Language of document : ECLI:EU:C:2018:248

Kawża C550/16

A
u
S

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Il-parti inizjali tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(f) – Kunċett ta’ ‘minuri mhux akkumpanjat’ – Artikolu 10(3)(a) – Dritt ta’ refuġjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu – Refuġjat taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, iżda maġġorenni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tagħtih l-ażil u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja – Data determinanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ ‘minuri’ tal-persuna kkonċernata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat‑12 ta’ April 2018

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Dispożizzjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Applikabbiltà għad-determinazzjoni tad-data li tippermetti l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ ‘minuri’ ta’ refuġjat, fis-sens tad-Direttiva 2003/86

(Direttiva tal-Kunsill 2003/86, Artikolu 2(f))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86 – Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati – Kunċett ta’ ‘minuri mhux akkumpanjat’ – Refuġjat taħt l-età ta’ 18il sena fil-mument tad-dħul tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2003/86, Artikoli 2(f) u 10(3)(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39 sa 45)

2.      Il-parti inizjali tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jingħata l-istatus ta’ “minuri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li kienet taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, issir maġġorenni u, sussegwentement, jiġi rrikonoxxut l-istatus tagħha ta’ refuġjat.

Għalkemm il-possibbiltà għal applikant għall-ażil li jippreżenta applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq il-bażi tad-Direttiva 2003/86 hija għalhekk suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni finali pożittiva, jeħtieġ madankollu li jiġi kkonstatat li din il-kundizzjoni tista’ tiġi spjegata faċilment permezz tal-fatt li, qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, huwa impossibbli li wieħed ikun jaf b’ċertezza jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, liema fatt jaffettwa min-naħa tiegħu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. B’hekk, wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/95, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew kull persuna mingħajr Stat li tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali previsti mill-Kapitolu III ta’ din id-direttiva tgawdi minn dritt suġġettiv li jiġi rrikonoxxut l-istatus tagħha ta’ refuġjat, u dan anki qabel ma tkun ġiet adottata deċiżjoni formali f’dan ir-rigward.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja msemmi fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ikun jiddependi fuq meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, fuq kemm din l-awtorità tipproċessa malajr jew bil-mod l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jqiegħed inkwistjoni l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u jmur kontra mhux biss l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata, f’dan ir-rigward, protezzjoni partikolari lir-refuġjati, b’mod partikolari lill-minuri mhux akkumpanjati, iżda wkoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali. Għall-kuntrarju, jekk id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età ta’ refuġjat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, dan jippermetti li jiġi żgurat trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, billi jiġi żgurat li s-suċċess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni, bħat-tul tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Noorzia, C‑338/13, EU:C:2014:2092, punt 17).

Ċertament, sa fejn, kif sostnew il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, ikun inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 il-fatt li refuġjat li kellu l-istatus ta’ minuri mhux akkumpanjat fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu iżda li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura jkun jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, l-applikazzjoni tiegħu intiża għal tali riunifikazzjoni għandha ssir f’terminu raġonevoli. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ tali terminu raġonevoli, is-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest simili tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva għandha valur indikattiv b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familji magħmula abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva għandha, bħala prinċipju, f’tali sitwazzjoni, tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mill-jum li fih il-minuri kkonċernat jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

(voir points 51, 54, 55, 60, 61, 64 u d-dispożittiv)