Language of document : ECLI:EU:C:2017:824

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2017 (1)

Kawża C550/16

A,

S

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kunċett ta’ ‘minuri mhux akkumpanjat’ – Dritt ta’ refuġjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu – Permess ta’ residenza provviżorja – Refuġjat taħt l-età ta’ 18-il sena fil-mument tad-dħul tiegħu u tal-preżentatazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil u ta’ iktar minn 18-il sena fil-mument tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja – Data determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjat”






I.      Introduzzjoni

1.        X’inhi d-data deċiżiva għall-kunsiderazzjoni tal-istatus ta’ minuri mhux akkumpanjat? Jista’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun wasal minuri fit-territorju ta’ Stat Membru u li jikseb ażil biss wara li jkun għalaq l-età maġġuri jibbenefika minn dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja bħala minuri mhux akkumpanjat? Essenzjalment huma dawn il-mistoqsijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi.

2.        Il-kawża preżenti se tkun opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-protezzjoni li għandha tingħata lill-persuni li jaslu minuri fl-Unjoni Ewropea u jiksbu l-istatus ta’ refuġjat meta jkunu għalqu l-età maġġuri tagħhom waqt l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni u, wara li jkunu kisbu dak l-istatus, jibdew proċedura għar-riunifikazzjoni tal-familja.

3.        Hawnhekk ser ikun meħtieġ li jiġu bbilanċjati l-istadji proċedurali li jimmarkaw it-triq ta’ dawn l-applikanti għall-ażil kif ukoll id-dewmien amministrattiv eventwali u l-mogħdija ineżorabbli taż-żmien fil-ħajja ta’ persuna li tagħlaq l-età maġġuri waqt li jkun qed jiġi eżaminat il-fajl tagħha bl-applikazzjoni tal-ażil u li titlob għall-ġenituri tagħha d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ladarba tkun kisbet l-istatus ta’ refuġjat.

4.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, se nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-iktar interpretazzjoni protettiva possibbli billi tiddeċiedi li jista’ jitqies bħala minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86/KE (2), ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat taħt l-età ta’ 18-il sena li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun akkumpanjat minn adult li jkun responsabbli għalih skont il-liġi jew b’użanza, li jitlob l-ażil u mbagħad, matul il-proċedura, jagħlaq l-età maġġuri qabel ma jingħata l-ażil, b’effett retroattiv mid-data tal-applikazzjoni u, fl-aħħar nett jitlob il-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ dik id-direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li jkollhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

6.        Il-premessi 2, 4, 6 u 8 sa 10 ta’ din id-direttiva huma ffomulati kif ġej:

“(2)      Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(3)].

[…]

(4)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)      Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(8)      Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.

(10)      Huwa għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jixtiequx jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja għal qraba f’linja diretta axxendenti, tfal adulti mhux miżżewġa […]”

7.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kull persuna li mhux ċittadin ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) [KE, li sar l-Artikolu 20(1) TFUE];

b)      ‘refuġjat’ tfisser kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jgawdi status ta’ refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra dwar l-istatus ta’ refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967;

ċ)      ‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

d)      ‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

[…]

f)      ‘minorenni mhux akkompanjat’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika fejn l-isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta’ validita ta’ sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ status ikun xi jkun.

2.      Din id-Direttiva ma tapplikax fejn l-isponsor ikun:

a)      qiegħed japplika għal status ta’ refuġjat li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha ma kkawżatx deċiżjoni finali;

b)      awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ protezzjoni temporanja jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu;

ċ)      awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew prattika ta’ l-Istati Membri jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli”.

9.        L-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-direttiva jgħid li:

“L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)      qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini”

10.      L-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva jgħid:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

2.      L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

[…]

3.      L-applikazzjoni għand tkun issottomessa u eżaminata meta l-membri tal-familja jkunu joqogħdu barra t-territorju ta’ l-Istat Membru li fih l-isponsor joqgħod.

[…]

4.      L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista’ jkun estiż.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi [tal-assenza ta’ deċiżjoni] sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru relevanti.

5.      Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

11.      Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86 jirregola, fl-Artikoli 9 sa 12 tiegħu, speċifikament ir-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati. L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan it-test jipprovdi:

“1.      Dan il-Kapitolu għandu japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati rrikonoxxuti mill-Istati Membri.

2.      Stati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għal refuġjati li r-relazzjonijiet familjali tagħhom jkunu bdew qabel id-dħul tagħhom.”

12.      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jgħid:

“1.      L-Artikolu 4 għandu japplika għad-definizzjoni ta’ membri tal-familja ħlief li t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu ma’għandux japplika għat-tfal ta’ refuġjati.

2.      L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

3.      Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

a)      għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

b)      jista’ jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-kustodju legali tiegħu/tagħha jew kull membru ieħor tal-familja, fejn ir-refuġjat m’għandu ebda qraba fil-linja diretta axxendenti jew qraba bħal dawn (tali) ma jkunux jistgħu jinstabu.”

13.      L-Artikolu 11 ta’ dik id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Artikolu 5 għandu japplika għas-sottomissjoni u eżami ta’ l-applikazzjoni, suġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Fejn refuġjat ma jistax jipprovdi xiehda dokumentarja uffiċjali tar-relazzjoni familjali, l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra, li għandha tkun stmata skond il-liġi nazzjonali, ta’ l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni. Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni tista’ ma tkunx ibbażata biss fuq il-fatt li provi dokumentati jkunu nieqsa.”

14.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/86 jgħid:

“1.      Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

Mingħajr preġudizzju għal obbligi internazzjonali, fejn riunifikazzjoni tal-familja hija possibbli f’pajjiż terz li miegħu l-isponsor u/jew il-membru tal-familja għandu rabtiet speċjali, Stati Membri jistgħu jirrikjedu provvvediment tax-xiehda li jirreferi għaliha l-ewwel subparagrafu.

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat.

2.      Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 8, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat li kellu jkun joqgħod fit-territorju tagħhom għal ċertu perjodu ta’ żmien, qabel ma l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.”

15.      Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri fid-dritt nazzjonali tagħhom mhux iktar tard mit-3 ta’ Ottubru 2005.

B.      Id-dritt Olandiż

16.      Skont il-parti inizjali u l-punt (c) tal-Artikolu 29(2) tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi dwar il-barranin tal-2000), tat-23 ta’ Novembru 2000, il-missier u l-omm ta’ ċittadin barrani li huwa minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86, jistgħu jingħataw permess ta’ residenza temporanja għall-ażil imsemmi fl-Artikolu 28 ta’ dik l-istess liġi jekk, fil-mument tal-wasla taċ-ċittadin barrani kkonċernat, kienu jagħmlu parti mill-familja nukleari tiegħu u, kemm jekk waslu fl-istess ħin bħal dak iċ-ċittadin fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll jekk ingħaqdu miegħu fi żmien tliet xhur wara l-għoti, lil dak iċ-ċittadin, ta’ permess ta’ residenza temporanja skont l-imsemmi Artikolu 28.

III. Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

17.      Bint A u S, ta’ nazzjonalità Eritrea, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi, waħedha, meta kienet għadha minuri. Hija applikat għall-ażil fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fis-26 ta’ Frar 2014. Matul il-proċedura għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil u meta ma kienet għadha ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva, il-persuna kkonċernata laħqet l-età maġġuri. Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tawha permess ta’ residenza għall-ażil, validu għal ħames snin, b’effett retroattiv mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha.

18.      Fit-23 ta’ Diċembru 2014, l-organizzazzjoni VluchtelingenWerk Midden-Nederland, f’isem bint A u S, ressqet talba għal awtorizzazzjoni temporanja ta’ residenza għall-ġenituri tagħha kif ukoll għat-tliet aħwa subien minuri tagħha, għar-riunifikazzjoni tal-familja.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2015, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u l-ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad din it-talba għar-raġuni li, fiż-żmien tal-applikazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-persuna kkonċernata kienet f’età maġġuri u għalhekk ma setgħetx titlob l-istatus ta’ minuri mhux akkumpanjat li jintitolaha li tibbenefika minn dritt preferenzjali għar-riunifikazzjoni tal-familja. L-ilment kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fit-13 ta’ Awwissu 2015.

20.      Fit-3 ta’ Settembru 2015, A u S ippreżentaw fir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors minn din iċ-ċaħda, filwaqt li saħqu, b’mod partikolari, li jirriżulta mill-parti inizjali u mill-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86 li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tistax tiġi kklassifikata bħala “minorenni mhux akkompanjat”, hija d-data tad-dħul tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru kkonċernat li hija deċiżiva. Għall-kuntrarju, is-segretarju tal-Istat għas-sigurtà u l-ġustizzja jikkunsidra li hija d-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja li hi deċiżiva f’dan ir-rigward.

21.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’żewġ sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2015 (4), ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li l-fatt li ċittadin barrani jkun għalaq l-età maġġuri wara l-wasla tiegħu fit-territorju nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86 u jekk jistax jiġi kkunsidrat bħala “minorenni mhux akkompanjat”.

22.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata li timplika li l-kunċett ta’ “minorenni mhux akkompanjat” jiġi evalwat fil-mument tal-wasla tal-persuna kkonċernata fit-territorju nazzjonali, mill-użu tal-kliem “li jaslu” u li hemm enumerat biss żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju fil-parti inizjali u fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ minuri li inizjalment ikun akkumpanjat imbagħad imħolli waħdu u, bil-kontra, is-sitwazzjoni tal-minuri li mal-wasla tiegħu ma jkunx akkumpanjat, li mbagħad jieħu ħsiebu adult responsabbli. Il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li l-kawża ta’ quddiemha ma taqax taħt waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-minuri mhux akkumpanjati u, min-naħa l-oħra, li dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati, ‘minorenni mhux akkompanjat’ fis-sens tal-Artikolu 2(f) [tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2] tad-Direttiva 2003/86/KE għandha wkoll tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt it-tmintax-il sena, li tidħol fit-territorju ta’ Stati Membru mhux akkompanjata minn adulti responsabbli għaliha bil-liġi jew b’użanza, u li:

–        titolb l-ażil;

–        tagħlaq it-tmintax-il sena matul il-proċedura ta’ ażil, fit-territorju tal-Istat Membru;

–        tingħata l-ażil b’effett retroattiv mid-data tat-talba, u

–        titlob sussegwentement ir-riunifikazzjoni tal-familja?”

IV.    L-analiżi tiegħi

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi, essenzjalment, id-domanda dwar liema data għandha titqies biex jiġi stabbilit jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jistax jitqies bħala minuri mhux akkumpanjat u jsostni d-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja meta daħal fit-territorju ta’ Stat Membru meta kien minuri, applika għall-ażil hemm, kiseb dik il-protezzjoni internazzjonali wara li għalaq l-età maġġuri u mbagħad sostna d-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja bħala minuri mhux akkumpanjat.

25.      F’dan il-kuntest, hemm miftuħa mill-inqas tliet għażliet għall-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li tikkunsidra li hija jew id-data tad-dħul tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru, jew id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil, jew inkella, fl-aħħar nett, id-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, li tkun determinanti fl-evalwazzjoni tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tibbenefika, bħala minuri mhux akkumpanjat, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86.

26.      Jirriżulta mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86 li d-data determinanti f’dan ir-rigward għandha neċessarjament tkun qabel dik tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Għalhekk dik id-data tista’ tkun biss dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil billi, l-ewwel nett, hemm l-użu tal-kliem “li jaslu” fil-parti inizjali u fil-punt (f) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, it-tieni nett, il-fatt li r-rikonoxximent ta’ dak l-istatus huwa retroattiv minħabba li jidħol fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, u, it-tielet nett, dik id-data hija l-iktar data preċiża li għandha l-amministrazzjoni biex tiddetermina b’ċertezza l-età tal-persuna kkonċernata.

27.      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (tribunal ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) tindika li mill-kliem stess tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jirriżulta manifestament li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li d-data determinanti sabiex jiġi evalwat jekk l-applikant għandux jiġi kkunsidrat bħala minuri mhux akkumpanjat, għandha tkun dik tal-għoti tal-permess ta’ residenza mill-awtorità kompetenti u mhux dik tal-preżentatazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Sa fejn l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat huwa dikjarattiv u għandu effett retroattiv, hija għalhekk id-data tal-applikazzjoni għat-titlu li tkun determinanti biex jiġi evalwat jekk l-applikant jissodisfax id-definizzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat.

28.      Fil-fatt, ir-retroattività ta’ miżura ma tistax tkun akkumpanjata minn natura distributtiva tal-forza tal-effetti tagħha. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tipprevedi b’mod protettiv li l-għoti ta’ status ta’ refuġjat huwa retroattiv sad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jimplika neċessarjament li l-istatus hekk mogħti jinkludi sett ta’ effetti indotti, mid-data tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u b’hekk inkluż dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, kif jirriżulta mid-Direttiva 2003/86 fejn, bħal fil-każ preżenti, l-istatus ta’ refuġjat jingħata lil persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni tagħha meta kienet minuri. Barra minn hekk, l-aspett protettiv ta’ din il-miżura nazzjonali għandu l-effett li jxejjen l-inugwaljanzi fit-trattament li jirriżultaw minn tul ta’ żmien varjabbli tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil. Barra minn hekk, jekk ma jingħatawx id-drittijiet kollha kkonferiti mill-istatus ta’ refuġjat, retroattivament, kif dan huwa previst fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, ikun manifestament kuntrarju għall-aħjar interessi tal-minuri li applikaw għall-ażil qabel ma jagħlqu l-età maġġuri.

29.      Barra minn hekk, ir-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tintalab, jew isseħħ, biss meta tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (5) skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/86. Billi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat huwa waħda mill-kundizzjonijiet li jippermettu l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ikun kuntrarju għall-għanijiet li trid tilħaq din id-direttiva kif ukoll it-testi tal-Unjoni u t-testi l-oħra tad-dritt internazzjonali li jipproteġu lir-refuġjati, li dan id-dritt preferenzjali jingħata biss lill-persuni li jkunu għadhom minuri fil-mument tal-kisba tal-protezzjoni internazzjonali, anki jekk hija dikjarattiva u retroattiva sad-data tal-preżentatazzjoni tal-applikazzjoni.

30.      Għandu jiġi nnotat li, b’din l-interpretazzjoni favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-Qorti tal-Ġustizzja tevita interpretazzjoni formalistika tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86 li xxekkel it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan it-test. Madankollu, hawnhekk ma hijiex kwistjoni li l-persuni minuri kollha li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jitħallew jibbenefikaw mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Iżda, huwa possibbli li jibbenefikaw minnu persuni li jaslu minuri fit-territorju tal-Istati Membri u li jiksbu l-istatus ta’ refuġjat, anki wara li jkunu għalqu l-età maġġuri, jiġifieri fil-mument meta r-riunifikazzjoni tal-familja ssir possibbli, għaliex infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva, il-persuna li tipprova tibbenefika mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tingħata permess ta’ residenza, preferibbilment permess ta’ residenza fit-tul jew li joffri prospetti reali li jwasslu għal dritt ta’ residenza permanenti (6).

31.      F’din il-kawża, dan jispjega l-fatt li, sabiex tapplika għar-riunifikazzjoni tal-familja, bint A u S leġittimament stenniet li jkollha id-dritt għall-ażil, għal ħames snin, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/86. Hija ma ppreżentatx applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja qabel ma bbenefikat minn dak id-dritt ta’ residenza, li, l-ewwel nett, kien ikun imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(a), u tal-Artikolu 9(1) ta’ dik id-direttiva, imbagħad, kien iwassal għal inċertezza fl-eżitu tal-proċedura tar-riunifikazzjoni tal-familja u, fl-aħħar nett kien ikollu l-effett li jgħabbi lill-awtoritajiet nazzjonali b’applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja li potenzjalment ma setgħetx tintlaqa’ minħabba li l-isponsor ma jkunx jibbenefika minn permess ta’ residenza. Għandu jiġi kkunsidrat li d-data determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjat għandha neċessarjament tkun id-data minn meta r-riunifikazzjoni tal-familja ssir possibbli, jiġifieri fil-mument tal-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza (7). Fil-proċedura prinċipali, fid-dawl tan-natura dikjaratorja u retroattiva tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, din tirreferi għad-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-ażil.

32.      Fil-qosor, l-attitudni ta’ osservanza tal-proċeduri u tas-sekwenza tagħhom adottata mill-persuna kkonċernata fil-każ ineżami ma għandhiex tippreġudikaha u għandha saħansitra tkun apprezzata.

33.      Fil-fatt fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, għandu jitqies it-tul ta’ żmien meħud biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil u l-mogħdija ineżorabbli ta’ żmien li wassal biex il-persuna kkonċernata għalqet l-età maġġuri meta ngħatalha l-ażil u għalhekk setgħet, minħabba dan il-fatt, tapplika biex il-ġenituri tagħha, min fl-Etjopja u min fl-Iżrael, jingħaqdu magħha fil-Pajjiżi l-Baxxi biex jiġġeddu r-rabtiet familjari u l-ħajja privata li għaliha kull ċittadin ta’ pajjiż terz huwa intitolat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta, kif interpretati kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

34.      F’dan ir-rigward, il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/86 tirreferi għall-protezzjoni tal-familja u għall-preżervazzjoni tal-ħajja tal-familja. Dan jimplika neċessarjament li dan it-test jiġi interpretat skont l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta b’mod mhux restrittiv, sabiex ma jitlifx l-effett utli tiegħu jew li jiġi applikat ħażin l-għan ta’ dik id-direttiva, li huwa dak li jippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja (8).

35.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tfakkar li jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva li miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu adottati skont l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u tar-rispett tal-ħajja tal-familja li huwa mħaddan f’ħafna strumenti tad-dritt internazzjonali.

36.      Infakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta għandu jinqara f’korrelazzjoni mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tagħha. Skont ir-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-aħjar interessi tal-minuri jkunu “kunsiderazzjoni primarja” meta joħorġu, permezz ta’ awtorità pubblika jew privata, att leġiżlattiv li jikkonċerna lill-ulied. Dan ir-rekwiżit huwa espressament imfakkar fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2003/86. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jżommu relazzjonijiet personali regolari u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom (9).

37.      Għalkemm mhux neċessarjament jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jiġi applikat għal ulied f’età maġġuri, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, madankollu jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha li r-rabtiet bejn il-wild u l-familja tiegħu għandhom jinżammu u li huma ċirkustanzi eċċezzjonali biss li jistgħu jwasslu għal qasma tar-rabta tal-familja. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandu jsir kollox biex jinżammu r-relazzjonijiet personali u l-unità tal-familja jew ir-“rikostruzzjoni” tal-familja (10).

38.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis bosta ċirkustanzi individwali, marbuta mal-wild, sabiex tiddetermina l-aħjar interess tiegħu u tiżgura l-benesseri tiegħu. B’mod partikolari, hija tqis l-età u l-maturità tiegħu kif ukoll il-grad ta’ dipendenza tiegħu mal-ġenituri tiegħu, u tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-preżenza jew l-assenza ta’ dawn tal-aħħar. Hija tikkunsidra wkoll l-ambjent li jgħix fih il-wild u s-sitwazzjoni fl-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex tevalwa d-diffikultajiet li l-familja hemm riskju li tiffaċċja fih (11). Huwa billi jitqiesu dawn l-elementi kollha u billi dawn jiġu bbilanċjati mal-interess ġenerali tal-Istati kontraenti li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tevalwa jekk, fid-deċiżjonijiet tagħhom, dawn l-Istati rnexxilhomx jilħqu bilanċ ġust u rrispettawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

39.      Fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/86, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, li għandhom jagħmlu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti filwaqt li, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk tat-tfal ikkonċernati (12).

40.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li kieku kella ssir l-evalwazzjoni ta’ dan il-bilanċ f’din il-kawża, ikun neċessarju li jiġi nnotat, l-ewwel nett, li bint A u ta’ S waslet weħidha u minuri fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, it-tieni nett, li hija oriġinarjament mill-Istat tal-Eritrea, u, it-tielet nett, meta hija tibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja dan ikun jippermetti lill-familja kollha li tirrikostruwixxi ruħha. Dan jiffavorixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-membri kollha tagħha, u dan irrispettivament mill-fatt li, fil-jum li fih l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, il-persuna kkonċernata, li waslet minuri mhux akkumpanjata fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalqet l-età maġġuri u ma tistax tibqa’ titqies bħala tifla, fis-sens strett.

41.      Għal dak il-għan, il-possibbiltà li jiġi ammess il-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lil persuna, bħal bint ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li waslet minuri u mhux akkumpanjata fit-territorju ta’ Stat Membru, imma li kisbet l-istatus ta’ refuġjat ladarba għalqet l-età maġġuri u għalhekk ma setgħetx titlob il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ħlief wara dak l-avveniment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, ma tidhirx li tmur lil hinn mill-għanijiet stabbiliti għall-Istati Membri.

42.      Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja kif previst bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva ma jistax jiddependi fuq il-ħeffa li biha s-servizzi tal-amministrazzjoni ta’ Stat Membru jistgħu jipproċessaw il-fajls ta’ applikazzjoni għall-ażil, u dan iktar u iktar meta l-persuni kkonċernati jagħlqu, fi ftit xhur, l-età maġġuri u minkejja li l-Istati Membri huma regolarment imsejħa mill-istituzzjonijiet biex jipproċessaw bi prijorità l-applikazzjonijiet għall-ażil tal-minuri mhux akkumpanjati sabiex iqisu l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, li jistħoqqilha protezzjoni speċifika (13).

43.      Fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata damet tmien xhur sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat wara l-wasla tagħha fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk il-fatti ta’ din il-kawża jaqgħu, b’mod ordinarju, fil-perijodi tas-soltu għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, għalkemm l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85/KE (14), applikabbli fiż-żmien tal-fatti, kien jistabbilixxi li l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli, madwar sitt xhur, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha.

44.      Barra minn hekk, nosserva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tingħata prijorità għal interpretazzjoni li tiżgura li s-suċċess tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi attribwibbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni bħalma huwa ż-żmien għall-ipproċessar tal-applikazzjoni (15).

45.      Dawn l-elementi jiffavorixxu interpretazzjoni usa’ tad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86 fid-dawl taż-żmien ordinarju ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil u l-possibbiltà għall-awtoritjajiet li jagħtu prijorità lill-ipproċessar ta’ ċerti fajls ta’ applikanti għall-ażil, b’mod partikolari meta dawn ikunu qrib l-età maġġuri.

46.      Barra minn hekk, in-natura ta’ rikonoxximent tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jimplika li l-Istati Membri ma jistgħux ifittxu li jeħilsu mill-obbligi tagħhom jew li jevitawhom billi jiżvujtaw mis-sustanza tagħhom ir-regoli dwar is-sistema komuni Ewropea tal-ażil, billi jirrifjutaw li jipproċessaw b’mod diliġenti l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ minuri li ma jkunux akkumpanjati fit-territorju tagħhom, għall-iskop mhux dikjarat li ma jiġix implementat id-dritt preferenzjali għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom il-minuri refuġjati mhux akkumpanjati. Għandha tiġi prekluża l-applikazzjoni stretta ta’ dawn l-istandards li jkollha bħala effett li tiddiswadi lill-applikanti għall-ażil u tkompli żżid l-ostakli li dawn il-persuni u l-familji tagħhom diġà jaffaċċjaw (16).

47.      Madankollu, ma hijiex kwistjoni hawnhekk li tinħoloq każistika li għandha l-għan li tiddetermina li, għal ċertu perijodu, id-dritt preferenzjali tal-minuri biex jiksbu r-riunifikazzjoni tal-familja għandu jinżamm anki meta dawn tal-aħħar jilħqu l-età maġġuri. Ma hijiex kwistjoni ta’ ċaħda tal-effetti legali marbuta mal-kisba tal-età maġġuri. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li refuġjati adulti żgħar ħafna jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet protettivi tad-Direttiva 2003/86 fid-dawl tas-sekwenza tal-proċeduri, tan-natura ta’ qrubija għall-ksib tal-età maġġuri u tal-opportunità li ssir possibbli r-riunifikazzjoni tal-familja.

48.      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, għal darba oħra, fid-dawl tan-natura dikjaratorja u retroattiva tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, li jagħmilha possibbli li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-fatt li jiġi aċċettat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, għal persuna li tkun applikat għall-ażil meta kienet minuri, ma jikkostitwixxix interpretazzjoni estensiva wisq tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva.

49.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dik il-proposta, ikun neeċessarju li jiġi mfakkar, sussidjarjament, li, fid-dawl tal-premessi 8 u 10 ta’ dik id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lir-refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja u jistgħu jippermettu r-riunifikazzjoni tal-familja tal-axxendenti. Fil-fatt, il-kisba tal-età maġġuri għandha biss bħala effett li ttemm id-dritt preferenzjali u r-regoli iktar favorevoli disponibbli għall-persuna kkonċernata meta kienet minuri fir-rigward tad-dritt tagħha għar-riunifikazzjoni tal-familja.

50.      Ta’ min jinnota wkoll it-testi tal-Unjoni u t-testi l-oħra tad-dritt internazzjonali li jipprovdu li l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati mill-persuni li jgawdu mill-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu eżaminati mill-Istati b’diliġenza u b’attitudni favorevoli partikolari (17).

51.      F’dan ir-rigward, anki kieku f’din il-kawża bint A u S ma ġietx ikkunsidrata bħala minuri mhux akkumpanjat, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludulha l-possibbiltà li tagħti l-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja lill-axxendenti tagħha, u dan skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) ta’ dik id-Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-dħul u r-residenza bis-saħħa tar-riunifikazzjoni tal-familja, tal-axxendenti f’linja diretta fl-ewwel grad tal-isponsor, meta huma dipendenti fuqha u huma mċaħħdin mill-appoġġ tal-familja meħtieġ fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

52.      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, minn naħa, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix il-possibbiltà li tintlaqa’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-axxendenti ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, jekk il-każ ineżami jissodisfax il-kundizzjonijiet għaliha.

53.      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni bħal dik għal din il-kawża tkun tfisser l-evalwazzjoni ta’ jekk persuna li tkun għalqet reċentement l-età maġġuri, hijiex kapaċi tieħu ħsieb, weħidha, l-bżonnijiet ta’ familja sħiħa.

54.      Fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li tiġi żgurata l-iktar protezzjoni wiesgħa sabiex tiġi indirizzata, sa fejn hu possibbli, il-vulnerabbiltà partikolari li jkunu jinsabu fiha minuri mhux akkumpanjati li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll adulti żgħar, li għandhom l-istatus ta’ refuġjat (18) u li l-maturità tagħhom għad trid tiġi evalwata, mingħajr ma dan jipperikola l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-limitazzjoni tal-flussi migratorji.

55.      Fil-fatt, infakkar li r-riunifikazzjoni tal-familja tirrappreżenta l-prinċipju (19) u li l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, ngħid li l-ammissjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja permezz tal-isponsor li jkun il-wild ma tikkostitwixxix perikolu partikolari għall-politiki nazzjonali, peress li l-ġenituri huma stess jistgħu jitolbu r-riunifikazzjoni tal-familja għal uliedhom, meta dawn it-tfal ikunu minuri u dipendenti.

56.      Dan ifisser li l-elementi ta’ dipendenza u r-rabtiet, emozzjonali u materjali, f’dan it-tip ta’ riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu evalwati. Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat, speċjalment fis-soċjetajiet kontemporanji tagħna, li r-rabta ta’ dipendenza li teżisti bejn il-ġenituri u l-ulied tieqaf immedjatament mid-data li fiha l-wild jagħlaq l-età maġġuri u li dan ma jistax b’hekk jibqa’ kkunsidrat bħala wild minuri.

57.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/86 għandha l-għan li tindirizza l-vulnerabbiltà tal-persuni kkonċernati. Li tiċħad il-vulnerabbiltà ta’ persuni li jaslu minuri mill-Istat tal-Eritrea fit-territorju tal-Istati Membri u li jiksbu l-istatus ta’ refuġjat, anki jekk dawn għalqu l-età maġġuri fil-frattemp, ikun kuntrarju għall-għanijiet li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

58.      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li għandu jiġi kkunsidrat bħala minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat taħt it-18-il sena, li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun akkumpanjat minn adult li jkun responsabbli għalih jew skont il-liġi jew b’użanza, li japplika għall-ażil u mbagħad jagħlaq l-età maġġuri qabel ma jingħata l-ażil, b’effett retroattiv sad-data tal-applikazzjoni, u, fl-aħħar nett, jitlob il-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ dik id-direttiva.

59.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix din l-interpretazzjoni, ikun il-każ li wieħed jistaqsi dwar l-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2003/86, mingħajr ma jgħid xejn espressament dwar id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-istatus ta’ minuri mhux akkumpanjat, skont it-tifsira tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva. Meta għamel hekk, il-leġiżlatur jew għażel armonizzazzjoni totali, u ma ħalla l-ebda marġni ta’ manuvra għall-Istati Membri, jekk inkella għażel marġni diskrezzjonali wiesa’ ħafna lil dawk l-Istati li jistgħu jiddeterminaw, b’osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, l-iktar mument xieraq biex jiġi evalwat id-dritt ta’ persuna li tibbenefika mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, skont l-Artikolu 10(3) ta’ dik id-direttiva.

60.      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni, hawnhekk ninsabu fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet mhux fakultattivi, imma tabilħaqq obbligatorji, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86. Quddiem refuġjat minuri u mhux akkumpanjat, l-Istati Membri “għand[hom] jawtorizza[w]” id-dħul u r-residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-axxendenti diretti tiegħu. Din id-dispożizzjoni hija abbozzata f’forma mandatorja u timponi obbligi pożittivi preċiżi fuq l-Istati Membri. Għalhekk l-Istati Membri ma għandhom l-ebda marġini ta’ diskrezzjoni u, kieku jeżisti, ma jistax jintuża b’tali mod li jimmina l-għan ta’ dik id-direttiva, li huwa li tippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja (20).

61.      Fil-fatt ir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati għandhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-axxendenti diretti tagħhom fl-ewwel grad. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, li għalihom jikkorrispondu drittijiet suġġettivi ddefiniti b’mod ċar, għaliex jimponilhom, fl-ipoteżijiet iddeterminati minn din id-direttiva, l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-marġni diskrezzjonali tagħhom (21).

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li għalkemm l-Istati Membri għandhom, madankollu, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, skont id-Direttiva 2003/86, biex jagħmlu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, dik il-possibbiltà kellha tkun interpretata b’mod strett, billi l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola (22).

63.      Għaldaqstant, is-silenzju li żamm il-leġiżlatur tal-Unjoni dwar id-data li tippermetti l-evalwazzjoni tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, meta l-persuna li tapplika għaliha tkun minuri mhux akkumpanjat u l-persuni li jakkumpanjawh huma l-axxendenti tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jibbenefikaw minn din il-protezzjoni ta’ prinċipju u minn dak id-dritt preferenzjali. Huwa biss jekk il-persuna kkonċernata ma tibqax titqies bħala minuri mhux akkumpanjat li l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali biex jippermettu r-riunifikazzjoni tal-familja.

64.      Għal dak il-għan, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandha tiġi eskluża sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, kif jiena qed nipproponilha, li l-persuna li tkun waslet minuri fit-territorju ta’ Stat Membru u li tikseb l-istatus ta’ refuġjat biss meta tagħlaq l-età maġġuri għandha xorta waħda titqies bħala minuri mhux akkumpanjat fit-tifsira tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86 u tista’ għalhekk tinvoka d-dritt preferenzjali għar-riunifikazzjoni tal-familja previst fl-Artikolu 10(3) ta’ dik id-direttiva.

65.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwinix dwar in-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dwar il-possibbiltà li tikkunsidra l-persuna kkonċernata bħala minuri mhux akkumpanjat, allura jkun hemm lok li jiġi ddikjarat li qari tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86, li jimplika li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant għandux dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-effettività. Fil-fatt, qari bħal dak ifixkel il-kapaċità tal-persuni li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja, billi, kif intqal, l-għan ta’ din id-direttiva huwa preċiżament li jippromwovi l-protezzjoni tal-familja, b’mod partikolari billi tirrikonoxxi dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għar-refuġjati (23).

66.      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li qed jiġi propost li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li jista’ jitqies bħala minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat taħt l-età ta’ 18-il sena, li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun akkumpanjat minn adult li huwa responsabbli għalih skont il-liġi jew b’użanza, li japplika għall-ażil u mbagħad jagħlaq l-età maġġuri qabel ma jingħata l-ażil, b’effett retroattiv sad-data tal-applikazzjoni u, fl-aħħar nett, jitlob id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ dik id-direttiva.

V.      Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), kif ġej:

Jista’ jitqies bħala minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-parti inizjali u tal-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat taħt l-età ta’ 18-il sena, li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun akkumpanjat minn adult li huwa responsabbli għalih skont il-liġi jew b’użanza, li japplika għall-ażil u mbagħad jagħlaq l-età maġġuri qabel ma jingħata l-ażil, b’effett retroattiv sad-data tal-applikazzjoni u, fl-aħħar nett, jitlob id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3) ta’ dik id-Direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      Ara s-sentenzi Nru 201501042/1/V1 u Nru 201502485/1/V1. Il-qorti tar-rinviju ġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni li normalment għandha tosserva, minkejja li din ma temanax mill-interpretu awtentiku tar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-Raad van State (kunsill tal-istat) interpreta b’mod żbaljat, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 meta dawn ma kellhomx tifsira ċara u kellhom jagħtu lok għal interpretazzjoni awtentika mill-Qorti tal-Ġustizzja. Mingħajr ma nidħlu f’polemika, xorta waħda għandu jiġi nnotat li jista’ jkun hemm fin-nofs kontroversja ġurisprudenzjali f’din il-kawża, għallinqas fil-livell domestiku.


5      Ara, a contrario, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punti 34 sa 36).


6      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punt 56).


7      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punti 34 u 36).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punti 43 u 44), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punt 63).


9      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punti 77 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 76).


10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punt 73), kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-6 ta’ Lulju 2010, Neulinger u Shuruk vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2010:0706JUD004161507, § 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punt 74), kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-21 ta’ Diċembru 2001, Sen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2001:1221JUD003146596, § 37), u tal-31 ta’ Jannar 2006, Rodrigues da Silva u Hoogkamer vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:0131JUD005043599, § 39). Ara, ukoll, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 56).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 81).


13      Ara d-dikjarazzjoni ta’ Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta’ Novembru 2016, li appella lill-Istati Membri biex iħaffu r-reġistrazzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati u biex jitjieb il-ħarsien tagħhom.


14      Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, tad-29.6.2006, p. 168).


15      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:2092, punt 17).


16      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:485, punti 75 sa 79). Ara, ukoll, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-10 ta’ Lulju 2014, Tanda-Muzinga vs Franza, (CE:ECHR:2014:0710JUD000226010, § 75 u 76).


17      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 57) li fakkret li l‑Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-riżoluzzjoni 44/25 tagħha, tal-20 ta’ Novembru 1989, u li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, tistabbilixxi li l-Istati kontraenti għandhom jiżguraw li l-wild ma jkunx separat mill-ġenituri tiegħu kontra r-rieda tagħhom u li, skont l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni, jirriżulta minn dan l-obbligu li kwalunkwe talba magħmula minn wild jew mill-ġenituri tiegħu sabiex jidħol jew jitlaq minn Stat kontraenti għal skopijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja għandu jitqies mill-Istati kontraenti bi spirtu pożittiv, b’umanità u diliġenza. Ara, ukoll, l-Artikolu 22 ta’ dik il-konvenzjoni, li jikkristallizza d-dritt li kull wild jgħix mal-ġenituri tiegħu. Ara, ukoll, l-Att Finali tal-Konferenza Plenipotenzjarja tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Refuġjati u tal-Persuni mingħajr Stat, tal-25 ta’ Lulju 1951, kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-10 ta’ Lulju 2014, Tanda-Muzinga vs Franza (CE:ECHR:2014:0710JUD000226010, § 44 u 45 kif ukoll § 48 u 49, li jirreferu wkoll għar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (99) 23 dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għar-refuġjati u persuni oħra li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, adottata fil-15 ta’ Diċembru 1999, kif ukoll il-Memorandum tal-20 ta’ Novembru 2008, ta’ Thomas Hammarberg, Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, wara ż-żjara tiegħu fi Franza mill-21 sat-23 ta’ Mejju 2008).


18      Fil-ħames u s-sitt rapporti ta’ attività ġenerali tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (li jkopri l-perijodi mill-1 ta’ Ottubru 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2015 u mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016, disponibbli fl-indirizzi tal-Internet li ġejjin: https://rm.coe.int/168063093d u https://rm.coe.int/1680706a43), huwa jirrakkomanda li tingħata protezzjoni speċifika għat-tfal u għall-adolexxenti migranti jew li jitolbu l-ażil minħabba r-riskju tat-traffikar tal-bnedmin li huma esposti għalih. Madankollu, din il-protezzjoni estiża għandha tinftiehem li tfisser kull riskju mġarrab mill-minuri u adulti żgħar li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri. B’mod iktar speċifiku, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-28 ta’ Lulju 2017, dan il-grupp ta’ esperti, fl-okkażjoni tar-Raba’ Jum Dinji għad-Dinjità tal-Vittmi tat-Traffikar tal-Bniedem, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://www.coe.int/fr/web/portal/news-2017/-/asset_publisher/StEVosr24HJ2/content/states-must-act-urgently-to-protect-refugee-children-from-trafficking?inheritRedirect=false&redirect=http%3A%2F%2Fwww.coe.int%2Ffr%2Fweb%2Fportal%2Fnews-2017%3Fp_p_id%3D101_INSTANCE_StEVosr24HJ2%26p_p_lifecycle%3D0%26p_p_state%3Dnormal%26p_p_mode%3Dview%26p_p_col_id%3Dcolumn-4%26p_p_col_count%3D1, poġġa fid-dubju b’mod partikolari ir-restrizzjonijiet li għamlu diversi Stati Membri fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:595, punt 59).


20      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punti 25 u 61).


21      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 60), u tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 41). Ara, ukoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 23).


22      Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43), u tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 74), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 24).


23      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 88) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, skont ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86, jibqgħu meħtieġa li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tat-tfal u sabiex jippromwovu l-ħajja tal-familja.