Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-12 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-201/17, Printeos vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-301/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac, P. Rossi, u F. Jimeno Fernández, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Printeos, S.A.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2019 mogħtija fil-Kawża T-201/17, Printeos S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea

tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża billi

tiċħad bħala infondata fl-intier tagħha t-talba għal kumpens ibbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE, kif ukoll fuq l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

tiċħad bħala inammissibbli, jew sussidjarjament, bħala infondata, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament Nru 1268/2012 1 ;

tiċħad bħala inammissibbli, jew sussidjarjament, bħala infondata, it-talba għall-annullament tal-ittra tas-26 ta’ Jannar 2017;

tikkundanna lil Printeos S.A. għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata dwar is-segwenti kwistjonijiet:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni Ewropea u l-osservanza tal-proċedura, bi ksur tal-prinċipju ne ultra petita, meta hija indebitament biddlet is-suġġett u s-sustanza tal-kawża, wara li stiednet lir-rikorrenti tbiddel, waqt is-seduta, il-klassifikazzjoni legali tal-interessi li hija invokat fir-rikors inizjali tagħha.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 266 TFUE b’mod żbaljat billi ddikjarat li dan l-artikolu kien jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu assolut u inkundizzjonali li tħallas l-interessi moratorji f’każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni jew multa, b’effett retroattiv sa mid-data tal-ħlas provviżorju.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 266 TFUE fid-dawl tas-sentenzi IPK 2 , Corus 3 , u tad-digriet Holcim 4 , mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni il-qafas leġiżlattiv il-ġdid applikabbli għas-sanzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat li l-kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali kienu ssodisfatti fil-każ odjern.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali billi ma applikatx, fil-kawża odjerna, l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1286/2012 minkejja n-natura definittiva ta’ deċiżjoni preċedenti li kienet tipprevedih.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).

2     Sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, IPK vs Il-Kummissjoni (C-366/13 P, EU:C:2014:2170).

3     Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2015, Corus vs Il-Kummissjoni (T-171/99, EU:T:2001:249).

4     Digriet tal-4 ta’ Mejju 2005, Holcim vs Il-Kummissjoni (T-86/03, EU:T:2005:157).