Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Novembru 2018 – Elsevier Inc. vs Cyando AG

(Kawża C-683/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Elsevier Inc.

Konvenuta: Cyando AG

Domandi preliminari

L-operatur ta’ servizz ta’ shared hosting li fih l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku fajls li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 meta

il-proċess ta’ uploading isir awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu, li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

jagħmel dħul mill-operat tas-servizz,

is-servizz jintuża għal applikazzjonijiet legali, iżda l-operatur ikollu għarfien dwar id-disponibbiltà ta’ ammont kunsiderevoli ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur (iktar minn 9 500 xogħol),

l-operatur ma joffri ebda elenku u ebda funzjoni ta’ tfittxija, iżda l-links ta’ downloading mingħajr restrizzjoni li jagħmel disponibbli jitqiegħdu fuq l-internet minn terzi f’ġabra ta’ links li jinkludu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ fajls u jippermettu t-tfittxija ta’ kontenut speċifiku,

permezz tat-tfassil ta’ remunerazzjoni għal downloads li titħallas skont it-talba, huwa joħloq inċentiva għal uploading ta’ kontenut li huwa protett mid-drittijiet tal-awtur li l-utenti jiksbu b’mod ieħor biss permezz ta’ ħlas

u

billi joffri l-possibbiltà ta’ uploading ta’ fajls b’mod anonimu, il-probabbiltà li l-utenti ma jinżammux responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur ser tiżdied?

b)    Din l-evalwazzjoni tinbidel jekk l-offerti li jiksru d-drittijiet tal-awtur huma pprovduti minn servizz ta’ shared hosting u għandhom portata ta’ 90 sa 96 % tal-użu totali?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-attività tal-operatur ta’ servizz ta’ shared hosting taqa’, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE 2 ?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

L-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali jew il-konoxxenza tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li skont dawn l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE, jikkonċerna attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreti?

Dejjem fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa konformi mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE li d-detentur ta’ dritt jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra fornitur ta’ servizzi li s-servizz tiegħu jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, u li l-utent kien uża dan is-servizz bi ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, biss meta dan il-ksur ikun seħħ għal darba oħra wara li tkun ingħatat notifika ta’ ksur manifest?

Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda:

L-operatur ta’ servizz ta’ shared hosting taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda għandu jitqies bħala persuna li wettqet ksur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE 3 ?

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ħames domanda?

L-obbligu ta’ tali persuna li twettaq ksur li tħallas danni skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li wettqet il-ksur kienet aġixxiet intenzjonalment sa fejn jikkonċerna kemm l-attività li tikkontravjeni tagħha stess kif ukoll l-attività li tikkontravjeni ta’ terzi, u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-utenti jużaw il-pjattaforma sabiex iwettqu ksur konkret?

____________

1 Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2 Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

3 Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).