Appell ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2019 minn CC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-248/17, RENV, CC vs Il-Parlament
(Kawża C-612/19 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: CC (rappreżentant: G. Maximini, Rechtsanwalt)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-248/17 RENV, bl-eċċezzjoni tal-punt 3 tad-dispożittiv marbut mal-ispejjeż ;
tikkundanna lill-Parlament għar-riżarċiment tad-danni morali u materjali subiti mir-rikorrent, skont il-metodu għall-kalkolu stabbilit fir-rikors promotur tiegħu F-9/12 ;
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża CC vs Il-Parlament, T-248/17 RENV (bl-eċċezzjoni tal-punt 3 tad-dispożittiv), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Parlament iħallas lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 6 000 u l-ispjjeż kollha, filwaqt li l-kumplament tar-rikors ġie miċħud.
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames motivi:
ksur tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
żbalji ta’ liġi safejn il-Qorti Ġenerali ma adottatx il-miżuri istruttorji u ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba;
żnaturament tal-avviż tal-kompetizzjoni – ksur tas-sentenza ta’ annullament – sostituzzjoni illegali ta’ evalwazzjoni – ksur tal-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;
żball ta’ liġi safejn il-Qorti Ġeenrali eskludiet ċerti postijiet mill-evalwazzjoni tat-telf ta’ opportunità ;
evalwazzjoni arbitrarja, żball ta’ liġi, assenza ta’ motivazzjoni, assenza ta’ imparzjalità.
____________