Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2019 minn Algebris (UK) Ltd, Anchorage Capital Group LLC mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2019 fil-Kawża T-2/19, Algebris (UK) and Anchorage Capital Group vs SRB

(Kawża C-934/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Algebris (UK) Ltd, Anchorage Capital Group LLC (rappreżentanti: T. Soames, avocat, N. Chesaites, advocaat, R. East, Solicitor, D. Mackersie, Barrister)

Parti oħra fil-proċedura: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“SRB”)

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1) tad-dispożittiv tad-digriet appellat;

tannulla l-punt 2) tad-dispożittiv tad-digriet appellat u tikkundanna lis-SRB jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċeduri fl-ewwel istanza u f’dan l-appell; u

tagħti lill-appellanti locus standi sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jissottomettu li meta ddeċidiet li l-appellanti ma kinux direttament ikkonċernati, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 1 , kif ukoll kisret id-dritt ta’ proprjetà tal-appellanti.

L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali wasslitha sabiex tikkonkludi b’mod żbaljat li, f’ċirklustanzi bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża: (1) il-persuni esproprjati bħalll-appellanti jkollhom locus standi biss sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni li ma titwettaqx valutazzjoni ex post definittiva jekk jistgħu jiksbu kumpens skont it-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 20(11), it-tieni subparagrafu (b) tar-Regolament Nru 806/2014; (2) kumpens huwa dovut biss skont it-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 meta d-dispożittiv ta’ riżoluzzjoni applikat jagħmel użu jew l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 806/2014, jew l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 806/2014; (3) għaldaqstant il-kredituri (u l-azzjonisti) ma għandhomx locus standi. Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, fejn jidher diffiċli li wieħed jipprevedi li xi ħadd għajr l-azzjonisti jew il-kredituri esproprjati seta’ jkollu locus standi sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord sabiex ma titwettaqx valutazzjoni ex post definittiva, is-SRB jista’ jkun awtorizzat li jibbaża ruħu fuq valutazzjonijiet li fihom żbalji serji u li ma huma xejn affidabbli. Id-deċiżjoni li ma titwettaqx valutazzjoni ex post definittiva tikkonċerna direttament lill-appellanti, peress li huwa probabbli ħafna li valutazzjoni 1 u 2 ex post definittiva tkun tikkonferma li l-bank ġie vvalutat b’mod żbaljat, li jirrikjedi li s-SRB tikkunsidra l-kwistjoni dwar jekk għandux jikkumpensa lill-appellanti permezz ta’ rkupru tal-pretensjonijiet tal-kredituri u/jew permezz ta’ żieda fil-korrispettiv imħallas minn Santander skont l-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014. Jekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, is-SRB iddeċieda li ma jikkumpensax lill-appellanti, dik id-deċiżjoni tkun suġġetta wkoll li tiġi kkontestata u li tkun is-suġġett ta’ azzjoni għad-danni.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(11), magħmula mill-Qorti Ġenerali tikser ukoll id-dritt tal-propjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għaliex valutazzjoni ex post definittiva hija neċessarja sabiex tiżgura li: 1) l-esproprjazzjoni tal-obbligazzjonijiet AT1 u T2 tal-appellanti twettqet taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, u 2) jitħallas kumpens ekwu, jiġifieri permezz ta’ determinazzjoni tal-valur tal-Bank ibbażata fuq valutazzjoni ex post definittva.

2. Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti ma kellhomx id-dritt li jiksbu kumpens taħt l-Artikolu 20(12)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u b’hekk interpretat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni u kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

L-applikanti jissottomettu li, fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni bankarja, l-Artikolu 20 (12)(a) għandu jinkludi ċirkustanzi fejn l-istrumenti kapitali rilevanti (jiġifieri l-obbligazzjonijiet AT 1 u T2), kemm jekk ikunu ġew iddeprezzati b’100% (bħal f’dan il-każ) kemm jekk ġew iddeprezzati taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jew taħt l-għodda ta’ rikapitalizazzjoni interna, għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, dan l-approċċ huwa konsistenti mal-fatt li 100 % “rikapitalizazzjoni interna” u 100 % “deprezzament”/“konverżjoni” ta’ obbligazzjonijiet AT1 u T2 huma effettivament u essenzjalment l-istess ħaġa (bl-istess effetti ekonomiċi), billi t-tnejn li huma jnaqqsu d-dejn li l-bank għandu lill-kredituri tiegħu, jew jikkonertuhom f’ishma. It-tieni nett, ikun diskriminatorju u paradossali għall-kredituri jew l-azzjonisti li l-istrumenti tagħhom ta’ dejn kienu kkonvertiti skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jistgħux jiksbu kumpens, waqt li dawk suġġetti għal rikapitalizzazzjonmi interna taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014 jistgħu jiksbu kumpens, billi: 1) il-mekkaniżmu legali u l-effett prattiku ta’ deprezzament u konverżjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u dak ta’ rikapitalizzazzjonmi interna taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014 huma l-istess,u 2) iż-żewġ miżuri kienu bbażati fuq l-istess valutazzjoni proviżorja.

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).