Language of document : ECLI:EU:F:2013:94

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑12/12

Rita Di Prospero

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Ħatra — Riżultat pożittiv f’kompetizzjoni wara s-sejħa magħmula lir-rikorrent sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni bl-għan li tiġi eżegwita sentenza — Ħatra fil-grad b’effett retroattiv”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih R. Di Prospero titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda opposta mill-Kummissjoni Ewropea għat-talba tagħha ta’ klassifikazzjoni fil-grad AD 11 b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2010, kif ukoll il-kumpens tad-dannu materjali u morali tagħha.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta’ Ottubru 2011, li tirrifjuta lil R. Di Prospero l-klassifikazzjoni fil-grad AD 11 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn R. Di Prospero.

Sommarju

Uffiċjali — Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li ma tħallix lil rikorrent jippreżenta att ta’ kandidatura għal kompetizzjoni — Rikorrent li kellu riżultat pożittiv f’kompetizzjoni oħra intiża għar-reklutaġġ għal grad inqas — Obbligu għall-amministrazzjoni li taħtar dan tal-aħħar fi grad ogħla b’effett retroattiv

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 3 u 31(1))

Fil-każ ta’ annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li ma tħallix lil rikorrent jippreżenta att ta’ kandidatura għal kompetizzjoni, l-eżekuzzjoni t-tajba mill-amministrazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha bżonn li tqiegħed lill-kandidat eżattament fis-sitwazzjoni li kien imissu jkun fiha li kieku seta’ jirreġistra għall-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-persuna kkonċernata titħalla tippreżenta att ta’ kandidatura ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eżekuzzjoni suffiċjenti tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, fil-każ fejn, peress li kellu riżultat pożittiv f’kompetizzjoni oħra, organizzat fl-istess waqt, intiża għar-reklutaġġ għal grad inferjuri, ma setax jibbenefika minn reklutaġġ fi grad ogħla tal-ewwel kompetizzjoni b’effett mid-data li fiha l-kandidati l-oħra ta’ din il-kompetizzjoni ġew reklutati.

Fil-fatt, wara l-imsemmija sentenza ta’ annullament, kien l-obbligu tal-istituzzjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 266 TFUE, li teżerċita għażla bejn id-diversi miżuri possibbli bil-għan li tirrikonċilja l-interessi tas-servizz u l-ħtieġa li tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata lir-rikorrent. Issa, obbligata li tadotta l-miżuri konkreti bil-għan li telimina l-effetti tal-illegalità mwettqa fir-rigward tal-kandidat, l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni tal-kandidat mis-sentenza tal-annullament, jiġifieri d-dħul fil-kariga tiegħu. Konsegwentement, ma kienx jeżisti ostaklu li l-istituzzjoni taħtar il-kandidat fil-grad ogħla, skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett retroattiv.

Fil-fatt, l-effett retroattiv ta’ att amministrattiv, peress li l-aspettattivi leġittimi tad-destinatarju huma debitament osservati, jista’ preċiżament jikkostitwixxi miżura neċessarja biex tiggarantixxi r-rispett ta’ prinċipju fundamentali, f’dan il-każ il-prinċipju ta’ rikors ġudizzjarju effettiv.

(ara l-punti 31 sa 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, punt 78, 29 ta’ Ġunju 2005, Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑254/04, punt 44

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Smajda vs Il‑Kummissjoni, F‑135/07, punt 48