armonizzazzjoni eżawrjenti tiegħu fil-livell tal-Unjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (ara s-sentenza Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Billi d-Direttiva 2005/29 wettqet, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 55 tas-sentenza preżenti, armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom, konsegwentement, jiġu evalwati biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, u mhux fid-dawl tal-Artikolu 28 TFUE.

65      Is-sentenza GB-INNO-BM, C-362/88 (EU:C:1990:102), invokata mir-Renju tal-Belġju, ma għandhiex rilevanza f’dan ir-rigward, peress li din kienet tikkonċerna qasam li, dak iż-żmien, kien għadu ma ġiex suġġett għal tali armonizzazzjoni.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tielet ilment

 L-argumenti tal-partijiet

67      Il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 jammonta għall-projbizzjoni, bħala prinċipju, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti u servizzi, ta’ kwalunkwe bejgħ itineranti meta dan iseħħ fid-dar tal-konsumatur għal prodotti jew servizzi ta’ valur totali ta’ iktar minn EUR 250 għal kull konsumatur. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni tirrileva li l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 jipprojbixxi l-bejgħ itineranti ta’ ċertu numru ta’ prodotti, bħalma huma l-metall prezzjuż, il-ħaġar prezzjuż u l-perli fini.

68      Filwaqt li tfakkar li d-Direttiva 2005/29 twettaq armonizzazzjoni kompleta u li l-prattiki żleali huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, din l-istituzzjoni tirrileva li l-projbizzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jinsabux fiha u minn dan tikkonkludi li tali bejgħ ma jistax jiġi pprojbit b’mod assolut, iżda, għall-kuntrarju, għandu jkun suġġett għal eżami każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa jikkostitwixxix, jew le, prattika abbużiva li għandha tiġi pprojbita.

69      Ir-Renju tal-Belġju essenzjalment isostni li kemm l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 kif ukoll l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577 u jikkostitwixxu miżuri nazzjonali iktar stretti, awtorizzati fil-kuntest ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru jirrileva li d-Direttiva 2005/29 żdiedet mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, mingħajr ma emendat jew illimitat il-portata tad-Direttiva 85/577, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa komplementari għal dak tad-Direttiva 2005/29.

70      Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri nazzjonali jagħmlu parti mill-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 li dan l-Istat Membru kien obbligat jadotta mhux iktar tard mit-13 ta’ Diċembru 2013.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, li huwa evidenti, minn naħa, li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni li jipprojbixxu ċertu bejgħ itineranti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, peress li dan jikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, dan jista’ jkun konformi mad-Direttiva 85/577 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju, li l-klawżola ta’ armonizzazzjoni minima tagħha li tinsab fl-Artikolu 8 tagħha tippermetti lill-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru [hija tkopri]”.

72      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29 tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ tali miżuri nazzjonali iktar resrittivi, bla ħsara għall-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, li jgħid li “[g]ħal perjodu ta’ sitt snin minn 00.6.2007 [mit-12 ta’ Ġunju 2007], l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat [mill-imsemmija] Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi [mill-istess] Direttiva u li jimplimentaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima”.

73      Konsegwentement, mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom biss il-possibbiltà li jkomplu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti jew iktar rigorużi li diġà kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29.

74      Issa, l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 u l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 daħlu fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2005 u fl-24 ta’ Settembru 2006 rispettivament, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29. Għalhekk, ir-Renju tal-Belġju ma kompliex japplika leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

75      Konsegwentement, mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li din tal-aħħar tipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

76      Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju li jgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija bbażata fuq id-Direttiva 2011/83, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma kinitx fis-seħħ meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-15 ta’ Mejju 2011, b’mod li tali argument ma jistax jintlaqa’ fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-punt 45 tal-preżenti sentenza.

77      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni jiġi ddikjarat fondat.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi eskluda lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991, li ttrasponiet fid-dritt intern id-Direttiva 2005/29, billi żamm fis-seħħ l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 u billi żamm fis-seħħ l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(b) u (d), 3 u 4 tad-Direttiva 2005/29.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju tal-Belġju

–        billi eskluda lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991, dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi, kif emendata bil-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007, li ttrasponiet fid-dritt intern id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”);

–        billi żamm fis-seħħ l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumaturi; u

–        billi żamm fis-seħħ l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali itineranti u tal-fieri, kif emendata bil-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005, kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006, dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali itineranti,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(b) u (d), 3 u 4 tad-Direttiva 2005/29.

2)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.