Language of document : ECLI:EU:F:2014:234

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑23/11 RENV

AY

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rinviju għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel l-annullament – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2010 – Eżami komparattiv tal-merti – Deċiżjoni li ma jiġix promoss ir-rikorrent ”

Suġġett :      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, permezz tiegħu AY talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma tippromwovihx għall-grad AST 9 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2010 u l-kumpens għad-dannu li huwa qies li sostna.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. AY ibati l-ispejjeż tiegħu esposti fil-Kawżi F‑23/11, T-167/12 P u F‑23/11 RENV rispettivament kif ukoll l-ispejjeż esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F‑23/11. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż tiegħu esposti fil-Kawżi T‑167/12 P u F‑23/11 RENV.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kriterji – Merti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad –‑ Natura sussidjarja – Teħid inkunsiderazzjoni tal-konsistenza fit-tul tal-merti – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Sabiex tevalwa l-interess tas-servizz kif ukoll il-kwalifiki u l-merti tal-kandidati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rimedji u mezzi li setgħu jwasslu l-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar baqgħet f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati ma’ dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

Filwaqt li titħares l-effettività li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, żball ikun manifest meta jkun jista’ jiġi pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni.

L-Awtorità tal-Ħatra għandha s-setgħa skont ir-Regolamenti tal-Persunal li twettaq l-eżami tal-merti previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-iktar xierqa.

(ara l-punti 38 sa 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, EU:C:1987:59, punt 6

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il-Kummissjoni vs Dittert, T‑51/08 P, EU:T:2011:702, punt 54

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, EU:F:2011:29, punt 35

2.      Għalkemm mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi dedott prinċipju li jipprovdi li uffiċjal għandu jiġi promoss peress li huwa ġie demeritat, jew prinċipju ta’ progressjoni tal-karriera regolari li jobbliga l-amministrazzjoni li tippromwovi awtomatikament uffiċjal sempliċement minħabba l-fatt li huwa laħaq anzjanità fil-grad, din id-dispożizzjoni ma teskludix madankollu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-promozzjoni, il-merti tal-uffiċjali matul il-perijodu kollu li huma għaddew fil-grad.

Il-kriterju tal-konsistenza fit-tul tal-merti ma jikkostitwixxix kriterju distint mit-tliet kriterji msemmija espressament mill-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni primarjament għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, iżda huwa kopert direttament mill-ewwel wieħed fosthom, ibbażat fuq ir-rapporti fuq l-uffiċjali. B’mod iktar speċifiku, dan l-element ta’ evalwazzjoni jippermetti kunsiderazzjoni aħjar il-merti kollha tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, evalwati fid-dawl ta’ dan l-ewwel kriterju.

Barra minn hekk, l-użu tal-plural, fl-espressjoni “rapporti dwar l-uffiċjali” jindika li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, bħala regola ġenerali, tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti kollha dwar l-uffiċjali mid-dħul tagħhom fil-grad, li neċesssarjament jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju bħala dak tal-konsistenza fit-tul tal-merti.

(ara l-punti 50, 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Stols vs Il-Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punti 41 u 42

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Barbin vs Il-Parlament, F‑68/09, EU:F:2011:11, punt 90, u Canga Fano vs Il-Kunsill, EU:F:2011:29, punt 68