Language of document : ECLI:EU:C:2014:2025

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2011/640/PESK — Bażi legali — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Artikolu 37 TUE — Ftehim internazzjonali li jirrigwarda esklużivament il-PESK — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE — Obbligu li l-Parlament jiġi informat immedjatament u kompletament — Artikolu 218(10) TFUE — Żamma tal-effetti”

Fil-Kawża C‑658/11,

li għandu bħala suġġett rikors għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2011,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos, A. Caiola u M. Allik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, R. Troosters u L. Gussetti, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert, G. Étienne, M. Bishop u G. Marhic, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u D. Hadroušek, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues kif ukoll minn N. Rouam u E. Belliard, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Christie u A. Robinson, bħala aġenti, assistiti minn D. Beard, QC, u minn G. Facenna, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano (Relatur), M. Ilešič, T. von Danwitz u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew minn naħa jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment (ĠU L 254, p. 1, iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“deċiżjoni kkontestata” u l-“Ftehim bejn l-UE u l-Mawrizju”), u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        It-Titolu V tat-Trattat UE fih il-Kapitolu 2 li huwa intitolat “Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni”, li jinkludi l-Artikolu 36 li jipprovdi:

“Ir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni u jinfurmah bl-evoluzzjoni ta’ din il-politika. Hu għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Ir-rappreżentanti speċjali jistgħu jkunu involuti fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew jista’ jagħmel mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lir-Rappreżentant Għoli. Għandu jkollu dibattitu darbtejn fis-sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ siġurtà komuni, inkluża l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni.”

3        L-Artikolu 37 TUE, li jidher f’dan l-istess kapitolu, huwa redatt kif ġej:

“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ Stat wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’oqsma koperti minn dan il-Kapitolu.”

4        L-Artikolu 218 TFUE huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.      Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom.

3.      Meta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta’ sigurtà komuni [iktar ’il quddiem il-“PESK”], il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.

[...]

5.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

6.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-[PESK], il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

a)      wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

      [...]

v)      ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament [...].

[...]

b)      wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. [...]

[...]

10.      Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

[...]”

5        L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK, tal-10 ta’ Novembru 2008, dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 301, p. 33), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/766/PESK tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 327, p. 49, iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2008/851”), hija bbażata fuq l-Artikolu 14, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 u l-Artikolu 28(3) UE.

6        L-Artikolu 1 ta’ din l-azzjoni konġunta, intitolat “Missjoni”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“L-Unjoni Ewropea [...] għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), [1816 (2008) u 1838(2008)] tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), b’mod konsistenti ma’ azzjoni permessa fir-rigward tal-piraterija skont l-Artikolu 100 et seq tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (minn hawn ‘il quddiem ’il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħarʼ) u permezz, b’mod partikolari, ta’ impenji magħmula ma’ Stati terzi (ʻAtalantaʼ) sabiex jikkontribwixxu għal:

–        għall-protezzjoni tal-bastimenti tal-PDI [Programm Dinji tal-Ikel] li jittrasportaw l-għajnuna alimentari lill-popolazzjonijiet tas-Somalja mġiegħla jħallu darhom, f’konformità mal-mandat tar-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tal-KSNU.

–        Għall-protezzjoni tal-bastimenti vulnerabbli li jkunu qed ibaħħru ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, kif ukoll għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja, f’konformità mal-mandat iddefinit fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-KSNU.”

7        L-Artikolu 2 tal-imsemmija azzjoni konġunta, intitolat “Mandat”, jipprovdi:

“Atalanta, bil-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-KSNU, u fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli tagħha, għandha:

[...]

(e)      fid-dawl tal-prosekuzzjonijiet li qed isiru potenzjalment mill-Istati rilevanti skont il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 12, taqbad, iżżomm u tittrasferixxi persuni suspetatti li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn hija preżenti u taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn il-pirati jew ħallelin armati, kif ukoll il-proprjetà li tinsab abbord;

[...]”

8        L-Artikolu 10 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, intitolat “Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-[Unjoni] u għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.

[...]

3.      L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni minn Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu [37 TUE]. Jekk l-[Unjoni] u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-[Unjoni], id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

[...]

6.      Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

9        Skont l-Artikolu 12 ta’ din l-azzjoni konġunta, intitolat “Trasferiment ta’ persuni li nqabdu u nżammu bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ġurisdizzjonali”:

“1.      Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 [tal-imsemmija konvenzjoni], li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li jinqabdu u jinżammu, bil-ħsieb li ssirilhom prosekuzzjoni, u l-proprjetà li tkunu intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:

–        lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew

–        jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.

2.      Ebda persuna msemmija fil-paragrafu 1 ma tista’ tiġi ttrasferita fi Stat terz, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment ma jkunux ġew deċiżi ma’ dan l-Istat terz b’mod konformi mal-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi garantit b’mod partikolari li ħadd ma jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.”

10      Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim UE‑Mawrizju, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)      ‘forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)’ għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni ‘Atalanta’ tal-EU, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-assi tagħhom;

[...]”

11      L-Artikolu 1 tal-istess Ftehim, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Dan il-Ftehim jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għal

(a)       it-trasferiment ta’ persuni ssuspettati li ppruvaw iwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija fiż-żona ta’ operazzjoni tal-EUNAVFOR, fl-ibħra internazzjonali tal-Mawrizju, il-Madagaskar, il-Gżejjer Komoros, is-Seychelles u l-Gżira ta’ Réunion, u miżmuma mill-EUNAVFOR;

(b)      it-trasferiment ta’ proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR mill-EUNAVFOR lejn il-Mawrizju, u

(c)      it-trattament tal-persuni ttrasferiti.”

12      Barra minn hekk, il-Ftehim UE‑Mawrizju fl-Artikolu 3 tiegħu jelenka l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment, lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju, tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija miżmuma mill-EUNAVFOR u tal-oġġetti ssekwestrati minn din tal-aħħar. Barra dan, fl-Artikolu 4 tiegħu, dan il-ftehim jirregola t-trattament, il-prosekuzzjonijiet u proċessi ta’ persuni ttrasferiti filwaqt li jipprovdi, fl-Artikolu 5 tiegħu, il-projbizzjoni tal-piena tal-mewt għalihom. L-istess ftehim, fl-Artikolu 6 tiegħu, jipprovdi miżuri li jirrigwardaw dokumenti marbuta mat-trasferimenti tal-imsemmijin persuni, b’mod partikolari dwar ir-reġistri u n-notifiki u fl-Artikolu 7(1) u (2) tiegħu jipprovdi li, fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, l-EUNAVFOR għandha tipprovdi l-assistenza kollha lir-Repubblika tal-Mawrizju għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjonijiet tal-persuni ttrasferiti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(3), li jipprovdi l-possibbiltà għall-partijiet tal-Ftehim UE‑Mawrizju li jaqblu dwar il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, teknika u forom oħra ta’ għajnuna intiżi sabiex jippermettu t-trasferiment u d-detenzjoni tal-persuni ttrasferiti, l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċessi li jikkonċernawhom. Fl-aħħar nett, dan il-ftehim jistabbilixxi, fl-Artikoli 10 u 11 ir-regoli dwar il-modalitajiet tal-implementazzjoni u d-dħul fis-seħħ tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

13      Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill awtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà sabiex jiftaħ negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ persuni bejn l-Unjoni u ċerti Stati terzi, fosthom ir-Repubblika tal-Mawrizju.

14      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kunsill informa lill-Parlament b’din id-deċiżjoni.

15      Sussegwentement għal dawn in-negozjati, fit-12 ta’ Lulju 2011, abbażi tal-Artikoli 37 TUE u 218(5) u (6) TFUE, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha awtorizza l-iffirmar tal-Ftehim UE‑Mawrizju. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Settembru 2011.

16      Il-Ftehim UE‑Mawrizju ġie ffirmat fl-14 ta’ Lulju 2011 u implementat provviżorjament minn dakinhar.

17      Il-Kunsill informa lill-Parlament bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannula d-deċiżjoni kkontestata, tordna ż-żamma tal-effetti ta’ din deċiżjoni sakemm din tiġi sostitwita u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tiddikjara r-rikors parzjalment inammissibbli, li tiċħad bħala infondat il-kumplament tar-rikors u li tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha jinżammu sakemm tiġi ssostitwita.

20      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ġiet ammessa bħala intervenjenti, insostenn tal-Parlament, fil-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq ir-rikors

22      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament jinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6)TFUE u tal-Artikolu 218(10) TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6)TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

23      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament argumenta li l-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna ftehim li jirrigwarda “esklużivament” il-PESK skont l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE u li din id-deċiżjoni għalhekk setgħet tiġi adottata mingħajr l-involviment tal-Parlament.

24      Il-Parlament, sostnut f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, jirrileva mill-bidu nett li l-Artikolu 218(6) TFUE jistabbilixxi regola ġenerali skont liema l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Kunsill għandha tiġi ppreċeduta minn l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament, skont il-każ. Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 218(6) tawtorizza lill-Kunsill sabiex jikkonkludi tali ftehim mingħajr is-sehem tal Parlament “meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-[PESK]”. Din id-dispożizzjoni li għandha għalhekk natura eċċezzjonali, għandha tiġi interpretata strettament, b’tali mod li meta ftehim ma huwiex biss dwar il-PESK, iżda wkoll dwar politiki oħra tal-Unjoni, il-Parlament għandu jiġi assoċjat mal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

25      F’dan il-każ, il-Ftehim UE‑Mawrizju, b’kunsiderazzjoni tal-għan u l-kontenut tiegħu, jirrigwarda mhux biss il-PESK, iżda wkoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-kooperazzjoni tal-pulizija kif ukoll dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

26      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, dan il-ftehim, minn naħa, fih diversi dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 7 tiegħu, intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Mawrizju fir-rigward kemm tal-proċeduri kriminali, inkluża l-ammissibbiltà tal-provi, id-drittijiet tal-persuni u ċerti elementi speċifiċi ta’ dawn il-proċeduri, kif ukoll l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 82(1)(d) u (2)(a) u (b) TFUE. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim jirrigwarda wkoll, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(3) tiegħu, l-appoġġ tat-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal tal-ġustizzja skont l-Artikolu 82(1)(a)TFUE. Barra minn hekk, skont il-Parlament, il-fatt li l-Artikolu 11(5) tal-Ftehim UE‑Mawrizju jipprovdi li l-kompiti mwettqa mill-EUNAVFOR skont dan il-ftehim jistgħu, essenzjalment, jiġu eżegwiti mill-awtoritajiet amministrattivi, jeskludi n-natura militari ta’ dawn il-kompiti. Il-Kummissjoni żżid tgħid f’dan ir-rigward li l-għan u l-kontenut tal-Ftehim UE‑Mawrizju ġġustifikaw li jiġi magħżul l-Artikolu 82 TFUE bħala l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Sussegwentement, fir-rigward, tal-kooperazzjoni tal-pulizija, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim UE‑Mawrizju li jikkonċernaw b’mod partikolari “il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti”, skont l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, u jaqgħu taħt dawk l-attivitajiet normalment imwettqa mill-pulizija skont l-Artikolu 87(1) TFUE.

28      Fl-aħħar nett, dan il-ftehim jikkonċerna l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, sa fejn l-Artikoli 7 u 10(2)(f) jipprovdu l-għoti ta’ għajnuna lir-Repubblika tal-Mawrizju, li huwa pajjiż li qed jiżviluppa skont l-Artikolu 208 TFUE. Din l-għajnuna għandha tiġi mogħtija għall-finijiet ta’ “reviżjoni tal-leġislazzjoni, it-taħriġ tal-investigaturi u l-prosekuturi, il-proċeduri investigattivi u ġudizzjarji, u b’mod partikolari, l-arranġamenti għall-ħżin u l-għoti tal-evidenza u l-proċeduri tal-appell”.

29      Il-Parlament u l-Kummissjoni jikkonkludu li, peress li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għal dawk l-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni, id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun ibbażata fuq il-punti (a) u (v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE u għalhekk adottat wara l-approvazzjoni tal-Parlament.

30      Il-Kunsill, appoġġat mill-Istati Membri intervenenti kollha, jirrispondi essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija ġustament bbażata fuq l-Artikolu 37 TUE u fuq l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE, peress li, skont l-għan u l-kontenut tiegħu, il-Ftehim UE‑Mawrizju jirrigwarda esklużivament il-PESK.

31      Fil-fatt, minn naħa, dan il-ftehim jimplementa l-Azzjoni Konġunta 2008/851 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tagħha, li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ is-sigurtà internazzjonali fil-kuntest tal-politika ta’ sigurtà u d-difiża komuni tal-Unjoni, kif inhu barra minn hekk ikkonfermat permezz tal-Artikolu 2 tal-imsemmija azzjoni konġunta li jiddefinixxi l-kompiti ta’ Atalanta. Madankollu, l-imsemmija politika, skont l-Artikolu 42(1) TUE, tifforma parti integrali mill-PESK.

32      Min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-imsemmi ftehim u, iktar speċifikament, il-fatt li persuna ssuspettata li wettqet atti ta’ piraterija tiġi ttrasferita minn Atalanta għall-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Mawrizju għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, ma jippermettux li jiġi dedott li l-azzjonijiet imwettqa mill-Atalanta jikkostitwixxu kooperazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja skont it-tielet parti tat-Titolu V, tat-Trattat FUE. Fil-fatt, għalkemm ċerti kompiti ta’ Atalanta jistgħu jippreżentaw karatteristiċi eqreb lejn attivitajiet tal-pulizija, il-forzi użati ma jingħatawx ġeneralment, kompetenzi tal-pulizija jew kompetenzi ġudizzjarji, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom.

33      Il-Kunsill iżid jgħid li l-Ftehim UE‑Mawrizju għandu, b’mod partikolarment fl-Artikoli 4 sa 6 u fl-Artikolu 8 tiegħu, miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mir-Repubblika tal-Mawrizju. Madankollu, skont l-Artikolu 21(2)(b) TUE, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati terzi huwa għan li jaqa’ taħt il-PESK.

34      Il-Kunsill jippreċiża wkoll li la l-għan u lanqas il-kontenut tal-imsemmi ftehim ma jippermettu li jiġi konkluż li dan jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jew il-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

35      Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE li kull miżura li tikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, indipendentement mid-dimensjoni esterna eventwali tagħha, għandha tittieħed bil-għan li tinġieb ’il quddiem il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ il-Ftehim UE‑Mawrizju jirrigwarda essenzjalment miżuri meħuda għall-finijiet ta’ tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali ’l barra mix-xtut tas-Somalja u għaldaqstant barra mill-Unjoni.

36      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li miżura ma taqax taħt il-kooperazzjoni fl-iżvilupp meta jkollha bħala għan prinċipali l-implementazzjoni tal-PESK, u dan anki jekk hija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż li qed jiżviluppa (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, EU:C:2008:288, punt 72). F’dan il-każ, l-għajnuna mogħtija lir-Repubblika tal-Mawrizju tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ trasferiment skont il-Ftehim UE‑Mawrizju u l-kapaċità ta’ din tal-aħħar li timplementa dan il-ftehim b’konformità mad-dritt internazzjonali relattiv għad-drittijiet tal-bniedem. Din l-għajnuna ma għandhiex bħala għan l-iżvilupp tar-Repubblika tal-Mawrizju u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix miżura ta’ żvilupp.

37      Il-Parlament jirrispondi, l-ewwel nett, li l-Artikolu 218(3) TFUE joħloq distinzjoni bejn ftehim li jirrigwardaw “esklużivament” il-PESK u dawk li jirrigwardaw “prinċipalment” il-PESK. Il-paragrafu 6 tal-istess artikolu ma jawtorizzax għalhekk lill-Kunsill sabiex jikkonkludi ftehim mingħajr l-assoċjazzjoni tal-Parlament ħlief meta dawn ikunu jirrigwardaw “esklużivament” il-PESK. Min-naħa l-oħra, meta dawn il-ftehim jirrigwardaw biss “prinċipalment” il-PESK u jinkludu miżuri anċillari dwar politiki oħra wkoll, il-Kunsill ma jistax jikkonkludihom mingħajr ma jkun assoċja lill-Parlament minn qabel.

38      Sussegwentement, il-Parlament isostni li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata timplementa tal-Azzjoni Konġunta 2008/851 u li din taqa’ taħt il-PESK mhux biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata taqa’ wkoll taħt din il-politika. Fil-fatt, l-Azzjoni Konġunta 2008/851 u d-deċiżjoni kkontestata għandhom kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet differenti, peress li Atalanta hija operazzjoni ta’ natura militari li taqa’ taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni intiża għal qbid tal-preżunti pirati, filwaqt li l-missjonijiet fdati f’idejn ir-rappreżentanti tal-Unjoni u f’idejn l-EUNAVFOR skont il-Ftehim UE‑Mawrizju, sa fejn jipprovdu, b’mod partikolari, it-trasferiment ulterjuri eventwali tal-persuni ssuspettati u l-bidu ta’ presekuzzjonijiet fil-konfront tagħhom, ma għandhomx natura militari u jmorru lil hinn mill-għan ta’ Atalanta.

39      Il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti jargumentaw, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk ftehim jirrigwardax “esklużivament” il-PESK skont tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE għandha tiġi riżolta biss skont il-bażi legali materjali tal-imsemmi ftehim. Madankollu, ftehim, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li huwa bbażat unikament fuq l-Artikolu 37 TUE, jirrigwarda “esklużivament” il-PESK.

40      Fl-opinjoni tal-Kunsill, dan l-approċċ ma jistax jiġi kkontestat bid-distinzjoni bejn it-termini “prinċipalment” u “esklużivament” li jidhru fl-Artikolu 218(3) u (6) TFUE. Fil-fatt, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, billi jirreferi għall-ftehim li jirrigwarda “esklużivament jew prinċipalment” il-PESK, huwa intiż sabiex jippreċiża l-awtorità awtorizzata li tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ta’ nnegozjar ta’ dawn il-ftehim, filwaqt li l-paragrafu 6 tal-istess artikolu, billi jsemmi l-ftehim li jirrigwardaw “esklużivament” il-PESK, jikkonċerna l-konklużjoni ta’ tali ftehim.

41      Ir-Repubblika Ċeka żżid tgħid li l-Artikolu 218(6) TFUE huwa bbażat fuq paralleliżmu bejn is-setgħat tal-Parlament fuq livell intern u livell estern. Din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant l-għan li tiggarantixxi li l-Parlament ikollu l-istess rwol kemm għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ att intern. F’dan il-kuntest ir-Repubblika Ċeka, filwaqt li tfakkar li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha biss natura proċedurali, tirrileva li dawn ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda hija l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

42      Ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit jippreċiżaw li l-interpretazzjoni sostnuta mill-Parlament tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, minn naħa, taffettwa l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-trattati, li jipprovdu rwol strettament limitat tal-Parlament fl-implementazzjoni tal-PESK, kif jirriżulta wkoll, b’mod partikolari, mill-Artikolu 36 TUE. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni, li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri fil-qasam tal-PESK favur proċeduri previsti mit-Trattat FUE, tmur kontra l-Artikolu 40 TUE. Fil-fatt, dan jiggarantixxi li l-kompetenzi koperti mit-Trattat FUE ma jinfluwenzawx lil dawk ipprovduti mill-PESK. Barra minn dan, l-imsemmija interpretazzjoni tagħti lill-Parlament dritt ta’ veto fil-qasam tal-PESK, kuntrarjament għall-għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jagħtu rwol iktar limitat lill-Parlament fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Għandu jitfakkar mill-bidu nett li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami ta’ miżura juri li hija ssegwi żewġ għanijiet jew li għandha komponent doppju u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor huwa biss anċillari, dak l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Jekk min-naħa l-oħra miżura tipprova tilħaq fl-istess ħin diversi għanijiet jew għandha diversi komponenti li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor, b’tali mod li, dispożizzjonijiet differenti tat-trattati jkunu applikabbli, tali miżura għandha tkun ibbażata, b’mod eċċezzjonali, fuq il-bażijiet legali korrispondenti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 42 sa 44).

44      Madankollu, bil-għan li tiġi ddelimitata l-portata tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat li permezz ta’ dan il-motiv il-Parlament, kif wara kollox diġà kkonferma huwa stess matul is-seduta, mhux qed isostni li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi msejsa fuq bażi legali materjali oħra għajr l-Artikolu 37 TUE, filwaqt li l-Parlament jirrikonoxxi espressament li din id-deċiżjoni kif ukoll il-Ftehim UE‑Mawrizju għandhom għan kopert mill-PESK.

45      Barra dan, il-Parlament jirrikonoxxi li, minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni u l-imsemmi ftehim għandhom għanijiet li jaqgħu wkoll taħt politiki oħra tal-Unjoni barra l-PESK, dawn l-għanijiet huma anċillari għal dik li taqa’ taħt din politika u li, peress li dan l-aħħar għan jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat bħala ewlieni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, din tista’ validament tiġi bbażata biss fuq l-Artikolu 37 TUE bl-esklużjoni ta’ kull bażi legali materjali oħra.

46      Min-naħa l-oħra, il-Parlament jsostni li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-Ftehim UE‑Mawrizju għandhom, anki jekk biss b’mod anċillari, għanijiet oħra barra dawk li jaqgħu taħt il-PESK huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-imsemmija deċiżjoni taqa’ esklużivament taħt din il-politika skont l-Artikolu 218(6) TFUE.

47      Din l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

48      Ċertament, b’konformità mal-formulazzjoni tal-Artikolu 218(6) TFUE, il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali wara approvazzjoni jew konsultazzjoni tal-Parlament, “[għajr] meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-[PESK]”.

49      Madankollu, din il-formulazzjoni ma tippermettix, waħidha, li tasal għall-interpretazzjoni univoka ta’ din dispożizzjoni.

50      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jsegwi għan prinċipali li jaqa’ taħt il-PESK, l-imsemmija formulazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit la li, kif qed jallega l-Kunsill, din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala “tikkonċerna esklużivament il-[PESK]” għas-sempliċi raġuni li hija msejsa fuq bażi legali materjali li taqa’ taħt din il-politika bl-esklużjoni tal-bażijiet legali materjali oħra, u lanqas li, kif isostni l-Parlament, l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda wkoll oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-għanijiet anċillari tagħha barra dak, prinċipali, li jaqa’ taħt il-PESK.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll l-għanijiet u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 37, u Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34).

52      Fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 218 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan l-artikolu, sabiex jissodisfa rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ koerenza u ta’ razzjonalizzazzjoni, issa jipprovdi proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali li tikkonċerna n-negozzjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija kompetenti li tikkonkludi fl-oqsma ta’ azzjoni tagħha, inkluża l-PESK, salv fejn it-Trattati jipprovdu għal proċeduri speċjali.

53      Madankollu, din il-proċedura, preċiżament minħabba n-natura ġenerali tagħha, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tagħha ppreveduti fit-trattati għal kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet.

54      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi speċifiċi, l-Artikolu 218(6) TFUE fih tliet tipi ta’ proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li kull wieħed minnhom jipprovdi rwol differenti għall-Parlament. Għalhekk, din l-istituzzjoni tista’ tiġi msejħa sabiex tapprova l-konklużjoni ta’ ftehim, jew tista’ tkun ikkonsultata biss f’dan ir-rigward jew inkella tiġi eskluża mill-proċess ta’ konklużjoni tal-ftehim, bla ħsara, madankollu, għad-dritt tagħha li tkun informata immedjatament u kompletament dwar l-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218(10) TFUE.

55      Kif jista’ jiġi dedott b’mod partikolari mill-punti (a) u (v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, din id-distinzjoni hija intiża li tirrifletti, fuq il-livell estern, it-tqassim tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet li japplikaw fuq il-livell intern. Fil-fatt, it-Trattat ta’ Lisbona, minn naħa, kien jeżiġi l-approvazzjoni tal-Parlament għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali preċiżament għall-ftehim li jkopru oqsma li, fuq livell intern, trid tiġi applikata lilhom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ipprovduta fl-Artikolu 294 TFUE, jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali, iżda unikament meta din ikollha bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-konklużjoni ta’ tali ftehim hija eskluża biss meta dan tal-aħħar jirrigwarda esklużivament il-PESK, fil-kuntest tal-liema t-Trattat ta’ Lisbona ta rwol limitat lill-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, EU:C:2012:472, punt 82).

56      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punti 30 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 218(6) TFUE jistabbilixxi simetrija bejn il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni fuq il-livell intern u l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ ftehim internazzjonali bil-għan li jiġi ggarantit li, fir-rigward ta’ qasam speċifiku, il-Parlament u l-Kunsill ikollhom l-istess setgħat, fir-rispett tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-trattati.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa preċiżament bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett effettiv għal din is-simetrija li r-regola stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema hija l-bażi legali materjali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il-Kunsill, EU:C:2012:472, punt 80), tapplika mhux biss għall-proċeduri previsti għall-adozzjoni ta’ att intern, iżda wkoll għal dawk applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

58      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li hija l-bażi legali materjali tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li tiddetermina t-tip ta’ proċedura applikabbli taħt il-paragrafu 6 ta’ din dispożizzjoni.

59      B’mod partikolari, meta d-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni hija validament ibbażat esklużivament fuq bażi legali materjali li taqa’ taħt il-PESK, hija t-tip ta’ proċedura prevista fl-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, li għandha tiġi applikata.

60      Din l-interpretazzjoni hija iktar u iktar iġġustifikata fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta maċ-ċertezza legali. Fil-fatt, permezz tal-ankrar tal-bażi legali proċedurali mal-bażi legali materjali ta’ att, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi ddeterminata l-proċedura applikabbli abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, kif imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, din tiżgura, il-koerenza fl-għażla tal-bażijiet legali ta’ att. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Parlament kien ikollha bħala konsegwenza li ddaħħal grad ta’ inċertezza u nuqqas ta’ koerenza f’din l-għażla, sa fejn hija tista’ tiddetermina l-applikazzjoni ta’ proċeduri differenti għal atti tad-dritt tal-Unjoni li huma bbażati fuq l-istess u l-unika bażi legali materjali.

61      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, dan ma jiġġustifikax interpretazzjoni differenti. B’mod partikolari, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Artikolu 218 TFUE, il-fatt allegat mill-Parlament li l-Artikolu 218(3) TFUE jirreferi għal ftehim li jirrigwardaw “esklużivament jew prinċipalment” il-PESK, filwaqt li l-paragrafu 6 tal-istess artikolu ma jsemmix ħlief il-ftehim li jirrigwardaw “esklużivament” il-PESK, ma jipprovdi l-ebda bażi għall-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni mressqa mill-Parlament. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ paragrafi jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti. Għalkemm l-Artikolu 218(3) TFUE huwa intiż sabiex jippreċiża l-awtorità awtorizzata li tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ta’ nnegozjar ta’ dawn il-ftehim, u għaldaqstant isseħħ fi stadju qabel il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, il-paragrafu 6 tal-istess artikolu jikkonċerna id-deċiżjoni tal-Kunsill li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ tali ftehim.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi adottata mingħajr approvazzjoni jew konsultazzjoni tal-Parlament.

63      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

64      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Parlament isostni li, peress illi ma infurmahx “immedjatament u kompletament” fl-istadji kollha tan-negozjar u tal-konklużjoni tal-Ftehim UE‑Mawrizju, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(10) TFUE, li japplika għal ftehim kollha konklużi mill-Unjoni, inklużi dawk koperti mill-PESK.

65      B’mod partikolari, il-Parlament ma ġiex immedjatament informat, peress li il-Kunsill ittrażmettilu t-testi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Ftehim UE‑Mawrizju biss fis-17 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ din deċiżjoni u l-iffirmar tal-imsemmi ftehim, li seħħew, rispettivament, fit-12 ta’ Lulju u fl-14 ta’ Lulju 2011, kif ukoll 17-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

66      Il-Kunsill, li l-argumenti tiegħu huma essenzjalment appoġġati mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit, jeċepixxi, prinċipalment, l-inammissibbiltà tat-tieni motiv. Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni kkontestata taqa’ taħt esklużivament taħt il-PESK, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’kunsiderazzjoni tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-legalità tagħha.

67      Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li dan il-motiv huwa infondat, sa fejn il-Parlament, fir-realtà, kien ġie debitament informat. B’mod partikolari, it-terminu li fih il-Parlament ġie informat bid-deċiżjoni kkontestata, anki jekk ftit itwal mill-prassi normali, tibqa’ raġonevoli, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li kien hemm il-vaganzi tas-sajf.

68      F’dak li jikkonċerna il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament iwieġeb li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jeskludiha biss f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, li jidhru fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, u mhux dwar dak li jikkonċerna l-Artikolu 218(10) TFUE, li l-ksur tiegħu qed jiġi allegat mit-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni motiv, għandu jitfakkar, kif sostna l-Kunsill, li mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom.

70      Madankollu, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275, idaħħlu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiżguraw l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

71      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata abbażi ta’ bażi legali materjali unika li taqa’ taħt il-PESK, jiġifieri l-Artikolu 37 TUE, mill-preambolu ta’ din deċiżjoni jirriżulta li l-bażi legali proċedurali tagħha huwa l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE, li jirregola l-proċedura tal-iffirmar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

72      Madankollu, kif ġie wkoll ippreċiżat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 218 TFUE għandha portata ġenerali u għalhekk hija intiża li tapplika, bħala prinċipju, għall-ftehim internazzjonali kollha nnegozjati u konklużi mill-Unjoni fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tagħha, inkluża fil-PESK li, kuntrarjament għal oqsma oħra, ma huwiex suġġett għal ebda proċedura speċjali.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi argumentat li l-portata tal-limiti derogatorji tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja pprovduta fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE testendi ruħha sabiex teskludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjoni bħall-Artikolu 218 TFUE, li ma jaqax taħt il-PESK, anki jekk hija tipprovdi l-proċedura li abbażi tagħha att li jaqa’ fil-PESK jkun ġie adottat.

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni motiv.

75      Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna, il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 218(10) TFUE jipprovdi li l-Parlament “għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura” bin-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali pprovdut minn dan l-artikolu.

76      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Parlament ma kienx ġie informat immedjatament fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ nnegozjar u ta’ konklużjoni tal-Ftehim UE‑Mawrizju.

77      Fil-fatt, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara li l-Parlament ġie informat bil-ftuħ tan-negozjati, il-Kunsill informah biss bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bl-iffirmar tal-imsemmi ftehim tliet xhur tard u 17-il jum wara il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

78      Minn dan isegwi li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218(10) TFUE.

79      Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mill-argument tal-Kunsill skont liema, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet diġà ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea anki jekk il-Parlament seta’ kien f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħha. Fil-fatt, din il-pubblikazzjoni hija pprovduta fl-Artikolu 297 TFUE u tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ pubbliċità li huwa suġġett għalih att tal-Unjoni sabiex jidħol fis-seħħ, filwaqt li r-rekwiżit ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 218(10) TFUE, huwa pprovdut sabiex jiżgura li l-Parlament ikun jista’ jeżerċita kontroll demokratiku fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u, iktar speċifikament, li jkun jista’ jivverifika li l-kompetenzi tiegħu jiġu osservati b’mod preċiż konsegwentement għall-għażla tal-bażi legali ta’ deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim.

80      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li r-regola proċedurali pprovduta f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li ksur tiegħu jwassal għan-nullità tal-att li jkun ivvizzjat.

81      Fil-fatt, din ir-regola hija l-espressjoni tal-prinċipji demokratiċi li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-involviment tal-Parlament fil-proċess deċiżjonali huwa r-rifless, fil-livell tal-Unjoni, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali skont liema l-poplu jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Roquette Frères vs Il-Kunsill, 138/79, EU:C:1980:249, punt 33, u Il‑Parlament vs Il-Kunsill, EU:C:2012:472, punt 81).

82      F’din il-perspettiva, it-Trattat ta’ Lisbona vvalorizza wkoll, fuq il-livell sistematiku, l-importanza tal-imsemmija regola billi inkludieha f’dispożizzjoni awtonoma, applikabbli għat-tipi kollha ta’ proċedura pprovduti fl-Artikolu 218 TFUE.

83      Ċertament, kif ġie mfakkar ukoll fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ir-rwol li t-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Parlament fil-qasam tal-PESK jibqa’ limitat.

84      Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din il-konstatazzjoni li l-Parlament, filwaqt li kien eskluż mill-proċedura ta’ nnegozzjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim li jirrigwarda esklużivament il-PESK, huwa nieqes minn kwalunkwe kontroll fuq din il-politika tal-Unjoni.

85      Għall-kuntrarju, huwa eżattament għal dan l-iskop li r-rekwiżit ta’ informazzjoni pprovdut fl-Artikolu 218(10) TFUE japplika għal kull proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, inklużi l-ftehim li jirrigwardaw esklużivament il-PESK.

86      Madankollu, sa fejn il-Parlament ma kienx immedjatament u kompletament informat fl-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218(10) TFUE, inkluża dik ta’ qabel il-konklużjoni tal-ftehim, ma huwiex kapaċi jeżerċita d-dritt ta’ skrutinju li t-trattati tawh fil-qasam tal-PESK u, jekk ikun il-każ, li jsostni l-opinjoni tiegħu f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-bażi legali korretta li fuqha l-att inkwistjoni għandu jiġi bbażat. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit tal-informazzjoni joħloq, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ksur tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, mill-Parlament, tal-funzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-PESK u jikkostitwixxi konsegwentement ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv huwa fondat u d-deċiżjoni kkontestata għandha, għaldaqstant, tiġi annullata.

 Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

88      Kemm il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll il-maġġoranza tal-Istati Membri intervenjenti, qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li żżomm l-effetti tagħha sakemm hija tiġi ssostitwita.

89      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk hija tikkunsidra dan neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom ikunu kkunsidrati bħala definittivi.

90      Madankollu, għandu jiġi ammess li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu l-effetti tagħha jista’ jfixkel il-progress tal-operazzjonijiet mibdija abbażi tal-Ftehim UE‑Mawrizju u, b’mod partikolari, l-effettività sħiħa ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ proċessi ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija maqbuda mill-EUNAVFOR.

91      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata li annullament tagħha huwa ddikjarat b’din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-paragrafu 3 tal-istess artikolu, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

93      Peress li f’din il-kawża kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

94      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment, hija annullata.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/640/PESK għandhom jinżammu fis-seħħ.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

4)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.