Language of document : ECLI:EU:F:2012:17

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

tat-13 ta’ Frar 2012

Kawża F‑123/11

Antonio Ayres de Abreu

vs

Il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

“Servizz pubbliku — Inammissibbiltà manifesta — Rappreżentanza minn avukat — Rikorrent li għandu l-istatus ta’ avukat — Impossibbiltà ta’ rappreżentanza tar-rikorrent minn avukat li ma huwiex terz”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Ayres de Abreu jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ April 2011 li permezz tagħha l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddeċieda li jinħareġ fuq leave mhux volontarju.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Talba mressqa mingħajr il-patroċinju ta’ avukat — Rikorrent li għandu l-istatus ta’ avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti nazzjonali — Assenza ta’ effett — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34 u Artikolu 36)

Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mit-terminu “rappreżentati”, kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jirriżulta li, sabiex tadixxi lill-imsemmi Tribunal b’rikors, parti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terz li għandu jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li t-Tribunal jista’ jiġi adit biss permezz ta’ rikors iffirmat minn dan it-terz. Billi ma hija prevista ebda deroga jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-imsemmija regoli tal-proċedura, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu, anki jekk dan tal-aħħar ikun avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti nazzjonali, ma tistax tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors.

Tali irregolarità ma hijiex waħda minn dawk li jistgħu jiġu rregolarizzati bis-saħħa tal-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u, għaldaqstant, tirrendi r-rikors manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 11 sa 13, 16 u 17)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punti 8, 10 u 11; 27 ta’ Novembru 2007, Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret u Akar vs Il‑Kummissjoni, C‑163/07 P, punti 25 u 26

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Jannar 2005, Sulvida vs Il‑Kummissjoni, T‑184/04, punti 4 u 8

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Ottubru 2008, Ortega Serrano vs Il‑Kummissjoni, F‑48/08, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Marzu 2010, Ortega Serrano vs Il‑Kummissjoni, T‑583/08 P