Language of document : ECLI:EU:F:2014:271

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-

UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 Diċembru 2014

Kawża F‑21/14

Hariklia Iliopoulou

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Konvenzjoni Europol – Regolamenti tal-Persunal ta’ Europol – Deċiżjoni 2009/371/ĠAI – Applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-aġenti tal-Europol – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat – Rifjut li jingħata kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu H. Iliopoulou essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2013 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) irrifjuta li jġedded għal żmien indeterminat il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat li kien ser jiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2013.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn H. Iliopoulou. H. Iliopoulou għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.


Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Responsabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità – Parti li tirbaħ ikkundannata għall-ispejjeż

(Regoli tal‑Proċedura tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas Servizz Pubbliku jista’ jikkundanna lill-parti li tirbaħ għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża. F’dan ir-rigward, l-impożizzjoni tal-ispejjeż fuq l-istituzzjoni jista’ jkun iġġustifikat min-nuqqas ta’ diliġenza tagħha matul il-proċedura prekontenzjuża. Dan huwa l-każ meta l-istituzzjoni tħalli jiskadi t-terminu ta’ erba’ xhur, previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma tadotta deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment ippreżentat mill-persuna kkonċernata u meta hija lanqas biss ma tadotta tali deċiżjoni fit-tliet xhur ta’ wara, u meta ma jistax jiġi eskluż li, li kieku l-istituzzjoni adottat tali deċiżjoni, ir-rikorrenti ma kinitx tippreżenta r-rikors.

(ara l-punti 80 u 82)

Referenza:

It-Tribunal għas Servizz Pubbliku: Digriet Coedo Suárez vs Il-Kunsill, F‑73/10, EU:F:2011:102, punt 47