Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2007 - M. Patsarika vs Cedefop

(Kawża F-63/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Maria Patsarika (rappreżentanti: N. Korogiannakis u N. Keramidas, avukati)

Konvenuta: European Centre for the Development of Vocational Training (Cedefop)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tas-Cedefop ta' l-20 ta' Settembru 2006 (ref: Direttorat/AMB/2006/380) li twaqqaf il-kuntratt għal żmien fiss tagħha fit-tmiem tal-perijodu ta' prova;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Appell tas-Cedefop (16 ta' Marzu 2007, li biha tiċħad l-ilment tar-rikorrenti intiż għall-annullament ta' l-imsemmija deċiżjoni u li fiha l-motivazzjonijiet ta' l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward ta' l-avviż ta' tmiem tal-kuntratt tar-rikorrenti (din id-deċiżjoni mhijiex is-suġġett ta' appell indipendenti);

tordna lis-Cedefop tħallas danni ta' ammont ekwivalenti għat-totalità tas-salarju, il-benefiċċji u d-drittijiet ta' pensjoni li jikkorrispondu għall-perijodu bejn l-1 ta' Ottubru 2006 sat-30 ta' Settembru 2007, li minnu għandu jitnaqqas l-ammont ta' kumpens li ngħata fiż-żmien tat-tkeċċija;

tikkundanna lil Cedefop tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 20 000 bħala kumpens għal danni morali.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2006, is-Cedefop keċċiet lir-rikorrent b'effett mit-tmiem tal-perijodu ta' prova tagħha. Ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li kien hemm ksur tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-perijodu ta' prova tagħha peress li ma ġiex ikkompletat taħt ċirkustanzi normali. Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tkeċċija tagħha kienet tinvolvi abbuż ta' poteri u qbiż tal-limiti tas-setgħat disponibbli, u d-deċiżjoni kienet ibbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni. Ir-rapport ta' evalwazzjoni li sar qabel it-tmiem taż-żmien ta' prova tar-rikorrenti kien jipproponi t-tkeċċija tagħha minkejja l-effikaċja professjonali sodisfaċjenti u l-kondotta tagħha fis-servizz minħabba "dubji fir-rigward tal-kwalitajiet morali tagħha". Dawn id-dubji kienu bbażati fuq avvenimenti mhux relatati mal-perijodu rilevanti ta' impjieg tar-rikorrenti, li rriżultaw mix-xhieda tagħha f'kawża oħra pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-kontenut tax-xhieda tagħha f'dak il-każ kien evidentement korrett. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda prova li ssostni l-kritiki dwar l-allegata insuffiċjenza professjonali tagħha (li hija limitata għall-evalwazzjonijiet valuttattivi tal-viċi Direttur tas-Cedefop). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dritt tagħha għal smiegħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru, kif ukoll il-prinċipji ta' oġġettività u proporzjonalità. Id-dokumenti li fuqhom huma bbażati l-kritiki fil-konfront tagħha qatt ma ntbagħtu lilha, u lanqas ma ġiet mistiedna tkun preżenti għas-seduta (quddiem il-Kumitat ta' l-Appell tas-Cedefop) dwar l-ilment tagħha.

____________