Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht München I – il-Ġermanja) – Tobias Mc Fadden vs Sony Music Entertainment Germany GmbH

(Kawża C-484/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Soċjetà tal-informazzjoni – Moviment liberu tas-servizzi – Netwerk wireless lokali (WLAN) professjonali – Tqegħid għad-dispożizzjoni libera tal-pubbliku – Responsabbiltà tal-persuni li jipprovdu servizzi intermedji – “Mere conduit” – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 12 – Limitazzjoni tar-responsabbiltà – Utent mhux magħruf minn dan in-netwerk – Ksur tad-drittijiet tad-detenturi ta’ drittijiet fuq xogħol protett – Obbligu ta’ protezzjoni tan-netwerk – Responsabbiltà ċivili tal-professjonist)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht München I

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Tobias Mc Fadden

Konvenuta: Sony Music Entertainment Germany GmbH

Dispożittiv

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards tekniċi u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi pprovdut mill-operatur ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni u li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni meta jiġi pprovdut mill-persuna li tipprovdi servizzi kkonċernata għal skopijiet ta’ reklamar għal oġġetti mibjugħa jew għal servizzi pprovduti minn din il-persuna li tipprovdi servizzi.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex is-servizz previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, jitqies li ġie pprovdut, dan l-aċċess ma għandux imur lil hinn mill-kuntest tal-proċess tekniku, awtomatiku u passiv li jiżgura l-eżekuzzjoni tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba, filwaqt li ma għandu jiġi ssodisfatt ebda rekwiżit addizzjonali.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva ma tapplikax b’analoġija għall-imsemmi Artikolu 12(1).

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżistux rekwiżiti oħra, minbarra dak imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li għalihom hija suġġetta l-persuna li tipprovdi servizzi ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna li tkun ġiet leża minħabba l-ksur tad-drittijiet tagħha fuq xogħol tkun tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni għar-raġuni li aċċess partikolari pprovdut minnha jkun intuża minn terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-persuna leża, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni jew tal-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti għall-finijiet tat-talba tagħha għad-danni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li din il-persuna leża titlob il-projbizzjoni tat-tkomplija ta’ dan il-ksur, kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li s-servizzi tagħha jkunu ntużaw sabiex jitwettaq dan il-ksur, fil-każ li dawn it-talbiet ikunu intiżi, jew ikunu konsegwenti, għall-adozzjoni ta’ ordni meħuda minn awtorità jew qorti nazzjonali li tipprojbixxi lil din il-persuna li tipprovdi servizzi milli tippermetti t-tkomplija tal-imsemmi ksur.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tar-regoli previsti mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ ordni li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li jippermetti lill-pubbliku jaqbad mal-internet, taħt piena ta’ penalità, timpedixxi lil terzi milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ din il-konnessjoni mal-internet, xogħol partikolari jew partijiet minnu protetti mid-drittijiet tal-awtur, fuq pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet (peer-to-peer), meta din il-persuna li tipprovdi servizzi jkollha l-għażla tal-miżuri tekniċi li għandha tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni, anki jekk din l-għażla tkun limitata biss għall-miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, sakemm l-utenti ta’ dan in-netwerk ikunu obbligati jiżvelaw l-identità tagħhom sabiex jiksbu l-password meħtieġ u għalhekk ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod anonimu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

____________

1 ĠU C 46, 9.2.2015.