Language of document : ECLI:EU:C:2018:791

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fit‑3 ta’ Ottubru 2018 (1)

Kawża C449/17

A & G FahrschulAkademie GmbH

vs

Finanzamt Wolfenbüttel

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(i) u (j) – Eżenzjoni tal-edukazzjoni skolastika jew universitarja – Kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, organi li huma rrikonoxxuti bħala li għandhom għanijiet simili u tagħlim mogħti, privatament, minn għalliema – Applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għat-tagħlim tas-sewqan tal-vetturi sabiex jinkisbu liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1 – Kumpannija b’responsabbiltà limitata li tmexxi ċentru għat-tagħlim tas-sewqan”






 Introduzzjoni

1.        Fis-soċjetà tal-lum, li wieħed ikun jaf isuq vettura saret xi ħaġa komuni bħalma wieħed ikun jaf jaqra u jikteb – kważi kulħadd għandu l-liċenzja tas-sewqan. Madankollu, dan jiġġustifika l-eżenzjoni fiskali tat-tagħlim tas-sewqan taħt l-istess termini bħat-tagħlim tal-qari u tal-kitba? B’mod simplifikat, din hija l-problema ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Skont l-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2).

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(i)      il-provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inkluża l-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija li hija relatata mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti [finijiet] simili;

(j)      tagħlim mogħti privatament minn għalliema u li jkopri edukazzjoni skolastika jew universitarja”.

 Id-dritt Ġermaniż

3.        L-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 4(21) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxi fuq id-Dħul mill-Bejgħ). Skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din id-dispożizzjoni ma tippermettix, fl-istat attwali tagħha, li ċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan jiġu eżentati mit-taxxa.

4.        Id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz über das Fahrlehrerwesen (il-Liġi dwar l-Iskejjel tas-Sewqan) jiddefinixxu l-awtorizzazzjoni għall-prattika tal-professjoni ta’ għalliem fi skola tas-sewqan u t-tmexxija ta’ ċentru għat-tagħlim tas-sewqan.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

5.        A & G Fahrschul‑Akademie GmbH (iktar ’il quddiem “A & G Fahrschul‑Akademie”) hija kumpannija tad-dritt Ġermaniż li tmexxi skola tas-sewqan. Fis-sena fiskali tal‑2010, din il-kumpannija applikat il-VAT fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-attività tagħha. Madankollu, b’ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014 indirizzata lill-Finanzamt Wolfenbüttel (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Wolfenbüttel, il-Ġermanja), talbet li ssir rettifika fiskali permezz ta’ tnaqqis tal-VAT għal żero, filwaqt li talbet l-eżenzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112.

6.        L-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Wolfenbüttel ċaħad it-talba mressqa minn A & G Fahrschul‑Akademie. Peress li r-rikors ġie miċħud, il-kumpannija kkontestat ġudizzjarjament din id-deċiżjoni. Sussegwentement, il-kumpannija ppreżentat appell għal “reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza quddiem il-qorti tar-rinviju.

7.        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) issospendiet il-proċedura u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kunċett ta’ edukazzjoni skolastika jew universitarja previst fl-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva [2006/112] ikopri t-taħriġ mogħti minn skola tas-sewqan sabiex tinkiseb liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Ir-rikonoxximent tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni li għandha għanijiet simili, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva [2006/112] jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali dwar l-eżami għall-għalliema tas-sewqan u dwar l-għoti ta’ liċenzja bħala għalliema tas-sewqan jew bħala skola tas-sewqan, previsti fil- […] Liġi dwar il-kwalifika tal-għalliema tas-sewqan […] kif ukoll mill-interess pubbliku li l-istudenti ta’ skola ta’ sewqan jingħataw taħriġ li jiżgura li jsiru utenti tat-triq li ma jkunux ta’ perikolu, li jkunu responsabbli u li jkunu konxji tal-ambjent?

3)      Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Il-kunċett ta’ ‘għalliem li jagħti tagħlim privatament’, previst fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva [2006/112] jirrikjedi li l-persuna taxxabbli tkun imprenditur individwali?

4)      Fil-każ li t-tieni u t-tielet domandi jingħataw risposta fin-negattiv:

Sabiex għalliem jitqies li huwa ‘għalliem li jagħti tagħlim privatament’, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva [2006/112], huwa biżżejjed li dan jaġixxi f’ismu stess u taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess, jew il-karatteristika ta’ ‘privatament’ timplika kundizzjonijiet oħra?”

8.        It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2017. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub A & G Fahrschul‑Akademie, il-Gvern Ġermaniż, dak Spanjol, dak Awstrijak, dak Portugiż, u dak Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. A & G Fahrschul‑Akademie, il-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni kienu preżenti waqt is-seduta li nżammet fl‑20 ta’ Ġunju 2018.

 L-analiżi

9.        Il-qorti tar-rinviju għamlet erba’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ lezzjonijiet tas-sewqan, sabiex tinkiseb il-liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1, tistax tibbenefika mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112. Suċċessivament ser nittratta dawn l-erba’ domandi. Madankollu, l-importanza essenzjali tinsab fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, minħabba li tiddetermina r-risposta għall-bqija tad-domandi preliminari.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

10.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ddeterminat jekk il-lezzjonijiet tas-sewqan sabiex tinkiseb liċenzja għas-sewqan tal-vetturi (liċenzja tas-sewqan) tal-kategorija B u tal-kategorija C1, humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

11.      Il-partijiet tal-proċedura li ppreżentaw l-osservazzjonijiet f’din il-kawża għandhom opinjonijiet differenti fir-rigward ta’ jekk il-lezzjonijiet tas-sewqan jistgħux jitqiesu bħala edukazzjoni skolastika jew universitarja. Il-Gvern Ġermaniż, dak Awstrijak, dak Portugiż u dak Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, jipproponu, b’mod ftit jew wisq kategoriku, li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda preliminari. Għall-kuntrarju, A & G Fahrschul‑Akademie, kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Taljan jissuġġerixxu risposta affermattiva (3).

12.      Jiena nappoġġja l-ewwel pożizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” ma jkoprix it-tagħlim tas-sewqan. Dan jirriżulta kemm mill-interpretazzjoni letterali, kif ukoll minn dik teleoloġika tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

 Il-kontenut tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112

13.      Għandu jiġi rrikonoxxut li l-awturi tal-verżjoni Pollakka tad-Direttiva 2006/112 kienu pjuttost kreattivi, minħabba li fl-Artikolu 132(1)(i) użaw il-kliem “kształcenie powszechne lub wyższe” (tagħlim universali jew superjuri). Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni jużaw l-espressjoni li tiġi tradotta pjuttost bħala “edukazzjoni skolastika jew universitarja”: “enseignement scolaire ou universitaire” fil-verżjoni Franċiża, “school or university education” fil-verżjoni Ingliża, “Schul- und Hochschulunterricht” fil-verżjoni Ġermaniża u hekk il-bqija. Issa, huwa ironiku li d-differenza terminoloġika tippermetti li wieħed jifhem aħjar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-portata tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tal-imsemmija direttiva. Jiġifieri, dan jirrigwarda l-edukazzjoni universali, aċċessibbli – u f’livelli inizjali anki obbligatorja – għal kulħadd u ġenerali, jiġifieri, li tkopri qasam ta’ għarfien wiesa’ immens, li tingħata fil-kuntest tas-sistema skolastika u universitarja eżistenti fl-Istati Membri kollha. Tali sistema, li f’xi Stati tissejjaħ edukazzjoni nazzjonali, maqsuma fi stadji li jistgħu jiġu ddefiniti b’mod iktar ġenerali bħala dak primarju, sekondarju jew terzjarju, tiggarantixxi lill-popolazzjoni kollha livell wiesa’ ta’ għarfien u kompetenzi, li jippermettulha tintegra fis-soċjetà moderna, mhux biss fil-qasam privat, iżda anki f’dak vokazzjonali.

14.      Din is-sistema ta’ edukazzjoni skolastika hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt li hija rregolata mil-leġiżlazzjoni, b’mod preċiż u komplet, li tiddetermina l-istruttura tas-sistema skolastika u l-funzjonament tal-iskejjel, il-programmi edukattivi, il-kwalifiki tal-għalliema u, finalment, il-kundizzjonijiet għall-kisba tad-diplomi.

15.      Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, din is-sistema skolastika hija bbażata fuq skejjel pubbliċi, li spiss huma totalment jew parzjalment bla ħlas. Huwa evidenti li meta l-iskola tkun bla ħlas, ma tinqalax il-problema tal-issuġġettar għall-VAT. Madankollu, is-sistema tal-iskejjel pubbliċi tista’ tiġi implimentata wkoll fi skejjel privati, li jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni bi ħlas. Fl-iskejjel pubbliċi wkoll jiġu offruti servizzi edukattivi bi ħlas. Fil-prinċipju, dawn is-servizzi huma suġġetti għall-VAT. Madankollu, bil-għan li jiġu evitati, minn naħa, iż-żieda fl-ispejjeż ta’ tali servizzi għad-destinatarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tiġi mfixkla l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-setturi pubbliċi u privati, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, għall-attività deskritta bħala “edukazzjoni skolastika jew universitarja”. Barra minn hekk, din ir-regola għandha tinftiehem fis-sens li, jekk fil-kuntest tas-sistema skolastika jew universitarja eżistenti fi Stat Membru jiġi stabbilit li ċerti servizzi huma bi ħlas, kemm fl-iskejjel pubbliċi (“korpi regolati mid-dritt pubbliku” skont it-terminoloġija ta’ din ir-regola) jew f’dawk privati (“organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti […] bħala li għandhom oġġetti [finijiet] simili”), tali servizzi jiġu koperti mill-eżenzjoni mill-VAT.

16.      Madankollu, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, it-tagħlim tas-sewqan tal-vetturi ma jikkostitwixxix element tas-sistema tal-edukazzjoni skolastika fil-Ġermanja. Sa fejn naf jiena, dan huwa l-każ anki fl-Istati Membri l-oħrajn. Dan is-servizz jikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ ċertu għarfien speċifiku li jippermetti l-kisba tal-liċenzja għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur fit-toroq pubbliċi. Dan is-servizz jiġi pprovdut bi ħlas minn entitajiet speċjalizzati, bħal A & G Fahrschul‑Akademie, li – anki meta f’xi lingwi jissejħu skejjel (“auto-école”, “Fahrschule”) – ma jifformawx parti mis-sistema skolastika tal-Istati Membri rispettivi.

17.      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” li jinsab fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 ma jkoprix is-servizzi li ma jifformawx parti mis-sistema skolastika eżistenti tal-Istati Membri differenti u li jiġu pprovduti minn entitajiet barra mis-sistema skolastika ta’ dawn l-Istati, bħalma huwa t-tagħlim tas-sewqan li jingħata f’ċentri speċjalizzati.

 L-iskop tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112

18.      Fl-opinjoni tiegħi, l-inklużjoni taċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan fil-kuntest tal-kunċett tal-edukazzjoni skolastika jew universitarja, jew, b’mod ġenerali, tal-eżenzjoni li tinsab fid-dispożizzjoni ċċitata, ma tirriżultax konformi mal-iskop ta’ tali regola.

19.      L-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, li għandu l-intestatura “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Il-ġustifikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’dan l-artikolu u anki fil-paragrafu 1(i) tiegħu, ċertament hija l-interess pubbliku li permezz tiegħu jitwettqu l-attivitajiet li għalihom tapplika din l-eżenzjoni.

20.      Fir-rigward tas-servizz ta’ edukazzjoni pubblika fuq livell primarju, sekondarju jew terzjarju, dan l-interess pubbliku jirriżulta pjuttost ovvju. Li wieħed ikollu ċertu livell ta’ għarfien u kompetenzi huwa indispensabbli sabiex jgħix fis-soċjetà moderna u huwa ta’ interess, mhux biss għal kull individwu, iżda anki għal din is-soċjetà kollha kemm hi, li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tagħha mingħajr xkiel. Riżultat ta’ dan, l-edukazzjoni sa ċertu livell hija anki obbligatorja. Madankollu, l-interess pubbliku ma huwiex sempliċement li tiġi ggarantita biss l-edukazzjoni fuq livell obbligatorju. Is-soċjetà tal-lum ma tistax tiffunzjona u tiżviluppa, soċjalment, kulturalment u politikament, mingħajr persuni li jkollhom livell għoli ta’ għarfien, ogħla mil-livell ta’ edukazzjoni obbligatorja. Ma hijiex koinċidenza li n-nies jitkellmu dwar soċjetajiet tal-għarfien (4).

21.      Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati moderni, fosthom l-Istati Membri, jinvestu ammont kbir ta’ riżorsi ekonomiċi għaż-żamma u l-iżvilupp tas-sistemi ta’ edukazzjoni. Ikun intrinsikament kontradittorju jekk, fl-istess ħin, l-aċċessibbiltà għal tali sistema tkun limitata, b’tali mod li jiżdiedu l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti f’dan il-kuntest permezz tat-taxxi. Li wieħed ifixkel l-aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni għall-persuni b’livell ekonomiku baxx, jikkontradixxi wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-ispejjeż tal-edukazzjoni tat-tfal ġeneralment huma r-responsabbiltà tal-familji. Dawn l-ispejjeż spiss ikunu għoljin u ta’ natura kontinwa, minħabba li jridu jitħallsu għal perijodu twil. Jekk dawn l-ispejjeż jaqbżu l-potenzjal ekonomiku tal-familji, dawn jistgħu jirrinunzjaw mhux biss li jiggarantixxu l-edukazzjoni għal dawn it-tfal, iżda anki għat-twelid tagħhom, li jwassal għal problemi demografiċi, bħalma qiegħed jiġri f’ħafna Stati Membri.

22.      Dan kollu jiġġustifika l-eżenzjoni tal-edukazzjoni skolastika jew universitarja li tinsab fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

23.      Madankollu, kif isostni tajjeb il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, jirriżulta diffiċli li jintwera interess pubbliku li jiġġustifika l-eżenzjoni mill-VAT tat-tagħlim tas-sewqan tal-vetturi bil-mutur. Ma hemm l-ebda dubju li tali kompetenza hija tassew utli, iżda l-kisba tagħha xorta waħda hija ta’ interess partikolari għal ċerta persuna, u mhux għas-soċjetà kollha kemm hi. Tali kompetenza ma tikkundizzjonax il-funzjonament xieraq tas-soċjetà fl-ebda aspett, bħalma jiġri fil-każ li l-pubbliku ġenerali jkollu ċertu livell baxx ta’ edukazzjoni.

24.      Naturalment, f’ċerti kundizzjonijiet, pereżempju, f’żoni mhux konnessi tajjeb bit-trasport pubbliku jew sabiex jitwettqu ċerti professjonijiet, li wieħed jivvjaġġa bil-vettura tiegħu stess jista’ jirriżulta sempliċement indispensabbli. Madankollu, il-kisba tar-rekwiżiti indispensabbli sabiex tingħata din l-awtorizzazzjoni hija qabel kollox ta’ interess partikolari għal ċerti persuni u mhux ta’ interess pubbliku, u għalhekk l-eżenzjoni mill-VAT ma hijiex iġġustifikata. Fuq il-bażi tal-istess raġunament, prodotti meħtieġa għall-ħajja, pereżempju l-ikel, il-ħwejjeġ jew l-akkomodazzjoni ma humiex eżenti, iżda huma tal-inqas suġġetti għal rata mnaqqsa. Barra minn hekk, li wieħed jivvjaġġa bil-vettura tiegħu stess jeżiġi mhux biss il-kisba tal-liċenzja, iżda anki x-xiri tal-vettura stess. L-eżenzjoni fiskali għax-xiri ta’ vetturi hija ġġustifikata għal dan il-motiv?

25.      Fir-rigward tat-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, ma hemmx evidenza li t-tassazzjoni tista’ tikkawża riskju ta’ xkiel tal-kompetizzjoni, minħabba li ma teżisti l-ebda entità pubblika li tagħti dan it-tip ta’ servizzi bla ħlas, li kieku jikkompetu magħha l-organi privati. Għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-każ tas-sistema skolastika, it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi fil-prinċipju jsir bi ħlas.

26.      Fl-aħħar nett, ma jikkonvinċinix l-argument imressaq b’mod partikolari minn A & G Fahrschul‑Akademie, li l-interess pubbliku jinsab fil-limitazzjoni, permezz ta’ tagħlim aħjar mill-għalliema, tan-numru ta’ inċidenti u, għaldaqstant, fit-titjib tas-sigurtà taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq.

27.      Naturalment, iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi fit-toroq pubbliċi ġġib magħha ċertu perikolu, bħar-riskju ta’ inċidenti u l-konsegwenzi tagħhom. Bil-għan li jiġu kkontrollati dawn ir-riskji, il-possibbiltà li jinstaqu vetturi hija rregolata mil-leġiżlazzjoni statali, permezz tar-rekwiżit li għandha tinkiseb il-liċenzja korrispondenti. Dan iservi preċiżament sabiex il-persuni li jsuqu vetturi jkollhom l-għarfien u l-kompetenzi biex jagħmlu dan bis-sigurtà kollha. L-interess pubbliku jikkonsisti fil-garanzija li s-sigurtà taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq tiġi implimentata permezz tar-rekwiżit tal-kisba taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura. Madankollu, il-kisba ta’ għarfien u kompetenzi indispensabbli sabiex tinkiseb tali liċenzja, permezz tal-attendenza ta’ lezzjonijiet tas-sewqan, huwa fl-interess tal-persuni interessati nnifishom.

28.      Kif diġà sostnejt preċedentement, l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112 tagħmel riferiment għall-attivitajiet imwettqa fl-interess pubbliku, interess li jiġġustifika din l-eżenzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li testendi għall-eżenzjoni ta’ attivitajiet mhux imwettqa fl-interess pubbliku. Din l-eżiġenza ma tirriżultax biss mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, bħalma huma l-eċċezzjonijiet tal-VAT. Fil-fatt, is-sistema tal-VAT hija bbażata fuq it-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha, f’kull stadju taċ-ċiklu ekonomiku, fejn il-piż ekonomiku tat-taxxa jiġi sostnut fl-istadju tal-konsum. Kwalunkwe eżenzjoni tfixkel il-funzjonament tajjeb ta’ din is-sistema. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati biss meta jkunu meħtieġa jew għal skop partikolari li jiġġustifikahom, pereżempju, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-servizzi pprovduti fl-interess pubbliku. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu evitati l-eżenzjonijiet f’sitwazzjoni fejn it-tassazzjoni hija possibbli u ma topponix dan it-tip ta’ skopijiet partikolari (5).

29.      Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi ta’ tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi ma hijiex iġġustifikata, fid-dawl tal-għanijiet imfittxa mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112

30.      Hawnhekk ma għandix l-intenzjoni li nwettaq eżami komplet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, għar-raġuni li ma narahx meħtieġ. Madankollu, kemm il-qorti tar-rinviju, kif ukoll uħud mill-partijiet fil-proċedura, b’mod partikolari A & G Fahrschul‑Akademie u l-Gvern Spanjol u dak Taljan, jiċċitaw ċerti pożizzjonijiet adottati f’sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fl-opinjoni tagħhom, jistgħu jwasslu għal riżultati differenti minn dawk ippreżentati iktar ’il quddiem fir-raġunament tiegħi. Dan jeħtieġ li nagħti xi spjegazzjonijiet.

31.      L-ewwel nett, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑287/00, EU:C:2002:388), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda dwar jekk l-attivitajiet ta’ riċerka xjentifika, imwettqa bi ħlas, jitqisux bħala provvisti ta’ servizzi direttament marbuta mal-edukazzjoni universitarja fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(i) tad-Direttiva 77/388/KEE (6). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi direttament marbuta mal-edukazzjoni universitarja” ma jitlobx interpretazzjoni partikolarment stretta (7). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tali kunsiderazzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għal konklużjonijiet eċċessivi. F’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża bi ħsieb il-kunċett ġenerali ta’ “servizzi strettament relatati”, sabiex ikun possibbli li jiġu eżentati, fil-fażi tal-applikazzjoni tad-dritt, tipi differenti ta’ servizzi, li fil-prattika jistgħu jkunu marbuta proprju mal-attivitajiet ta’ edukazzjoni. Pereżempju, is-servizzi ta’ ristorazzjoni, jekk huma pprovduti mill-istudenti ta’ ċentru ta’ edukazzjoni fil-kuntest tal-programm ta’ taħriġ, jistgħu jikkostitwixxu tali servizzi (8). Għalhekk, l-istabbiliment, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ definizzjoni preċiża ta’ dan il-kunċett tmur kontra l-volontà tal-leġiżlatur u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-kunċetti l-oħrajn użati fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari dawk li, bħall-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika u universitarja”, jiddefinixxu l-portata tal-eżenzjoni mill-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod tant liberali.

32.      It-tieni nett, A & G Fahrschul‑Akademie kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Taljan jagħmlu riferiment għal kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta utli li tiġi ċċitata kollha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika u universitarja”, fis-sens tal-attwali Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, “ma [huwiex limitat] biss għat-tagħlim li jwassal għal eżamijiet sabiex tinkiseb kwalifika jew li jippermetti li jinkiseb taħriġ sabiex titwettaq attività professjonali, iżda jinkludi attivitajiet oħra li t‑tagħlim tagħhom jingħata ġewwa skejjel jew universitajiet sabiex jiġu żviluppati l-konoxxenzi u l-kapaċitajiet tal-istudenti, sakemm dawn l‑attivitajiet ma jkollhomx natura purament rikreattiva” (9).

33.      Minn din il-kunsiderazzjoni, il-partijiet imsemmija fil-proċedura jiddeduċu li kwalunkwe attività li tikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ għarfien jew kompetenzi, ladarba ma jkunux ta’ natura purament rikreattiva, hija suġġetta għall-eżenzjoni prevista fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Minħabba li t-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi evidentement ma għandux natura jew skop esklużivament rikreattiv, din l-eżenzjoni għandha tkopri wkoll dawn iċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan.

34.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din l-ispjegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni selettiva ta’ estratt mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżolat mill-kuntest tiegħu.

35.      Fil-fatt, l-ewwel nett, din l-interpretazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni t-termini “ġewwa skejjel jew universitajiet” li jidhru fl-estratt iċċitat. Dawn it-termini jagħmlu riferiment dirett għall-kontenut tad-dispożizzjoni attwali tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112 li, skontha, fil-verżjonijiet lingwistiċi minbarra dik Pollakka, l-edukazzjoni skolastika jew universitarja hija eżentata. Kif sostnejt fil-punti 13 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmel riferiment għas-sistema ta’ edukazzjoni pubblika li tingħata fl-iskejjel primarji, sekondarji u terzjarji. Konsegwentement, mill-estratt iċċitat tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi dedott li attività li ma titwettaqx fil-kuntest ta’ din is-sistema tista’ tiġi eżentata, ladarba ma tkunx ta’ natura purament rikreattiva.

36.      It-tieni nett, f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwar l-appartenenza tal-istituzzjonijiet inkwistjoni f’din is-sistema ta’ edukazzjoni (10), iżda dwar il-possibbiltà li jiġi eżentat is-suġġett inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li din l-eżenzjoni tista’ tagħmel riferiment mhux biss għas-suġġetti inklużi fit-taħriġ bażiku skont il-programm obbligatorju fit-tip ta’ skola inkwistjoni, iżda anki għal attivitajiet oħrajn, ladarba ma jkunux ta’ natura purament rikreattiva. U dan dejjem jekk din l-edukazzjoni tingħata fil-kuntest tas-sistema ta’ edukazzjoni ġewwa skejjel jew universitajiet, u mhux kompletament barra minn din is-sistema.

37.      Ċertament, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C‑445/05, EU:C:2007:344), jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-edukazzjoni f’tip partikolari ta’ organi, bħalma huma ċ-ċentri ta’ tagħlim għall-adulti fil-Ġermanja (“Volkshochschule”), hija eżentata. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju li kienu bbażati fuq l-ipoteżi li dan it-tip ta’ organu jifforma parti mis-sistema ta’ edukazzjoni skolastika jew universitarja, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet li din id-domanda, magħmula mill-awtorità tat-taxxa fil-proċedura prinċipali, tingħata risposta mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, anki jekk jitqajmu dubji dwar jekk l-attività tal-Volkshochschule hijiex inkluża fl-edukazzjoni skolastika jew universitarja, fl-opinjoni tiegħi, huwa evidenti li l-attività fiċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan ma hijiex inkluża f’din is-sistema ta’ edukazzjoni.

38.      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2006/112, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri differenti, minħabba li dawn is-sistemi jistgħu jvarjaw, b’tali mod li jiġu kkawżati differenzi fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, fatt li jmur kontra l-għan imfittex minn din id-direttiva (11). Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jitqies bħala assolut, minħabba li l-Artikolu 132(1)(i) tal-imsemmija direttiva jagħmel riferiment, b’mod inevitabbli, għas-sistemi edukattivi nazzjonali, filwaqt li jiddikjara li l-attività mwettqa “minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti [finijiet] simili” hija eżentata. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, fl-opinjoni tiegħi, din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tfisser biss li l-fatt li, f’ċerta lingwa, iċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan jissejħu “skejjel” ma jfissirx li awtomatikament għandhom jitqiesu li jagħtu edukazzjoni skolastika jew universitarja fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata.

 It-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi bħala taħriġ vokazzjonali

39.      Il-Gvern Spanjol jallega li t-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi għandu jkun eżentat mill-VAT fuq il-bażi tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, madankollu mhux bħala edukazzjoni skolastika jew universitarja, iżda bħala taħriġ vokazzjonali. Skont l-argument ta’ dan il-gvern, id-dritt għas-sewqan ta’ vettura huwa meħtieġ għall-prattika ta’ ċerti professjonijiet u spiss anki sabiex wieħed jivvjaġġa lejn il-post tax-xogħol.

40.      Madankollu, fir-rigward ta’ din il-kawża, jiena ma iniex ta’ din l-opinjoni fi kwalunkwe każ.

41.      Kif jirriżulta mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura fil-kawża prinċipali hija dwar l-eżenzjoni possibbli mill-VAT tat-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1. Il-kategoriji tal-liċenzji tas-sewqan huma attwalment armonizzati fid-dritt tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (Tfassil mill-Ġdid) (12). Il-kategorija B tagħmel riferiment għall-karozzi u t-trakkijiet żgħar (13) u l-kategorija C1 għall-vetturi kummerċjali ħfief (14).

42.      Fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan B, din hija kategorija bażika tal-liċenzja tas-sewqan, meħtieġa għas-sewqan ta’ karozzi għall-użu privat. Il-pussess tal-liċenzja tas-sewqan ta’ din il-kategorija tista’ effettivament, bħalma jqis il-Gvern Spanjol, tkun neċessarja għall-prattika ta’ ċerti professjonijiet, pereżempju, sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ taxi. Madankollu, l-istess jiġri fir-rigward ta’ diversi kompetenzi, ibda mill-kapaċità tal-qari u l-kitba. Dan ir-raġunament jiġġustifika li t-tagħlim tal-kitba jitqies bħala taħriġ vokazzjonali? Fl-opinjoni tiegħi, għandhom jitqiesu bħala taħriġ vokazzjonali biss dawk l-attivitajiet li jwasslu għall-kisba ta’ għarfien jew kompetenzi użati esklużivament jew prinċipalment għall-finijiet ta’ attività professjonali jew, jekk ikun il-każ, li jkunu speċifikament immirati għall-persuni intiżi li jiksbu ċerti kompetenzi għal raġunijiet professjonali. Għall-kuntrarju, li wieħed iqis ċertu tip ta’ taħriġ bħala taħriġ vokazzjonali, minħabba s-sempliċi fatt li l-kompetenzi miksuba matulu jistgħu jintużaw ukoll fil-kuntest ta’ attività professjonali, jista’ potenzjalment jestendi l-portata ta’ dan il-kunċett. Jekk wieħed jasal għal dan ir-raġunament estrem, jista’ jkun meħtieġ li tinkiseb kwalunkwe kompetenza għall-prattika, pereżempju, tal-professjoni ta’ ħarrieġ ta’ din l-istess kompetenza. Għal din ir-raġuni, fl-opinjoni tiegħi, it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B, ma jistax jitqies bħala taħriġ vokazzjonali.

43.      Fir-rigward tal-liċenzja tas-sewqan C1, is-sitwazzjoni hija iktar kumplessa. Il-liċenzja tas-sewqan ta’ din il-kategorija tippermetti s-sewqan ta’ trakkijiet li l-massa massima awtorizzata tagħhom ma taqbiżx is-7 500 kg. Dawn il-vetturi jintużaw prinċipalment għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas, jiġifieri, għal attività professjonali. Madankollu, il-liċenzja ta’ din il-kategorija tista’ tkun meħtieġa anki għal finijiet privati, pereżempju, għas-sewqan ta’ ċerti caravans, minħabba li l-massa tagħhom spiss taqbeż it-3 500 kg. Konsegwentement, it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-vetturi tal-kategorija C1, jista’ jitqies bħala taħriġ vokazzjonali, jekk il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi, pereżempju, li huwa mmirat għal persuni intiżi li jwettqu attività fis-settur tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq u li jifforma parti integrali mit-taħriġ ta’ dawn il-persuni. Madankollu, f’din il-kawża, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju għamlet tali konstatazzjoni, u li d-domandi preliminari ma humiex ċarament dwar il-kunċett ta’ taħriġ vokazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112. Konsegwentement, xejn ma jippermetti li jitqies li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-vetturi tal-kategorija C1, huwa taħriġ vokazzjonali.

 Kunsiderazzjonijiet finali u proposta ta’ risposta

44.      Kif diġà kelli l-opportunità nsostni iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzja tas-sewqan huma armonizzati fid-dritt tal-Unjoni skont id-Direttiva 2006/126. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji ta’ sewqan, maħruġa fl-Istati Membri kollha. Dan ifisser li kull persuna residenti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tikseb liċenzja tas-sewqan fi kwalunkwe Stat Membru u tużaha fl-Istati Membri kollha, inkluż l-Istat Membru tar-residenza attwali tagħha. Għalhekk, iċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan fl-Istati Membri differenti jistgħu jkunu direttament f’kompetizzjoni bejniethom. Riżultat ta’ dan, huwa ta’ importanza kbira li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta ċara għad-domanda dwar il-possibbiltà li teżentahom mill-VAT, mingħajr ma tagħmel riferiment għal konstatazzjonijiet oħrajn tal-qrati tar-rinviju nazzjonali, minħabba li deċiżjonijiet nazzjonali diverġenti dwar l-eżenzjoni jistgħu joħolqu tfixkil fil-kompetizzjoni. Soluzzjoni ċara għandha tirriżulta ħafna iktar faċli minħabba li t-tagħlim tas-sewqan, sa fejn naf jien, huwa simili fl-Istati Membri kollha, fis-sens li huwa bbażat f’ċentri speċjalizzati, privati u indipendenti mis-sistema ta’ edukazzjoni pubblika, li l-attività prinċipali tagħhom tinvolvi l-għoti ta’ dan it-tagħlim bi ħlas.

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1, ma huwiex inkluż fil-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

46.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju jidher li titlaq mill-premessa li, il-fatt li jitqies li organu li jwettaq attivitajiet, fis-settur tal-edukazzjoni skolastika jew universitarja, għandu finijiet simili għal dawk tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu dawn l-attivitajiet, huwa rekwiżit differenti u indipendenti mill-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, din il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari, liema bażi tippermetti li ċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan jitqiesu bħala “organi b’finijiet simili”.

47.      Fl-opinjoni tiegħi, iż-żewġ domandi preliminari huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom. Kif diġà sostnejt, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” li jidher fid-dispożizzjoni ċċitata għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-sistemi ta’ edukazzjoni universali u ġenerali mogħtija fl-iskejjel u fl-universitajiet, eżistenti fl-Istati Membri kollha. L-organi kollha li jagħtu edukazzjoni fil-kuntest ta’ din is-sistema għandhom, f’dan is-sens, finijiet simili għal dawk tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku: fil-fatt, il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li din is-sistema nħolqot fil-prinċipju mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Madankollu, anki jekk f’ċertu Stat Membru s-sistema ta’ edukazzjoni skolastika u universitarja hija bbażata esklużivament fuq organi rregolati mid-dritt pubbliku, għandha titqies li għandha finijiet simili, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li tibbenefika mill-eżenzjoni. Għall-kuntrarju, jekk l-attivitajiet tal-entità ma humiex inklużi fl-edukazzjoni skolastika u universitarja, ma jistax jitqies li dan l-organu, bħala definizzjoni, għandu finijiet simili għal dawk tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jagħtu din l-edukazzjoni, irrispettivament mil-liema mod l-attivitajiet tiegħu huma rregolati mil-leġiżlazzjoni.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

48.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, organizzat minn entità bħal A & G Fahrschul‑Akademie, jistax jitqies bħala tagħlim mogħti, privatament, minn għalliema u marbut mal-edukazzjoni skolastika jew universitarja fis-sens tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112. Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn id-domandi preliminari, kif wieħed jista’ jippreżumi, fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda preliminari, iżda affermattiva għall-ewwel waħda. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, ma jirriżultax utli fil-prinċipju li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari. Madankollu, inqis li huwa meħtieġ li nżid xi spjegazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(j) tal-imsemmija direttiva.

49.      Din id-dispożizzjoni tikkompleta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tal-istess direttiva. L-edukazzjoni skolastika u universitarja tingħata fil-prinċipju mill-entitajiet iddeżinjati għal dan il-għan, ġeneralment l-iskejjel u l-universitajiet. Madankollu, xi attivitajiet addizzjonali, għalkemm jagħmlu riferiment għall-istess suġġetti, jitwettqu individwalment mill-għalliema ma’ ċerti studenti, barra mill-programm normali tal-attivitajiet previsti f’din l-iskola. Barra minn hekk, xi studenti, għal raġunijiet ta’ saħħa jew oħrajn, ma jsegwux l-edukazzjoni bħas-soltu, jiġifieri fl-iskola, iżda b’mod individwali, spiss fid-dar. Dawn l-attivitajiet ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, minħabba li ma jitwettqux mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku bl-istess għan jew minn korpi oħrajn. L-Artikolu 132(1)(j) tal-imsemmija direttiva huwa intiż sabiex titnaqqas din il-lakuna.

50.      Fl-opinjoni tiegħi, dan jirriżulta f’żewġ konklużjonijiet.

51.      L-ewwel nett, il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” użat fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett identiku fl-Artikolu 132(1)(i). Għaldaqstant, jekk il-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” ma jinkludix, skont il-proposta ta’ risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari, it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, dan jaffettwa kemm l-Artikolu 132(1)(i), kif ukoll l-Artikolu 132(1)(j). Konsegwentement, dan jeskludi ċ-ċentri li jagħtu din l-edukazzjoni mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, irrispettivament mill-bqija tar-rekwiżiti li għandhom.

52.      It-tieni nett, it-terminu “għalliema” li jidher fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat letteralment, konformement mat-tifsira ta’ dan it-terminu fil-lingwaġġ kurrenti. Fil-lingwi kollha li naf, it-terminu “għalliem” (“nauczyciel” fil-Pollakk, “Lehrer” fil-Ġermaniż, “teacher” fl-Ingliż, “enseignant” fil-Franċiż, eċċ.), sa fejn hija ddeżinjata professjoni, jagħmel riferiment esklużiv għal persuna fiżika (15). Konsegwentement, l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni teskludi l-applikazzjoni tiegħu għal persuni ġuridiċi.

53.      Din il-konklużjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li l-qorti tar-rinviju u A & G Fahrschul‑Akademie jagħmlu riferiment għalih. Fl-opinjoni tagħhom, dan il-prinċipju jopponi li l-operaturi li jwettqu l-istess operazzjonijiet, jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba l-forma ġuridika li għandhom.

54.      Madankollu, kif diġà sostnejt iktar ’il fuq, l-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi biss suppliment għall-eżenzjoni prevista fl-ittra (i) u ma jistax jiġi interpretat b’mod iżolat. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-eżenzjoni għall-edukazzjoni skolastika jew universitarja mogħtija minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku jew organi oħrajn. Il-portata tal-kunċett ta’ “organi oħrajn” hija suffiċjentement wiesgħa sabiex tkopri kwalunkwe persuna ġuridika li twettaq l-attivitajiet imsemmija (16). Konsegwentement, jekk l-edukazzjoni skolastika jew universitarja tingħata minn persuna ġuridika, tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 132(1)(i) tal-imsemmija direttiva; jekk, għall-kuntrarju, din tirrigwarda tagħlim mogħti individwalment minn għalliem/a bħala persuna fiżika, l-eżenzjoni tiġi bbażata fuq l-ittra (j) tal-istess dispożizzjoni. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali bl-ebda mod ma jidher mhedded.

55.      Il-konklużjoni, li l-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 jagħmel biss riferiment għall-persuni fiżiċi, lanqas ma tiġi kkontestata minħabba ċ-ċirkustanza li jsemmu A & G Fahrschul‑Akademie kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Taljan, jiġifieri li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għalihom għandhom jitwettqu mill-għalliema f’isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom (17). Fil-fatt, dan ma jirrigwardax biss l-uniku rekwiżit għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata, u l-kawżi kollha sad-data li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat (18) kienu jagħmlu riferiment għal persuni fiżiċi (19). Għalhekk, ma huwiex biżżejjed, kif jaffermaw il-partijiet iċċitati tal-proċedura, li t-tagħlim jingħata mill-persuna kkonċernata f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, iżda għandhom jiġu ssodisfatti rekwiżiti oħrajn għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ għalliem/a, kundizzjoni rriżervata għall-persuni fiżiċi.

56.      Naturalment, iċ-ċentri għat-tagħlim tas-sewqan jimpjegaw għalliema li huma persuni fiżiċi. Madankollu, dan ma jiġġustifikax li dan iċ-ċentru jkun eżentat mill-VAT fuq il-bażi tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet imwettqa effettivament minn persuna fiżika, iżda permezz ta’ parti terza, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni (20). Ma jirriżultax loġiku li issa jitqies li proprju dan l-organu jista’ jibbenefika minn din l-eżenzjoni.

57.      Konsegwentement, irrispettivament minn jekk it-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi huwiex edukazzjoni skolastika jew universitarja, organu li jagħti din l-edukazzjoni, bħal A & G Fahrschul‑Akademie, ma huwiex għalliem fis-sens tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva 2006/112 u ma jibbenefikax mill-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dan l-artikolu. Eventwalment, jista’ jirriżulta differenti fil-każ tal-għalliema tas-sewqan li jipprovdu tagħlim tas-sewqan individwali, f’isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, id-domandi preliminari ma jagħmlux riferiment għal dan il-każ.

 Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi, sabiex jinkisbu l-liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1, ma huwiex inkluż fil-kunċett ta’ “edukazzjoni skolastika jew universitarja” li jidher f’din id-dispożizzjoni.”


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1.


3      Partikolarment, il-Gvern Spanjol jipproponi li jitqies li t-tagħlim tas-sewqan ta’ vetturi huwa kopert mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 bħala taħriġ vokazzjonali. Ser nittratta din id-domanda fl-aħħar parti tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari.


4      Ara pereżempju: UNESCO, Hacia las sociedades del conocimiento, 2005.


5      Ara, f’dan is-sens, reċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Aviva (C‑605/15, EU:C:2017:718), punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


6      Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977, Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/112. L-Artikolu 13(A)(1)(i) ta’ din id-direttiva jikkorrispondi għall-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.


7      Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑287/00, EU:C:2002:388), punt 47.


8      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Brockenhurst College (C‑699/15, EU:C:2017:344), id-dispożittiv.


9      Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C‑445/05, EU:C:2007:344), punt 26, u tat‑28 ta’ Jannar 2010, Eulitz (C‑473/08, EU:C:2010:47), punt 29.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C‑445/05, EU:C:2007:344), punt 27, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fdat din il-kwistjoni għall-eżami mill-ġdid tal-qorti tar-rinviju.


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C‑445/05, EU:C:2007:344), punti 25 u 26.


12      ĠU 2006, L 403, p. 18.


13      “vetturi bil-mutur b’massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 3 500 kg u proġettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq […]” (Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 2006/126).


14      “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż 3 500 kg, iżda ma taqbizx 7 500 kg u li jkunu proġettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq” (Artikolu 4(4)(d) tad-Direttiva 2006/126).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C‑216/97, EU:C:1999:390), punt 14.


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C‑216/97, EU:C:1999:390), punt 17.


17      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C‑445/05, EU:C:2007:344), punt 30 u d-dispożittiv.


18      B’mod iktar preċiż, l-ekwivalenti tagħha fuq il-bażi tad-Direttiva 77/388.


19      Fir-realtà, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Eulitz (C‑473/08, EU:C:2010:47), il-persuna taxxabbli u r-rikorrenti fil-proċedura prinċipali kienet persuna ġuridika (kumpannija). Madankollu, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha f’din is-sentenza (punt 19), l-attivitajiet inkwistjoni ma kinux imwettqa minn din il-persuna ġuridika, iżda minn wieħed mis-soċji tagħha bħala inġinier gradwat. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat mill-ġdid din iċ-ċirkustanza fid-dispożittiv (ara l-punt 2 tad-dispożittiv).


20      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Eulitz (C‑473/08, EU:C:2010:47), punt 2 tad-dispożittiv.