Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fis-17 ta’ Frar 2020 (regolarizzazzjoni fis-16 ta’ April 2020) – BPC Lux 2 Sàrl et vs Banco de Portugal et

(Kawża C-83/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BPC Lux 2 Sàrl, BPC UKI LP, Bennett Offshore Restructuring Fund Inc.,Bennett Restructuring Fund LP, Queen Street Limited, BTG Pactual Global Emerging Markets and Macro Master Fund LP, BTG Pactual Absolute Return II Master Fund LP, CSS LLC, Beltway Strategic Opportunities Fund LP, EJF Debt Opportunities Master Fund LP, TP Lux HoldCo Sàrl, VR Global Partners LP, CenturyLink Inc. Defined Benefit Master Trust, City of New York Group Trust, Dignity Health, GoldenTree Asset Management Lux Sàrl, GoldenTree High Yield Value Fund Offshore 110 Two Ltd, San Bernardino County Employees Retirement Association, EJF DO Fund (Cayman) LP, Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA

Konvenuti: Banco de Portugal, Banco Espírito Santo SA, Novo Banco SA

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2014/59/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u, speċjalment, l-Artikoli 36, 73 u 74 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija iktar ’il fuq u li ġiet applikata permezz tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja u strument ta’ separazzjoni tal-assi, li, waqt li kienet tittrasponi parzjalment dik id-direttiva u dan matul id-dekorriment tal-perijodu totali ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva:

a)    ma tipprevedix it-twettiq ta’ evalwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-mument qabel l-adozzjoni ta’ din l-azzjoni?

b)    ma tipprevedix il-ħlas ta’ korrispettiv eventwali, skont l-evalwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett ta’ riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-proprjetarji tal-azzjonijiet jew ta’ strumenti oħra ta’ proprjetà u, minflok, tillimita lilha nnifisha tipprovdi li l-ammont residwu eventwali tal-prodott ta’ trasferiment tal-bank tranżitorju għandu jingħata lura lill-istituzzjoni ta’ kreditu oriġinali jew lill-massa fallimentari tagħha?

c)    ma tipprevedix li l-azzjonisti tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt jirċievu valur mhux inferjuri minn dak stmat li jirċievu li kieku l-istituzzjoni kellha titqiegħed totalment fi stralċ skont il-proċeduri normali ta’ falliment, iżda tipprevedi tali mekkaniżmu ta’ salvagwardja biss għall-kredituri li l-krediti tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti?

d)    ma tipprevedix evalwazzjoni indipendenti mill-evalwazzjoni msemmija fil-punt a), intiża sabiex tevalwa jekk l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu trattament inqas favorevoli li kieku l-istituzzjoni suġġett ta’ riżoluzzjoni kellha tidħol fi proċedura normal ta’ falliment?

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie [Kawża C-129/96 2 , sussegwentement ikkonfermata mill-istess qorti], leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-proċess fil-kawża prinċipali, inkwantu traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2014/59, tirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, tista’ tikkomprometti serjament ir-riżultat li għandu jintlaħaq mid-Direttiva, b’mod speċifiku mil-Artikoli 36, 73 u 74 tagħha?

____________

1     ĠU 2014, L 173, p. 190.

2     EU:C:1997:628.