Language of document : ECLI:EU:C:2018:158

Kawża C284/16

Slowakische Republik

vs

Achmea BV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bilaterali ta’ investiment konkluż fl‑1991 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u li għadu applikabbli bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑6 ta’ Marzu 2018

1.        Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Portata

(Artikolu 2 TUE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19 TUE; l-Artikoli 267 TFUE u 344 TFUE)

2.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti jew tribunal nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Kunċett – Tribunal arbitrali li ma jagħmilx parti mis-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru – Esklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet bejn Stati Membri – Ftehimiet preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stat Membru – Trattat bilaterali ta’ investiment bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Assenza ta’ possibbiltà li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà –Preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

(Artikoli 267 TFUE u 344 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32, 34 sa 37)

2.      Id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat fil-fatt miċ-ċirkustanza li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Dawn il-karatteristiċi taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 165 sa 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għandu jitqies fl-istess ħin kemm li jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll li jirriżulta minn ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri.

Minn dan isegwi li, fuq din il-bażi doppja, it-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI huwa, skont il-każ, mitlub jinterpreta, saħansitra anki japplika, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. Għandu, għaldaqstant, jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tribunal arbitrali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jekk jistax jitqies bħala qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Issa, fil-kawża prinċipali, it-Tribunal Arbitrali ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u fis-Slovakkja. Hija barra minn hekk preċiżament in-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni ta’ dan it-Tribunal, meta mqabbla ma’ dik tal-qrati ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, li tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet prinċipali tal-Artikolu 8 tat-TBI. Din il-karatteristika tat-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika li dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal “ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

(ara l-punti 33, 41 sa 43, 45, 46)

3.      L-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tal-Ftehim fuq l-Inċentivazzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem Tribunal Arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu.

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti inkarigata bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu l-istituzzjonijiet, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt tali ftehim, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, kemm-il darba l-awtonomija tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha jkunu osservati (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE - I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 40 u 70; 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punti 74 u 76, kif ukoll 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 182 u 183). Madankollu, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li t-tilwim li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni kemm ta’ dan il-ftehim kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li dan it-tilwim jiġi suġġett għal organu li ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija prevista minn ftehim li ma ġiex konkluż mill-Unjoni, iżda minn Stati Membri. Issa, l-imsemmi Artikolu 8 huwa ta’ natura li jimmina, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, żgurat mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 8 tat-TBI jimmina l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 57 sa 60 u d-dispożittiv)