Language of document : ECLI:EU:F:2011:66

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

26 ta’ Mejju 2011

Kawża F-83/09

Andreas Kalmár

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Tkeċċija — Talba għal annullament — Ħlas tar-remunerazzjoni — Effett ta’ sentenza ta’ annullament”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u tal-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu A. Kalmár jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol, tal-4 ta’ Frar 2009, li tħassar il-kuntratt għal żmien determinat tiegħu u tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2009 li teħilsu mill-obbligu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu waqt it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg. Ir-rikorrent jitlob ukoll lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna r-reintegrazzjoni tiegħu u jikkundanna lill-Europol iħallsu s-salarju tiegħu mid-data tat-tkeċċija tiegħu, kif ukoll iħallsu EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali tiegħu.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2009, li permezz tagħha d-Direttur tal-Europol irrexxinda l-kuntratt għal żmien determinat tar-rikorrent, id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2009, li permezz tagħha d-Direttur tal-Europol ħeles lill-konvenut mill-obbligu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu waqt it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg kif ukoll id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2009 li tiċħad l-ilment tiegħu huma annullati. Il-Europol huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 5 000 bħala danni. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Europol għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment — Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti — Ammissibbiltà — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Suġġett — Ordni lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 93)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat — Legalità — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 94(1)(b))

4.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali — Tkeċċija illegali ta’ membru tal-persunal f’ċirkustanzi partikolari

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 93 u 94)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Rikors — Rikors għad-danni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 92(1))

6.      Uffiċjali — Rikors — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwima ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 93(1))

7.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Annullament, minħabba difett proċedurali, ta’ deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ membru tal-persunal — Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrettifika l-iżball — Retroattività tad-deċiżjoni l-ġdida — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment li tillimita ruħha sabiex tirrileva, fid-dettall, il-motivi tal-konferma tad-deċiżjoni preċedenti billi żżid fiha biss preċiżazzjonijiet kumplimentari, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, u l-identifikazzjoni konkreta tal-motivi tal-amministrazzjoni għandha b’hekk tirriżulta minn qari flimkien tad-deċiżjonijiet inizjali u ta’ ċaħda tal-ilment.

(ara l-punt 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punt 31; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, punt 65

2.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 93 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, il-qorti ma tistax, mingħajr ma tinterferixxi fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tagħmel dikjarazzjonijiet jew konstatazzjonijiet ta’ prinċipju u lanqas tindirizza ordnijiet lill-Europol.

(ara l-punt 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 150; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, punt 52

3.      Tista’ legalment tittieħed miżura kontra uffiċjal biss fid-dawl ta’ fatti li r-realtà tagħhom ġiet stabbilita preċedentement. Barra minn hekk, kull awtorità hija marbuta li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti u wara eżami ddettaljat tal-provi rilevanti kollha, b’tali mod li dan l-eżami għandu jsir b’kura u b’imparzjalità. Dawn ir-rekwiżiti jorbtu wkoll lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti meta din teżerċita s-setgħa stabbilita fl-Artikolu 94(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol li tirrexxindi b’mod antiċipat il-kuntratt ta’ membru tal-persunal b’kuntratt għal żmien determinat.

Konsegwentement, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jilqa’ motiv ibbażat fuq żbalji mwettqa matul l-istabbiliment tal-fatti li jkunu meqjusa globalment sabiex jiġġustifika miżura adottata fil-konfront ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, ikollha tiġi annullata, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni li timponi din il-miżura, fid-dawl tan-natura unika u indiviżibbli tagħha.

(ara l-punti 63, 64 u 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il‑Parlament, T‑78/92, punti 15 u 16; 16 ta’ Ottubru 1998, V vs Il‑Kummissjoni, T‑40/95, punt 49; 8 ta’ Mejju 2001, Caravelis vs Il‑Parlament, T‑182/99, punt 32; 30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, punt 108; 13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill, T‑413/03, punt 63

4.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu s-soluzzjoni adegwata u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. F’dan ir-rigward, għalkemm, kull tkeċċija hija, min-natura tagħha, kapaċi li toħloq fil-persuna mkeċċija sentimenti ta’ abbandun, ta’ frustrazzjoni u ta’ inċertezza fil-ġejjieni, huwa biss fil-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jista’ jiġi kkonstatat li l-aġir illegali ta’ persuna li timpjega affettwa moralment lill-membru tal-persunal lil hinn minn dak li persuna mkeċċija tħoss abitwalment u li din għandha d-dritt li tikseb il-ħlas ta’ kumpens għal dannu morali.

(ara l-punt 81)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Diċembru 2010, Schuerings vs ETF, F‑87/08, punt 73, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑107/11 P, u Vandeuren vs ETF, F‑88/08, punt 73, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑108/11 P

5.      Sa fejn membru tal-persunal tal-Europol ikollu l-intenzjoni li jibbaża t-talbiet tiegħu għal kumpens fuq aġir distint mid-deċiżjonijiet ikkontestati, dan ikollu, f’dan il-każ, iressaq qabel l-ilment tiegħu, talba għal kumpens abbażi tal-Artikolu 92(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol.

(ara l-punt 84)

6.      Talba intiża għall-ħlas mill-Europol lil wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu ta’ somma li dan iqis li hija dovuta lilu abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol tidħol fil-kuntest tat-tilwim ta’ natura pekunjarja skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija, filwaqt li tiddistingwi ruħha mill-kawżi għad-danni mressqa mill-membri tal-persunal kontra l-Europol u intiżi għall-ksib tad-danni.

(ara l-punt 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punti 65, 67 u 68; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, punti 39 sa 42

7.      Wara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-qorti tal-Unjoni, l-istituzzjoni konvenuta hija marbuta li tadotta l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza billi tpoġġi ruħha, fil-preżenza ta’ annullament b’effett retroattiv, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tar-rikorrent.

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda lil rikorrent marbut b’kuntratt għal żmien determinat, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali tiegħu għandha, fil-prinċipju, twassal lill-istituzzjoni sabiex tħallsu d-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li seta’ jippretendi li kieku żamm il-funzjonijiet tiegħu fi ħdanha u r-remunerazzjoni jew l-allowances tal-qgħad li jkun effettivament irċieva minn xi mkien ieħor bejn id-data tat-tkeċċija u d-data li fiha l-kuntratt kellu jintemm b’mod validu.

Madankollu, fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ġiet annullata għaliex l-istituzzjoni ma tkunx ipproċediet b’kura għal eżami komplet u fid-dettall tal-fatti, ma jistax, f’kull każ, jiġi eskluż li l-istituzzjoni tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt tar-rikorrent wara eżami mill-ġdid komplet u fid-dettall tal-fajl billi tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tas-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, meta l-ilment milqugħ ikun jirrigwarda difett proċedurali, lanqas ma jista’ jiġi totalment eskluż li l-istituzzjoni tagħti effett retroattiv lid-deċiżjoni l-ġdida tagħha, meta din ir-retroattività tkun meħtieġa għat-twettiq tal-għan segwit mill-miżura inkwistjoni u meta din ma tkunx tikser l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata.

Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjoni, ma tistax tikkundanna lil din għall-ħlas tas-salarju tar-rikorrent mid-data li fiha ġie tterminat indebitament il-kuntratt tiegħu, mingħajr ma tippreġudika l-attitudni li tadotta l-istituzzjoni fil-futur.

(ara l-punti 89 sa 93)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il‑Kunsill, 108/81, punti 4 sa 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il‑Parlament, T‑26/89, punt 66; 2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, T‑328/03, punt 48; 9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, punt 63; 23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, punt 65; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI, F‑27/08, punti 100 u 101