Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (ir-Renju Unit) fit-2 ta’ Ottubru 2019 – Beverly Hills Teddy Bear Company vs PMS International Group

(Kawża C-728/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Beverly Hills Teddy Bear Company

Konvenut: PMS International Group

Domandi preliminari

Sabiex ikun hemm il-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 1 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, billi d-disinn jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 11(1), okkażjoni ta’ żvelar, fis-sens tal-Artikolu 11(2), għandha sseħħ fil-limiti ġeografiċi tal-Komunità, jew ikun biżżejjed li l-okkażjoni, irrispettivament minn fejn seħħet, kienet tali li, fl-andament normali tan-negozju, setgħet raġonevolment issir magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fi ħdan il-Komunità (jekk jiġi preżunt li d-disinn ma ġiex żvelat b’mod kunfidenzjali fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 11(2))?

Id-data tal-istima tan-novità ta’ disinn li għalih qed tintalab protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, hija d-data li fiha d-disinn beda jibbenefika mill-protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament, jew inkella d-data li fiha l-okkażjoni rilevanti ta’ żvelar tad-disinn, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament, setgħet raġonevolment issir magħrufa fl-andament normali tan-negozju fiċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fi ħdan il-Komunità (jekk jiġi preżunt li d-disinn ma ġiex żvelat b’mod kunfidenzjali fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 7(1)), jew inkella xi data oħra, u, f’dan il-każ, liema data?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.