Language of document : ECLI:EU:C:2018:2

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2018 (1)

Kawża C-673/16

Relu Adrian Coman,

Robert Clabourn Hamilton,

Asociaţia Accept

vs

Inspectoratul General pentru Imigrări,

Ministerul Afacerilor Interne,

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea Constituţională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 2(2)(a) – Kunċett ta’ ‘konjuġi’ – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni – Żwieġ bejn persuni tal-istess sess – Nuqqas ta’ rikonoxximent taż-żwieġ mill-Istat ospitanti – Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘membru ieħor tal-familja’ – Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Artikoli 7 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 2(2)(a), l-Artikolu 3(1) u 3(2)(a) u 3(2)(b) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (2).

2.        Hija tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tippronunzja ruħha, għall-ewwel darba, dwar il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest ta’ żwieġ konkluż bejn żewġt irġiel. L-eżerċizzju huwa delikat peress li, jekk iż-żwieġ huwa istituzzjoni ġuridika, u dan fil-kuntest speċifiku u limitat tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, id-definizzjoni li ser tiġi adottata tal-kunċett “konjuġi” ser taffettwa, neċessarjament, l-identità stess tal-irġiel u nisa kkonċernati – u allura d-dinjità tagħhom –, imma wkoll it-tifsira personali u soċjali li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom taż-żwieġ, li tista’ tvarja minn persuna għal oħra, minn Stat Membru għall-ieħor.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

3.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” jipprovdi li:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

4.        Skont l-Artikolu 9 tal-Karta, “[i]d-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja huma ggarantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet”.

5.        L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprojbixxi min-naħa tiegħu “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, ilkaratteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali”.

2.      It-Trattat FUE

6.        Skont l-Artikolu 21 TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

3.      Id-Direttiva 2004/38

7.        Il-premessi 2, 5, 6 u 31 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu li:

“(2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

[…]

(5)      Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ ‘membri tal-familja’ għandha tinkludi wkoll is-sieħeb/sieħba reġistrat/reġistrata jekk il-leġislazzjoni tal-Membru Stat li qed jospita jikkonsidra koppja bħal din bħala ekwivalent għal żwieġ.

(6)      Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

[…]

(31)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva minħabba sess, razza, kulur tal-ġilda, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, sħubija f’minoranza etnika, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew preferenzi sesswali”.

8.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [konjuġi];

b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

[…]”

9.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

b)      is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies”.

10.      L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi:

“1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ)”.

B.      Id-dritt Rumen

11.      Skont l-Artikolu 259(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili:

“1. Iż-żwieġ huwa l-unjoni volontarja bejn raġel u mara, konkluż taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

2. Ir-raġel u l-mara għandhom id-dritt li jiżżewġu biex jgħaqqdu familja”.

12.      Skont l-Artikolu 277(1), (2) u (4) tal-Kodiċi Ċivili:

“1. Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa pprojbit.

2. Iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi jew ikkuntrattati barra mill-pajjiżi minn ċittadini Rumeni jew minn barranin ma humiex irrikonoxxuti fir-Rumanija. […]

4. Id-dispożizzjonijiet legali dwar il-moviment liberu fit-territorju Rumen taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-[Unjoni] u taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu applikabbli”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

13.      R. Coman huwa ċittadin Rumen li għandu wkoll in-nazzjonalità Amerikana. Huwa ltaqa’ ma’ R. Hamilton, ċittadin Amerikan, fi New York (Stati Uniti) f’Ġunju 2002. Huma kkoabitaw hemmhekk minn Mejju 2005 sa Mejju 2009. F’dik id-data, R. Coman stabbilixxa ruħu fi Brussell biex jaħdem fil-Parlament Ewropew bħala assistant parlamentari, mentri R. Hamilton baqa’ fi New York. Huma żżewġu fi Brussell fil-5 ta’ Novembru 2010.

14.      F’Marzu 2012, R. Coman waqaf jaħdem mal-Parlament Ewropew u baqa’ fi Brussell. F’Diċembru 2012, R. Coman u żewġu bdew bil-passi amministrattivi mal-amministrazzjoni Rumena sabiex jiksbu d-dokumenti neċessarji biex R. Coman ikun jista’, flimkien mal-konjuġi tiegħu mhux ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jaħdem u jirrisjedi legalment fir-Rumanija għal żmien ta’ iktar minn tliet xhur.

15.      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2013, l-Inspectoratul General pentru Imigrări (l-Ispettorat Ġenerali Responsabbli mill-Immigrazzjoni, ir-Rumanija) ta risposta negattiva għat-talba tagħhom. Skont din l-ittra, l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza temporanja ta’ ċittadin Amerikan fiċ-ċirkustanzi previsti mil-leġiżlazzjoni Rumena fil-qasam tal-immigrazzjoni magħqud mad-dispożizzjonijiet legali l-oħra rilevanti f’dan il-qasam ma tistax tingħata għall-iskop tar-riunifikazzjoni familjari.

16.      Fit-28 ta’ Ottubru 2013, R. Coman u R. Hamilton ippreżentaw, flimkien mal-Asociaţia Accept, rikors kontra d-deċiżjoni tal-Inspectoratul General pentru Imigrări (l-Ispettorat Ġenerali Responsabbli mill-Immigrazzjoni) quddiem il-Judecătoria Sectorului 5 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-settur 5 ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

17.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huma invokaw eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 277(2) u (4) tal-Kodiċi Ċivili. Skont dawn, in-nuqqas ta’ rikonoxximent taż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi barra mill-pajjiż, għall-iskopijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni Rumena li jipproteġu d-dritt għall-ħajja intima, għall-ħajja tal-familja u għall-ħajja privata kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

18.      Fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Judecătoria Sectorului 5 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-settur 5 ta’ Bukarest) adixxiet lill-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) sabiex din tippronunzja ruħha dwar l-imsemmija eċċezzjoni. Din tal-aħħar iddikjarat li din il-kawża tirrigwarda biss ir-rikonoxximent tal-effetti ta’ żwieġ legalment konkluż barra mill-pajjiż bejn ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu tal-istess sess, ċittadin ta’ pajjiż terz, fid-dawl tad-dritt għall-ħajja familjari u tad-dritt għall-moviment liberu, meqjusin mill-anglu tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali. F’dan il-kuntest, hija wriet dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil diversi kunċetti użati mid-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Karta u tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar id-dritt għall-ħajja familjari. Hija ddeċidiet, għaldaqstant, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2016, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2016, il-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) iddeċidiet għaldaqstant li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘r-raġel jew martu [konjuġi]’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38/[KE] 1, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi l-konjuġi [ċittadin ta’] Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, [tal-istess sess bħaċ-]ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 3(1) u 7[2] (3) tad-Direttiva 2004/38/[KE], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-konjuġi [ċittadin ta’] Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, [li hu tal-istess sess bħaċ-]ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti, jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘kwalunkwe membri oħrajn tal-familja […]’ fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38/[KE] jew bħala ‘is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata’ fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38/[KE], bl-obbligu li jirriżulta għall-Istat Membru ospitanti li jiffavorixxi d-dħul u r-residenza tal-persuna kkonċernata, anki jekk l-Istat ospitanti ma jirrikonoxxix iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u ma jipprevedi l-ebda mezz alternattiv ta’ rikonoxximent legali, bħas-sħubijiet irreġistrati?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikoli 3(2) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38/[KE], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?”

20.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Rumen, dak Ungeriż, dak Olandiż u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

21.      Barra minn hekk, ħlief għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma kollha ttrattaw oralment waqt is-seduta li nżammet fil-21 ta’ Novembru 2017. Il-Gvern Latvjan u l-Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării, li ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, setgħu wkoll jittrattaw fuq l-argumenti tagħhom waqt din is-seduta.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

22.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jiddefinixxi l-“benefiċjarji” ta’ din id-direttiva bħala “ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u l-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom” (4).

23.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, R. Hamilton ma jistax għaldaqstant jinvoka d-direttiva favurih. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet b’mod partikolarment ċar il-Qorti tal-Ġustizzja, “minn interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li dawn ma jippermettux li jiġi bbażat dritt ta’ residenza derivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità” (5).

24.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dritt ta’ residenza dderivat seta’ jkun ibbażat, f’ċerti ċirkustanzi, fuq l-Artikolu 21(1) TFUE u li, f’dak il-kuntest, id-Direttiva 2004/38 kellha tkun applikata b’analoġija (6).

25.      Fil-fatt, kieku ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jkollux dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità, dan jista’ jiġi dissważ milli jitlaq dak l-Istat Membru sabiex jeżerċita attività bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza, għal dan il-ħaddiem, li jkun jista’ jkompli, wara li jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini, ħajja tal-familja eventwalment mibdija fl-Istat Membru ospitanti (7). Biex ikun jista’ jibbenefika minn dan id-dritt ta’ residenza, ir-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha madankollu tkun ikkaratterizzata minn biżżejjed effettività sabiex tippermettilu jiżviluppa jew jikkonsolida ħajja tal-familja (8).

26.      Illum huwa paċifiku li, “meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-aħħar Stat Membru, l-effettività tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ li l-ħajja tal-familja li dan iċ-ċittadin ikun għex fl-Istat Membru ospitanti tkun tista’ titkompla meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, permezz tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat, lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza derivat, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma għandux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġni tiegħu ħajja tal-familja flimkien mal-qraba tiegħu kif żviluppata jew ikkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti” (9).

27.      F’dan il-każ, jidher li ċertament R. Coman u R. Hamilton ikkonsolidaw sewwasew ħajja tal-familja fl-okkażjoni tar-residenza effettiva fil-Belġju tal-ewwel wieħed, ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, wara li kkoabita għal erba’ snin fi New York u stabbilixxa, f’dik l-okkażjoni, ħajja tal-familja (10), ir-relazzjoni tagħhom ġiet ikkonsolidata inkontestabbilment biż-żwieġ tagħhom, fi Brussell, fil-5 ta’ Novembru 2010.

28.      Il-fatt li R. Hamilton ma għex b’mod mhux interrott ma’ R. Coman f’dik il-belt ma jistax ineħħi mir-relazzjoni tagħhom in-natura effettiva tagħha. Fil-fatt, f’dinja globalizzata, ma huwiex rari li koppja li wieħed mill-membri tagħha jaħdem barra mill-pajjiż ma jaqsmux l-istess dar għal perijodi xi ftit jew wisq twal minħabba d-distanza li tissepara ż-żewġ pajjiżi, l-aċċessibbiltà tal-mezzi ta’ trasport, l-impjieg tal-konjuġi l-ieħor jew ukoll l-iskola tat-tfal. Din l-assenza ta’ koabitazzjoni ma tistax, minnha nfisha, taffettwa l-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli vera – li hija l-każ – u, konsegwentement l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja (11).

29.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jibqgħu għaldaqstant rilevanti peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontemplati fit-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tkun utli għas-sentenza fil-kawża li għandha quddiemha l-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija).

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “konjuġi” użat fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta, japplikax għal ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa legalment miżżewweġ skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti.

31.      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jipproponu żewġ risposti totalment opposti. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Skont din, iċ-ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa legalment miżżewweġ skont id-dritt ta’ Stat Membru jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konjuġi”. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Rumen, dak Latvjan u dak Pollakk u jikkunsidraw li dan il-kunċett ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni imma għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru ospitanti.

32.      Din l-aħħar teżi ma jidhirlix li tista’ tiġi segwita. Min-naħa l-oħra, jidhirli li għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni awtonoma u li din twassal biex il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 jinftiehem indipendentement mis-sess tal-persuna li tkun miżżewġa lil ċittadin tal-Unjoni.

1.      Interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “konjuġi”

33.      Għalkemm l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 dwar is-sieħeb/sieħba reġistrat jirreferi għall-“kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti”, l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kwalità ta’ “konjuġi”.

34.      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit kemm tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment speċifiku għal-liġi tal-Istati Membri sabiex tiddetermina t-tifsira u l-għan tagħha għandha normalment tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni (12). Din l-interpretazzjoni għandha titfittex billi jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (13).

35.      Din il-metodoloġija ġiet espressament użata fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38; ma narax raġuni għalfejn wieħed għandu jevitaha għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” (14).

36.      Ċertament, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni fuq l-istat ċivili taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax dik il-kompetenza (15). Madankollu, għandhom isiru żewġ rimarki f’dan ir-rigward.

37.      Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita u trasversali, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (16). Il-materji li jirrigwardaw l-istat ċivili tal-persuni ma jidderogawx minn din ir-regola, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni għandhom ikunu osservati (17).

38.      Min-naħa l-oħra, il-problema ġuridika fiċ-ċentru tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex dik tal-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess imma dik tal-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni. Issa, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jipprovdu jew ma jipprovdux għaż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sitwazzjoni li hija rregolata minn leġiżlazzjonijiet li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jista’ jkollha “relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni li tipprekludi li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat [liċ]-ċittadini [ta’ pajjiż terz] fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata” (19).

39.      Ir-reġistrazzjoni taż-żwieġ – mifhum biss bħala l-unjoni bejn raġel u mara – f’ċerti kostituzzjonijiet nazzjonali (20) ma hijiex tali li tbiddel dan l-approċċ.

40.      Fil-fatt, kieku kellu jiġi kkunsidrat li t-tifsira taż-żwieġ tmiss l-identità nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri – ħaġa li ma ġiet sostnuta espressament minn ebda wieħed mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, imma biss mill-Gvern Latvjan waqt is-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017 –, l-obbligu li tiġi rrispettata dik l-identità, li tinsab fl-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax jinqara indipendentement mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fil-paragarfu 3 tal-istess dispożizzjoni. Skont dan il-paragrafu, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-trattati jew mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

41.      Issa, f’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jaqgħu esklużivament fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, hemm bżonn biss li tiġi ppreċiżata l-portata ta’ obbligu li jirriżulta minn att tal-Unjoni. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi”, limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri, ma tippreġudikax il-libertà attwali tal-Istati Membri fir-rigward tal-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess (21).

42.      Barra minn hekk, kif ser nesponi fl-analiżi tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, id-drittijiet fundamentali marbutin mal-kunċett ta’ “konjuġi” jipprekludu wkoll interpretazzjoni li tista’ tipprekludi jew trendi iktar diffiċli li ċittadin/a tal-Unjoni omosesswali j/tkun akkumpanjat/a bil-persuna li lilha huwa (jew hija) miżżewweġ jew miżżewġa.

2.      Fuq il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

43.      Għaldaqstant, għandha tiġi mfittxija interpretazzjoni tal-kelma “konjuġi” użata fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjoni, tal-kuntest tagħha u tal-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38.

a)      Fuq il-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38

44.      Id-Direttiva 2004/38 ma tiddefinixxix il-kelma “konjuġi” li hija tuża f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(2)(a).

45.      Madankollu, l-istruttura tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 magħquda mal-Artikolu 3(2)(b) tal-istess direttiva, tippermetti li jiġi affermat li l-kunċett ta’ “konjuġi” jirreferi għal dak taż-“żwieġ”.

46.      Fil-fatt, barra mid-dixxendenti diretti u l-axxendenti diretti msemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2004/38, il-“membr[i] tal-familja” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 huma l-konjuġi u s-sieħeb/sieħba li miegħu/magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni daħal jew daħlet f’kuntratt ta’ konvivenza rreġistrata. L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 iżid mal-benefiċjarji tad-direttiva “is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”.

47.      B’riskju li jkunu irrilevanti, dawn it-tliet ipoteżijiet jikkonċernaw neċessarjament is-sitwazzjonijiet differenti, minn dawk l-iktar restrittivi għal dawk l-iktar flessibbli mill-perspettiva legali. Peress li s-sempliċi relazzjoni mingħajr ebda rabta ġuridika tissemma fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 u peress li l-eżistenza ta’ unjoni rreġistrata tissemma fl-Artikolu 2(2)(b) tad-direttiva, dan hu dak li għalih tirreferi l-kelma “konjuġi” fit-tielet u l-aħħar ipoteżi legalment konċepibbli, jiġifieri rapport ibbażat fuq iż-żwieġ (22).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà, impliċitament imma ċertament, assoċjat maż-żwieġ il-kunċett ta’ “konjuġi” użat fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, fl-okkażjoni tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 kellu jiġi interpretat fis-sens li “ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li tiegħu mhuwiex ċittadin, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, indipendement mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom kif ukoll mill-mod kif dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti” (23).

49.      Għaldaqstant għalkemm hemm ċertezza li l-kelma “konjuġi” użata fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 tirreferi għaż-żwieġ, hija madankollu newtrali għal dak li jirrigwarda s-sess u indifferenti fir-rigward tal-post fejn dan sar.

50.      In-nuqqas ta’ effett tal-post fejn ġie konkluż iż-żwieġ huwa kkonfermat, a contrario, mill-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirreferi espressament għad-dritt tal-Istat Membru ospitanti f’każ ta’ unjoni rreġistrata. Din id-differenza tista’ faċilment tiġi spjegata bil-fatt li l-istituzzjoni ġuridika taż-żwieġ tippreżenta ċerta universalità – talinqas preżunta – fid-drittijiet u obbligi li hija tagħti lill-konjuġi, mentri l-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw l-“konvivenzi” huma diversi u varji fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tagħhom, kif ukoll fil-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom (24). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni rriżerva l-benefiċċju tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 għall-unjonijiet irreġistrati “ugwali għal żwieġ” (25).

51.      Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 jippermetti min-naħa tiegħu li tiġi kkonfermata n-natura deliberata tan-newtralità tal-kelma magħżula. Fil-fatt, filwaqt li l-kelma “konjuġi” kienet diġà użata mingaħjr indikazzjoni oħra mill-Kummissjoni fil-proposta inizjali tagħha (26), il-Parlament xtaq li l-indifferenza fis-sess tal-persuna tissemma billi jiżdiedu l-kliem “ikun x’ikun is-sess, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika fir-rigward” (27). Madankollu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea esprima l-eżitazzjoni tiegħu li jagħżel definizzjoni tal-kelma “konjuġi” li tkun tinkludi espliċitament il-konjuġi tal-istess sess peress li kienu biss żewġ Stati Membri li, dak iż-żmien, kienu adottaw leġiżlazzjoni li tawtorizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet ukoll tikkonstata li d-definizzjoni taż-żwieġ ġeneralment aċċettata dak iż-żmien mill-Istati Membri kienet tirreferi għall-unjoni bejn żewġ persuni tas-sess oppost (28). Billi bbażat ruħha fuq it-tħassib tal-Kunsill, il-Kummissjoni ppreferiet “tillimita l-proposta tagħha għal kunċett ta’ konjuġi li jirreferi, fil-prinċipju, għall-konjuġi ta’ sess differenti, sakemm ma jkunx hemm evoluzzjoni fil-futur” (29).

52.      Għaldaqstant, jidhirli li ma jistax jinstilet argument minn dan ix-xogħol preparatorju favur xi teżi minnhom jew oħra. Fil-fatt, ċertament li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien perfettament konxju mill-kontroversja li seta’ jkun hemm fuq l-interpretazzjoni tal-kelma “konjuġi” mingħajr definizzjoni ulterjuri. Madankollu, ma riedx jippreċiża dan il-kunċett, kemm jekk biex jillimitah għaż-żwieġ eterosesswali jew, min-naħa l-oħra, biex jikkontempla ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess – il-Kummissjoni enfasizzat madankollu espressament il-possibbiltà ta’ evoluzzjoni ta’ dan is-suġġett. Din ir-riżerva tal-Kummissjoni hija essenzjali. Hija teskludi li s-sens tal-kunċett ta’ “konjuġi” jkun iffriżat b’mod permanenti u ermetiku għall-iżviluppi fis-soċjetà (30).

53.      Għaldaqstant, minn dan l-ewwel eżami jirriżulta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 hija newtrali. Din l-għażla tal-leġiżlatur tawtorizza interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” indipendenti mill-post taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u mill-kwistjoni tas-sess tal-persuni kkonċernati. Il-kuntest u l-għan tad-Diretiva 2004/38 jikkonfermaw din l-interpretazzjoni.

b)      Fuq il-kuntest tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

54.      Meta d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata, żewġ Stati Membri tal-Unjoni biss – ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi – kellhom liġi li tippermetti ż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess. Kif indikajt qabel, dan il-fatt kellu effett fuq l-għażla tal-Kunsill li ma jsegwix il-proposta għal emenda tal-Parlament favur formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 iktar espliċita.

55.      Madankollu, jidhirli li trid tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni kkontemplata dak iż-żmien mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “konjuġi” huwa marbut ukoll mill-qrib ma’ diversi drittijiet fundamentali; interpretazzjoni skont il-kuntest ma tistax tkun ermetika għalih.

1)      Fuq l-interpretazzjoni evoluttiva tal-kunċett ta’ “konjuġi”

56.      Kif diversi avukati ġenerali diġà kellhom l-okkażjoni li jsostnu, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-lum” (31), jiġifieri billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-“realtà kontemporanja” (32) tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dritt ma jistax ikun “iżolat mir-realtà soċjali u ma jistax ikun eżentat milli jkun adattat għal dik ir-realtà kemm jista’ jkun malajr. Altrimenti, ikun hemm ir-riskju li jiġu imposti perspettivi antikwati u jittieħed għaldaqstant rwol statiku” (33). Dan huwa bla ebda dubju partikolarment il-każ f’materji li jmissu s-soċjetà. Kif spjegaha l-Avukat Ġenerali Geelhoed, “[j]ekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinjora dawn l-evoluzzjonijiet, ikun hemm ir-riskju li titneħħa parti mill-effikaċjà tar-regoli tad-dritt ikkonċernati” (34). Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja stess, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istat ta’ evoluzzjoni tiegħu fid-data li fiha tiġi applikata d-dispożizzjoni in kwistjoni (35).

57.      Din hija r-raġuni għaliex jidhirli li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C-122/99 P u C-125/99 P, EU:C:2001:304), fejn jingħad “il-kelma ‘żwieġ’, skont id-definizzjoni komunement aċċettata mill-Istati Membri, tirreferi għal unjoni bejn żewġ persuni ta’ sess differenti” (36), hija llum antikwata.

58.      Fil-fatt, għalkemm fi tmiem l-2004 kien hemm biss żewġ Stati Membri li kienu jawtorizzaw iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, ħdax-il Stat Membru ieħor kienu sa minn dak iż-żmien emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan is-sens u ż-żwieġ omosesswali se jkun ukoll possibbli fl-Awstrija, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019 (37). Dan ir-rikonoxximent ġuridiku taż-żwieġ omosesswali sempliċement jirrifletti l-evoluzzjoni ġenerali tas-soċjetà fir-rigward tal-kwistjoni. L-istħarriġ statistiku jikkonfermawh (38); l-awtorizzazzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess permezz ta’ referendum fl-Irlanda hija wkoll prova ta’ dan (39). Għalkemm għadhom jeżistu differenzi sostanzjali dwar il-kwistjoni, inkluż fi ħdan l-Unjoni (40), l-evoluzzjoni hija parti madankollu minn moviment ġenerali. Fil-fatt, il-kontinenti kollha llum jirrikonoxxu dan it-tip ta’ żwieġ (41). Għaldaqstant, dan ma huwiex fatt marbut ma’ kultura jew ma’ storja speċifika imma jikkorrispondi, min-naħa l-oħra, għal rikonoxximent universali tad-diversità tal-familji (42).

2)      Fuq id-drittijiet fundamentali b’rabta mal-kunċett ta’ “konjuġi”

59.      Il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 huwa neċessarjament marbut mal-ħajja familjari u, konsegwentement, mal-protezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 7 tal-Karta. Il-portata ta’ dan l-artikolu għandha, għaldaqstant, tittieħed inkunsiderazzjoni meta tingħata interpretazzjoni skont il-kuntest (43). F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma tistax tiġi injorata.

60.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-portata tad-drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB huma l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni. Issa, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-drittijiet fundamentali – li għandhom “jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni” (44) –, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Dawk tal-ewwel għandhom għaldaqstant l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk tat-tieni (45).

61.      Issa, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB hija sinjifikattiva.

62.      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti EDB tikkonferma b’mod kostanti l-libertà tal-Istati li jiftħu ż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess (46), hija ddeċidiet, mill-bidu tas-snin 2010, li kien “artifiċjali li jibqa’ jiġi kkunsidrat li, għall-kuntrarju ta’ koppja eterosesswali, koppja omosesswali ma jistax ikollha ‘ħajja familjari’ għall-iskopijiet tal-Artikolu 8 [tal-KEDB]” (47). Minn dakinhar ’l hawn, din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata f’diversi okkażjonijiet (48). Il-Qorti EDB ikkonfermat ukoll li l-Artikolu 8 tal-KEDB kien jimponi fuq l-Istati l-obbligu li joffru lill-koppji omosesswali l-possibbiltà li jiksbu rikonoxximent legali u l-protezzjoni ġuridika għall-koppja tagħhom (49).

63.      L-effett ta’ din l-evoluzzjoni fil-mod kif tinftiehem il-ħajja familjari fuq id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa ċert. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 8 tal-KEDB ma fih ebda obbligu ġenerali biex jiġi aċċettat l-istabbiliment ta’ konjuġi mhux ċittadini jew biex tiġi awtorizzata r-riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju ta’ Stat kontraenti, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati fil-qasam tal-immigrazzjoni jistgħu, f’ċerti każijiet, jikkostitwixxu interferenza fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB (50). Dan huwa partikolarment il-każ meta l-persuni kkonċernati jkollhom, fl-Istat ospitanti, relazzjonijiet personali jew familjari suffiċjentement b’saħħithom li jirriskjaw li jkunu serjament ippreġudikati f’każ ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni (51).

64.      Issa, skont il-Qorti EDB, jekk “il-protezzjoni tal-familja tradizzjonali tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi għan leġittimu […], [hija] tikkunsidra li, fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri l-għoti ta’ permess ta’ residenza minħabba raġuni familjari lil sieħeb barrani omosesswali, hija ma tistax tikkostitwixxi raġuni ‘partikolarment solida u konvinċenti’ ta’ natura tali li tiġġustifika, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali” (52).

65.      Jidher ukoll li l-Qorti EDB hija inklinata li tikkunsidra li differenza fit-trattament li hija bbażata biss – jew b’mod deċiżiv – fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-orjentazzjoni sesswali tar-rikorrent hija sempliċiment inaċċettabbli fid-dawl tal-KEDB (53). F’kuntest ieħor, l-Avukat Ġenerali Jääskinen kien esprima fehma simili. Fil-fatt, kien deherlu “li huwa evidenti li l-għan marbut mal-protezzjoni taż-żwieġ jew tal-familja ma jistax jilleġittima diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali [, peress li h]uwa diffiċli li wieħed jaħseb liema rabta kawżali tista’ tgħaqqad din it-tip ta’ diskriminazzjoni, bħala mezz, u l-protezzjoni taż-żwieġ, bħala effett pożittiv li jista’ jirriżulta minnha” (54).

66.      Din l-evoluzzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari jidhirli, għaldaqstant, li twassal għal interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” neċessarjament indipendenti mis-sess tal-persuni kkonċernati meta hija limitata għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

67.      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tiżgura b’mod mill-aħjar ir-rispett tal-ħajja familjari ggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jawtorizzaw jew ma jawtorizzawx iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni kuntrarja tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn il-koppji miżżewġa skont jekk humiex omosesswali jew ta’ sessi differenti peress li ebda Stat Membru ma jipprojbixxi ż-żwieġ eterosesswali. Peress li hija bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, tali differenza fit-trattament hija inaċċettabbli fid-dawl tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll tal-Karta, kif din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-KEDB.

c)      Fuq l-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38

68.      L-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38 isaħħaħ ukoll interpretazzjoni tal-kelma “konjuġi” indipendenti mill-orjentazzjoni sesswali.

69.      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-Direttiva 2004/38 tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u biex isaħħaħ dan id-dritt (55).

70.      Dan l-għan huwa mfakkar sa mill-premessa 1 tad-Direttiva 2004/38. Il-premessa 2 iżżid li l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi waħda mil-libertajiet tas-suq intern, fejn dan huwa mill-bqija stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta.

71.      Il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tinsisti barra minn hekk fuq il-fatt li d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, biex ikun jista’ jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet oġġettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom (56). Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi, kieku ċ-ċittadini tal-Unjoni ma kellhomx id-dritt li jkollhom ħajja ta’ familja normali fl-Istat Membru ospitanti, l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat ikun serjament ostakolat (57).

72.      Huwa b’dan il-mod li kif fakkart waqt l-eżami tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għall-każ ineżami, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jkunu dissważi milli jitilqu l-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità u li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jekk ma jkollhomx iċ-ċertezza li jkunu jistgħu jkomplu, wara li jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, ħajja tal-familja possibbilment mibdija permezz taż-żwieġ jew tar-riunifikazzjoni tal-familja, fl-Istat Membru ospitanti (58).

73.      Minħabba dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni b’mod kostanti li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma għandhomx, f’kull każ, jiġu pprivati mill-effett utli tagħhom (59). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li dan huwa prinċipju li permezz tiegħu, “[i]d-dispożizzjonijiet li, bħad-Direttiva 2004/38, jistabbilixxu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, parti mill-bażi tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa” (60).

74.      Konsegwentement, bejn interpretazzjoni tal-kelma “konjuġi” li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u oħra li, b’osservanza tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni interpretata u l-kuntest tagħha, tiffavorixxi l-moviment liberu ta’ numru ikbar ta’ ċittadini, għandha tiġi adottata t-tieni interpretazzjoni.

75.      Din l-għażla ta’ interpretazzjoni hija iktar iġġustifikata peress li hija konformi ma’ għan ieħor tad-Direttiva 2004/38, stabbilit fil-premessa 31, li jrid li l-Istati Membri jimplementaw id-Direttiva 2004/38 “mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva minħabba […] preferenzi sesswali”. Issa, definizzjoni tal-klema “konjuġi” li hija limitata għaż-żwieġ eterosesswali twassal inevitabbilment għal sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali (61).

76.      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” indipendenti mill-kwistjoni tas-sess tal-persuni kkonċernati hija wkoll tali li tiggarantixxi livell għoli ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza peress li ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa legalment miżżewweġ jaf li żewġu, indipendentement mis-sess tiegħu, ser ikun ikkunsidrat bħala l-konjuġi tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 fis-27 Stati Membri l-oħra tal-Unjoni (62).

3.      Konklużjoni Intermedja

77.      L-interpretazzjonijiet testwali, kuntestwali u teleoloġika tal-kunċett ta’ “konjuġi” użat fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 jwasslu biex tingħatalu definizzjoni awtonoma indipendenti tal-orjentazzjoni sesswali (63).

78.      L-ewwel nett, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza jeżiġu li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma hijiex iddefinita u li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

79.      Sussegwentement, għalkemm l-istruttura tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, flimkien mal-Artikolu 3(2)(b) tagħha teżiġi li l-kunċett ta’ “konjuġi” jiġi assoċjat maż-żwieġ, il-leġiżlatur għamel, iktar minn hekk, l-għażla volontarja li juża kelma newtrali, li ma hijiex ippreċiżata b’xi mod ieħor.

80.      Fl-aħħar nett, kemm l-evoluzzjoni tas-soċjetà Ewropea – li tagħha, in-numru ta’ leġiżlazzjonijiet li jippermettu ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u d-definizzjoni attwali tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta huma r-rifless – kif ukoll l-għanijiet tad-Direttiva 2004/38 – jiffavorixxu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni b’osservanza tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom – iwasslu biex il-kunċett ta’ “konjuġi” jiġi interpretat indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali (64).

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

81.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta, jeżiġux li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal żmien ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess.

82.      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 huwa ċar: id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa estiż għall-konjuġi tiegħu, li huwa ċittadin ta’ Stat terz, li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/38.

83.      Dan huwa allura dritt awtomatiku. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkonfermah.

84.      Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, “kemm mill-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll mis-sistema ġenerali tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa distinzjoni bejn il-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni ddefiniti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 li jibbenefikaw minn dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-imsemmi ċittadin, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, u l-membri l-oħrajn tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) [ta’ din id-]direttiva, li d-dħul u r-residenza tagħhom għandhom ikunu biss iffaċilitati minn dan l-Istat Membru” (65).

85.      Madankollu, rajna li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, R. Hamilton ma setax jinvoka d-direttiva favur tiegħu peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettux li jiġi bbażat dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità (66).

86.      Madankollu, R. Hamilton għandu, fil-prinċipju, ikun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 21(1) TFUE u li tiġi applikata d-Direttiva 2004/38 b’analoġija (67).

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-konjuġi tiegħu ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva kieku kienet sitwazzjoni fejn il-konjuġi tiegħu eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu (68).

88.      B’mod konkret, b’applikazzjoni b’analoġija tad-Direttiva 2004/38, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza għal żmien itwal minn tliet xhur liċ-ċittadin ta’ Stat terz, li huwa l-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7(2) ta’ din l-istess direttiva.

D.      Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

89.      It-tielet u r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jqumu biss f’każ fejn il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 kellu jiġi interpretat bħala li jirreferi biss għall-koppji eterosesswali uniti bir-rabtiet taż-żwieġ.

90.      Peress li fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni tmur kontra l-formulazzjoni u l-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għalihom. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser neżaminahom fil-qosor. Huma jistgħu, barra minn hekk, jiġu analizzati flimkien.

91.      Fil-fatt, permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa miżżewweġ skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti, jistax, jekk ma jitqiesx bħala “konjuġi” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, ikun ikklassifikat bħala “membri oħrajn tal-familja” jew “is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) jew (b) tal-imsemmija direttiva u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ din l-eventwali klassifikazzjoni.

92.      Kif spjegajt qabel, illum huwa artifiċjali li jiġi kkunsidrat li koppja omosesswali ma tistax ikollha ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta (69).

93.      Konsegwentement, ċertament ċittadin ta’ Stat terz, li huwa tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni miżżewweġ lilu skont il-liġi ta’ Stat Membru jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, kemm bħala “membru ieħor tal-familja” jew bħala sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

94.      Madankollu, mis-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C-83/11, EU:C:2012:519) jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza lil persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija timponi fuqhom biss l-obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet magħmula minn persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, meta mqabbla mat-talbiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi (70).

95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri kellhom, sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, “skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, […] għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni għandha tkun motivata” (71).

96.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Istati Membri għandhom “marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li] l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma ‘jiffaċilita’ […] u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni” (72).

97.      Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jidhirli madankollu li għandu jkun imnaqqas fil-każ deskritt mill-qorti tar-rinviju.

98.      Minn naħa, ir-rifjut li tintlaqa’ t-talba għad-dħul u residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea li lilu huwa miżżewweġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, ma jistax ikun ibbażat esklużivament jew b’mod deċiżiv fuq l-orjentazzjoni sesswali taħt piena ta’ ksur tal-Artikoli 7 u 21 tal-Karta (73). F’dan ir-rigward, “għalkemm il-protezzjoni tal-familja tradizzjonali tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi għan leġittimu fid-dawl tal-Artikolu 14 [tal-KEDB li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet], il-Qorti [Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem] tikkunsidra li, fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri l-għoti ta’ permess ta’ residenza minħabba l-familja lil sieħeb barrani omosesswali, hija ma tistax tikkostitwixxi raġuni ‘partikolarment soda u konvinċenti’ ta’ natura li tiġġustifika, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali” (74).

99.      Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġi ffaċilitat id-dħul u r-residenza taċ-ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea li lilu huwa miżżewweġ huwa iktar restrittiv u l-marġni ta’ diskrezzjoni iżgħar meta l-Istat Membru ma jippermettix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas joffri l-possibbiltà lill-koppji omosesswali biex jidħlu f’koabitazzjoni rreġistrata. Fil-fatt, mill-Artikolu 8 tal-KEDB – u għaldaqstant mill-Artikolu 7 tal-Karta – jirriżulta obbligu pożittiv li lil dawn il-persuni, l-istess bħall-eterosesswali, tiġi offruta lilhom il-possibbiltà li jiksbu rikonoxximent legali u l-protezzjoni legali tal-koppja tagħhom (75). Issa, l-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi r-rikonoxximent u l-garanzija minima li tista’ tingħatalhom.

VI.    Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) kif ġej:

“1)      L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġel jew martu [konjuġi]” japplika għal ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea li lilu huwa miżżewweġ.

2)      L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni li jakkumpanja lill-imsemmi ċittadin fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jibbenefika hemmhekk minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, sakemm dan tal-aħħar ikun jissoddisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ) ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 japplikaw b’analoġija meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jirritorna, flimkien mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, fl-Istat Membru tal-oriġini. F’dak il-każ, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur liċ-ċittadin ta’ Stat terz, li huwa l-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38.

3)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa miżżewweġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, kemm jekk bħala “membru ieħor tal-familja” jew bħala “sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”.

4)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li ma jobbligax lill-Istati Membri li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur liċ-ċittadin ta’ Stat terz legalment miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess;

–        li, madankollu, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jippermettu li l-imsemmija persuni jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għal dħul jew għal residenza li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, tkun motivata;

–        li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-imsemmija kriterji, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, ikunu konformi mas-sens normali tal-kelma “jiffaċilita” u ma jċaħħdux lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha, u

–        li r-rifjut oppost għat-talba għad-dħul u għar-residenza ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata”.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.


3      Jidher li hemm żball tat-tipa fil-formulazzjoni tat-tieni domanda. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. Issa, peress li R. Hamilton huwa ċittadin ta’ Stat terz, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu, b’kuntrast mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, din l-aħħar dispożizzjoni hija dik li tissemma fir-raba’ domanda.


4      Enfasi miżjud minni.


5      Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 37). Ara wkoll, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C-133/15, EU:C:2017:354, punt 53) u tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 33).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punti 50 u 61); tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C-133/15, EU:C:2017:354, punti 54 u 55); tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punti 46 u 61), kif ukoll, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 39).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punti 35, 36 u 45); tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punt 70), kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 46). Sa mill-1992, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li d-drittijiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment rikonoxxuti liċ-ċittadin tal-Unjoni mit-trattati “ma setgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk dak iċ-ċittadin seta’ jiġi prekluż milli jeżerċitahom permezz tal-ostakli maħluqin, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, mad-dħul u mar-residenza tal-konjuġi tiegħu. Din hija r-raġuni għaliex il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu minn dawk id-drittijiet għandu, meta dan tal-aħħar jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikollu tal-inqas l-istess drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza bħal dawk li jagħtih id-dritt tal-Unjoni jekk żewġha jew martu jagħżlu li jidħlu u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor” (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, EU:C:1992:296, punt 23). Għal applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, ara, wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, EU:C:2002:434, punti 38 u 39).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 51).


9      Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 54).


10      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jibbenefikaw permezz tad-Direttiva 2004/38 mid-dritt li jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, kemm jekk stabbilixxa ruħu qabel u kemm stabbilixxa ruħu wara li jkun beda familja” (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, EU:C:2008:449, punt 90; enfasi miżjud minni).


11      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2013:1107JUD002938109, punt 73; Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2015, Oliari et vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0721JUD001876611, punt 169, kif ukoll Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2016, Pajić vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2016:0223JUD006845313, punt 65. Ir-realtà tal-ħajja ta’ koppja ta’ R. Coman u R. Hamilton qabel il-“konsolidazzjoni” tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni tippermetti li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tagħhom u dawk li wasslu għas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135).


12      Ara, fost diversi eżempji, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, għal applikazzjonijiet reċenti, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C-617/15, EU:C:2017:390, punt 22), u tas-27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C-24/16 u C-25/16, EU:C:2017:724, punt 70).


14      Ara, fir-rigward tat-termini “li għex legalment” użatu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 31 sa 34). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:174, punt 39), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawżi Reyes (C‑423/12, EU:C:2013:719, punt 29).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C-147/08, EU:C:2011:286, punt 38); tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C-267/12, EU:C:2013:823, punt 26); tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179, punt 59), kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C-443/15, EU:C:2016:897, punt 58).


16      Ara, fil-qasam taċ-ċittadinanza, fir-rigward tal-ismijiet tal-persuni, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, EU:C:2003:539, punt 25); fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 21); kif ukoll fil-qasam kriminali, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C-348/96, EU:C:1999:6, punt 17).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179, punt 59),u tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C-443/15, EU:C:2016:897, punt 58).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C-443/15, EU:C:2016:897, punt 59).


19      Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punt 72). Dak il-każ kien jirrigwarda leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt tad-dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272) jew tad-Direttiva 2004/38.


20      Li huma r-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblik tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja.


21      Ir-riflessjoni magħmula minn S. Pfeiff fil-kuntest ta’ studju dettaljat fuq il-“portabbiltà tal-istatus personali” tista’ tiġi trasposta għall-effetti tad-Direttiva 2004/38. Skont din l-awtriċi, “[l-]argument prinċipali mressaq kontra r-rikonoxximent taż-żwieġ omosesswali jikkonċerna r-rieda li jiġi protett iż-żwieġ tradizzjonali. Ir-rikonoxximent taż-żwieġ omosesswali barrani, madankollu, ma jippreġudikax direttament iż-żwieġ tradizzjonali fl-Istat tal-forum. Huwa ma jipprekludix lill-koppji eterosesswali milli jiżżewġu. Huwa lanqas ma jippermetti lill-koppji tal-istess sess li jiżżewġu fl-Istat ospitanti. L-effett tar-rikonoxximent taż-żwieġ omosesswali barrani huwa limitat għaldaqstant għall-koppji kkonċernati u ma jippreġudikax l-istruttura aħħarija” (Pfeiff S., La portabilité du statut personnel dans l’espace européen, Bruylant, Coll. Europe(s), 2017,speċ. Nru 636, p. 572; enfasi miżjud minni).


22      Biex inkun preċiż, jibqa’ possibbli li ssir distinzjoni bejn il-koabitazzjoni barra mir-rabta taż-żwieġ u s-sitwazzjoni fejn koppja kkonkludiet kuntratt irregolat mid-dritt privat biex jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom (f’dan is-sens, Franq, St., “Nouvelles formes de relation de couple, mariage entre personnes de même sexe, partenariat enregistré, pacs, etc.”, f’Actualités du contentieux familial international, Larcier, 2005, p. 253 sa 281, speċ. p. 255 sa 256). Fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, dawn iż-żewġ ipoteżijiet jidhirli, madankollu, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(b).


23      Punt 99 u punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza, enfasi miżjud minni. Ara wkoll, is-sentenza tas-17 ta’ April 1986, Reed (59/85, EU:C:1986:157). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tat-test ta’ qabel id-Direttiva 2004/38 [jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 1, p. 15)] li, “bl-użu tal-kelma ‘konjuġi’, dan ir-regolament jirreferi biss għal rapport ibbażat fuq żwieġ, bl-esklużjoni ta’ relazzjoni ta’ “sieħeb li għandu relazzjoni stabbli” (punt 15).


24      Dawn il-kriterji jippermettu li ssir distinzjoni bejn mhux inqas minn ħames kategoriji ta’ unjonijiet irreġistrati fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’dan is-sens, Goossens, E., “Different regulatory regimes for registered partnership and marriage: out-dated or indispensable?”, f’Confronting the frontiers of family and succession law: liber amicorum Walter Pintens, vol. 1, Intersentia, Slp ed., 2012, p. 633 sa 650, speċ. p. 634 sa 638.


25      Madankollu, jien nistaqsi dwar il-validità, fil-preżent, ta’ dan ir-riferiment għad-dritt tal-Istat Membru ospitanti u dan iktar u iktar li huwa assoċjat bla ebda dubju mal-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 għall-konvivenzi rreġistrati ugwali għaż-żwieġ. Fil-fatt, il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod ċar ħafna li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jobbliga lill-Istati kontraenti fil-KEDB li joffru lill-koppji omosesswali l-possibbiltà li jiksbu rikonoxximent legali u l-protezzjoni legali tal-koppja tagħhom. Dan ifisser, b’mod konkret, li Stat li jillimita ż-żwieġ għall-koppji eterosesswali mingħajr ma jidħlu f’konvivenza rreġistrata disponibbli għall-koppji omosesswali jikser l-Artikolu 8 tal-KEDB u, konsegwentement, l-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2015, Oliari et vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0721JUD001876611). Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-portata tad-drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-konvenzjoni msemmija. Issa, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta – li għandhom “jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni” skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta – id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Dawk tal-ewwel għandhom għaldaqstant l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk tat-tieni.


26      Ara Artikolu 2(2)(a) tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [COM(2001) 257 finali, (ĠU 2001, C 270 E, p.150)].


27      Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Jannar 2003 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (A5/2003/9).


28      Ara l-pożizzjoni komuni (KE) Nru 6/2004 meħuda mill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 2003 għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, C 54 E, p. 28). Għalkemm il-Kunsill ma jippreċiżax il-ġurisprudenza li għaliha jirreferi, il-Kummissjoni tirreferi, fil-proposta emendata tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [COM(2003) 199 finali] għas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C-125/99 P, EU:C:2001:304, punt 34).


29      Ara l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [COM(2003) 199 finali, p. 11]. Enfasi miżjud minni.


30      Dan ir-riskju u d-diffikultà iktar ġenerali biex tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-leġiżlatur iwasslu barra minn hekk biex jagħtu lill-interpretazzjoni storika rwol sekondarju. Ara, f’dan is-sens, Titshaw, Sc., “Same-sex Spouses Lost in Translation? How to Interpet ‘Spouse’ in the E.U. Family Migration Directives”, Bodson University International Law Journal, 2016, vol. 34:45, p. 45 sa 112, speċ. p. 76 sa 78.


31      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Haralambidis (C‑270/13, EU:C:2014:1358, punt 52).


32      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345, punt 63).


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża P./S. (C-13/94, EU:C:1995:444, punt 9).


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2001:385, punt 20).


35      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20).


36      Punt 34, enfasi miżjuda minni.


37      Fil-fatt, permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2017 (G 258-259/2017-9), il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka annullat id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jillimitaw id-dritt taż-żwieġ għall-koppji eterosesswali u, barra minn hekk, iddeċidiet li, sakemm ma jkunx hemm intervent mil-leġiżlatur qabel din id-data, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ser ikun possibbli mill-1 ta’ Jannar 2019. L-Istati Membri li diġà emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom huma, f’ordni kronoloġika: ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta’ Malta.


38      Filwaqt li 44 % tal-popolazzjoni tal-Istati Membri interrogati rrispondew favur iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess matul l-2006 (ara Standard Eurobarometer 66, Ħarifa 2006, p. 43), din iċ-ċifra kienet telgħet għal 61 % f’inqas minn għaxar snin iktar tard (ara Special Eurobarometer 437, “Discrimination in the EU in 2015”, p. 12).


39      Il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiġi emendata l-kostituzzjoni biex jitniżżel li ż-żwieġ seta’ jiġi kkuntrattat, skont il-liġi, bejn żewġ persuni mingħajr distinzjoni bbażata fuq is-sess, saret lill-Irlandiżi f’referendum fit-22 ta’ Mejju 2015. Minn 1 935 907 votant, 1 201 607 vvutaw favur il-proposta, jiġifieri 62.07 % (ara r-riżultati ppubblikati fl-Iris Oifigiúil tas-26 ta’ Mejju 2015, Nru 42, p. 1067 sa 1069: www.irisoifigiuil.ie/archive/2015/may/Ir260515.PDF).


40      Għall-kuntrarju tal-Irlanda, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ġie, pereżempju, miċħud b’referendum fil-Kroazja fl-1 ta’ Diċembru 2013.


41      Jekk ma niżbaljax, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ġie permess, sallum u talinqas, permezz ta’ liġi fil-Kanada (Civil Marriage Act, S.C. 2005, c. 33); fi New Zealand [Marriage (Definition of Marriage) Amendment Act 2013, 2013 N° 20]; fl-Afrika ta’ Isfel (Civil Union Act, 2006, Act N° 17 of 2006); fl-Arġentina [Ley 26.618 (Ley de Matrimonio Igualitario)]; fl-Urugwaj (Ley N° 19.075, Matrimonio Igualitario), u wkoll fil-Brażil (Resolução n° 175, de 14 de maio de 2013 do Conselho Nacional de Justiça) u, permezz tal-ġurisprudenza, fil-Messiku (sentenza tal-Qorti Suprema Nru 155/2015 tat-3 ta’ Ġunju 2015), fl-Istati Uniti [sentenza tal-Qorti Suprema tas-26 ta’ Ġunju 2015, “Obergefell et al. vs Hodges, Director, Ohio Department of Health, et al”, 576 U.S. (2015)], fil-Kolombja (sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali SU-214/16 tat-28 ta’ April 2016, kawża T 4167863 AC) u wkoll it-Tajwan [sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika taċ-Ċina (Tajwan) tal-24 ta’ Mejju 2017, J.Y. Interpretation N° 748, fuq it-talbiet ikkonsolidati ta’ Huei-Tai-12674 u Huei-Tai-12771].


42      Barra mit-tlettax-il Stat Membru li llegalizzaw iż-żwieġ omosesswali, disa’ Stati Membri oħra jirrikonoxxu l-konvivenza rreġistrata bħala miftuħa għall-koppji tal-istess sess. Dawn huma r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija (kif indikat preċedentement, iż-żwieġ omosesswali barra minn hekk se jkun awtorizzat sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019) u r-Repubblika tas-Slovenja. Minkejja l-obbligu pożittiv li jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-KEDB – u għaldaqstant mill-Artikolu 7 tal-Karta – li l-koppji omosesswali jkollhom il-possibbiltà li jiksbu rikonoxximent legali u l-protezzjoni legali għall-koppja tagħhom (ara Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2015, Oliari et vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0721JUD001876611, punt 185), sitt Stati Membri ma jagħrfu ebda rikonoxximent uffiċjali u legali tal-koppji tal-istess sess (ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka).


43      Il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tfakkar espressament li d-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta. Il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikolu 9 (Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja), 21 (Non-diskriminazzjoni) u 45 (Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza) tal-Karta. L-Artikolu 9 tal-Karta ma jidhirlix li huwa rilevanti. Fil-fatt, minn naħa, l-iżviluppi tal-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-drittijiet fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) dwar dan l-artikolu jippreċiżaw li għalkemm il-mod kif inkiteb dan l-artikolu “ġie mmodernizzat [, meta mqabbel mal-Artikolu 12 tal-KEDB] sabiex ikunu koperti il-każijiet fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tirrikonoxxi, apparti miż-żwieġ, arranġamenti oħrajn biex titwaqqaf familja[, d]an l-Artikolu la jipprojbixxi u lanqas jimponi l-għoti ta’ status ta’ żwieġ lil unjonijiet bejn nies ta’ l-istess sess” (enfasi miżjuda minni). Il-libertà tal-Istati Membri hija, f’dan ir-rigward, ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris, C-443/15, EU:C:2016:897, punt 59) u tal-Qorti EDB (ar, b’mod partikolari, Qorti EDB, 9 ta’ Ġunju 2016, Chapin u Charpentier vs Franza, CE:ECHR:2016:0609JUD004018307, punti 38 u 39). Min-naħa l-oħra, R. Coman u R. Hamilton setgħu, f’dan il-każ, jeżerċitaw dan id-dritt fil-Belġju. Il-libertà ta’ moviment stabbilita fl-Artikolu 45 tal-Karta hija, min-naħa tagħha, ippreċiżata fid-Direttiva 2004/38. Ser neżamina l-effett ta’ dan id-dritt fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” waqt li neżamina l-għan imfittex mid-Direttiva 2004/38.


44      Artikolu 52(7) tal-Karta.


45      Ara, f’dan is-sens, Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 7 – Rispett għall-ħajja privata u tal-familja” (ĠU 2007, C 303, p. 20).


46      Ara, f’dan is-sens, għal konferma reċenti u fejn tfakkret il-ġurisprudenza preċedenti, Qorti EDB, 9 ta’ Ġunju 2016, Chapin u Charpentier vs Franza, CE:ECHR:2016:0609JUD004018307, punti 38 u 39 (fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-KEDB) u punt 48 (fir-rigward tal-Artikolu 8 magħdud mal-Artikolu 14 tal-KEDB, li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet).


47      Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2010, Schalk u Kopf vs L-Awstrija, CE:ECHR:2010:0624JUD003014104, punt 94.


48      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2013:1107JUD002938109, punt 73; Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2016, Pajić vs Kroazja, CE:ECHR:2016:0223JUD006845313, punt 64; Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2016, Aldeguer Tomás vs Spanja, CE:ECHR:2016:0614JUD003521409, punt 75, kif ukoll Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 58.


49      Ara Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2015, Oliari et vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0721JUD001876611, punt 185.


50      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 56.


51      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 56.


52      Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 93. Dwar l-assenza ta’ “raġuni solida u konvinċenti”, inkluż il-protezzjoni tal-familja “fis-sens tradizzjonali tal-kelma”, biex tiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, ara, ukoll, Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2013:1107JUD002938109. F’dan l-aħħar każ, kien hemm l-esklużjoni tal-koppji tal-istess sess mil-liġi li tirrigwarda l-konvivenza rreġistrata, u dan filwaqt li r-Repubblika Ellenika ma kienet toffri ebda rikonoxximent uffiċjali u legali ieħor lil dawn il-koppji, b’kuntrast mal-koppji eterosesswali.


53      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2016, Pajić vs Kroazja, CE:ECHR:2016:0223JUD006845313, punti 59 u 84, kif ukoll Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 89.


54      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Römer (C-147/08, EU:C:2010:425, punt 175).


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35); tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 33), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 31).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 33), kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 31).


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 62) u, qabel id-Direttiva 2004/38, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, EU:C:2002:434, punti 38 u 39).


58      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, EU:C:1992:296, punti 19, 20 u 23); tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, EU:C:2002:434, punt 38); tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punti 35 u 36); tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 64); tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 70), kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 46).


59      Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, EU:C:2008:449, punt 84) u tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).


60      Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C-423/12, EU:C:2014:16, punt 23). Għal applikazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju għal testi ta’ qabel id-Direttiva 2004/38, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 74), kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, EU:C:2007:771, punt 43).


61      Ara, f’dan is-sens, Titshaw, Sc., “Same-sex Spouses Lost in Translation? How to Interpet ‘Spouse’ in the E.U. Family Migration Directives”, Bodson University International Law Journal, 2016, vol. 34:45, p. 45 sa 112, speċ. p. 106.


62      Għal eżempju tat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 61) u tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C-299/14, EU:C:2016:114, punt 49).


63      Ara, f’dan is-sens, Titshaw, Sc., “Same-sex Spouses Lost in Translation? How to Interpet ‘Spouse’ in the E.U. Family Migration Directives”, Bodson University International Law Journal, 2016, vol. 34:45, p. 45 sa 112, speċ. p. 83 u 111.


64      L-effett tal-moviment liberu, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 huwa ġeneralment determinanti fl-analiżi tad-duttrina. Il-konklużjoni li għaliha jaslu l-awturi kkonsultati hija simili għal tiegħi. Ara, b’mod partikolari, Tryfonidou, A., “EU Free Movement Law and the Legal Recognition of Same-Sex Relationships: the Case for Mutual Recognition”, Columbia Journal of European Law, 2015, vol. 21, p. 195 sa 248; Bell, Chl. u Bačić Selanec, N., “Who is a ‘spouse’ under the Citizens’ Rights Directive? The prospect of mutual recognition of same-sex marriages in the EU”, European Law Review, 2016, vol. 41, nru 5, p. 655 sa 686; Borg-Barthet, J., “The Principled Imperative to Recognise Same-Sex Unions in the EU”, Journal of Private International Law, 2012, vol. 8, n°2, p. 359 sa 388; kif ukoll Bonini Baraldi, M., “EU Family Policies Between Domestic ‘Good Old Values’ and Fundamental Rights: The Case of Same-Sex Families”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 2008, vol. 15, nru 4, p. 517 sa 551.


65      Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C-83/11, EU:C:2012:519, punt 19).


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 37). Ara wkoll, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C-133/15, EU:C:2017:354, punt 53) u tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C-165/16, EU:C:2017:862, punt 33).


67      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punti 50 u 61); tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 54 u 55) kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punti 46 u 61). Ara wkoll, l-argumenti taħt it-titolu A. dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 f’dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, EU:C:2014:135, punt 61).


69      Ara l-analiżi fit-Titolu V, A, punt 2(b), Fuq id-drittijiet fundamentali b’rabta mal-kunċett ta’ “konjuġi” ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 21)..


71      Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C-83/11, EU:C:2012:519, punti 22 u 26).


72      Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C-83/11, EU:C:2012:519, punti 24 u 26).


73      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2016, Pajić vs Kroazja, CE:ECHR:2016:0223JUD006845313, punti 59 u 84, kif ukoll Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 89.


74      Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2016, Taddeucci u McCall vs L-Italja, CE:ECHR:2016:0630JUD005136209, punt 93; enfasi miżjuda minni.


75      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2015, Oliari et vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0721JUD001876611, punt 185.