Language of document : ECLI:EU:F:2007:235

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-21/07

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors għad-danni – Ipproċessar allegatament illegali ta’ data medika – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli biex tiġi ppreżentata talba għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 Euratom, li bih L. Marcuccio qed jitlob, prinċipalment, kumpens għad-dannu allegatament subit minnu minħabba serje ta’ aġir illegali li xi impjegati tal-Kummissjoni kkommettew b’mod partikolari waqt l-ipproċessar tad-data medika tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fir-rigward tar-regoli fis-seħħ meta ġiet ippreżentata t-talba

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali – Rikors – Termini – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      Jekk ir-regola msemmija fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tgħid li t-Tribunal jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li jidher manifestament li għandu jiġi miċħud, hija regola ta’ proċedura li hija applikabbli, bħala tali, mid-data tad-dħul tagħha fis-seħħ għall-kawżi kollha pendenti quddiem it-Tribunal, dan ma jgħoddx għar-regoli li abbażi tagħhom it-Tribunal jista’, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, iqis li rikors huwa manifestament inammissibbli u li jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 14)

2.      Huma l-uffiċjali jew l-impjegati li għandhom, f’terminu raġonevoli, jirreferu lill-istituzzjoni kull talba intiża sabiex jinkiseb kumpens mill-Komunità minħabba dannu attribwibbli lilha, u dan mill-mument li fih huma jkunu saru bis-sitwazzjoni li dwarha jkunu qed jilmentaw. In-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skond ċirkustanzi partikolari għal kull każ u, b’mod partikolari, mill-interess fil-kwistjoni għall-parti kkonċernata, mill-kumplessità tal-każ u mill-aġir tal-partijiet involuti.

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-punt ta’ paragun mogħti mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst għall-kawża għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fl-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, it-terminu ta’ ħames snin ma jistax jikkostitwixxi limitu riġidu u intanġibbli li mingħajru kull talba tkun ammissibbli jkun liema jkun iż-żmien meħud mir-rikorrent sabiex jindirizza t-talba tiegħu u jindika ċ-ċirkustanzi tal-każ quddiem l-amministrazzjoni.

(ara l-punti 19 sa 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65 u 66; 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑2‑0000, punti 76 u 77