Language of document : ECLI:EU:C:2019:104

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C589/17

Prenatal S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Ġamajka – Rimbors ta’ dazji doganali – Fajl paragunabbli pendenti quddiem il-Kummissjoni – Natura restrittiva tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali”






1.        Il-kunfidenza fl-oriġini tal-merkanzija li tidħol fl-Unjoni Ewropea hija essenzjali għall-funzjonament effettiv tar-reġim doganali tal-Unjoni Ewropea. Apparti minn kull ħaġa oħra, l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija tiżgura li l-ammont korrett ta’ dazju jiġi applikat għall-oġġett ikkonċernat meta dan il-prodott jaqsam il-fruntiera tad-dwana u d-dazju jitħallas mill-persuna responsabbli. Dikjarazzjonijiet ta’ fejn sar il-prodott (l-oriġini tiegħu) huma kritiċi għal dan il-proċess. Pereżempju, prodott miċ-Ċina jista’ jattira dazju ogħla mill-istess prodott mill-Ġamajka u l-Unjoni tkun trid tiżgura li d-dħul li huwa dovut legalment lejha jitħallas.

2.        Fid-dawl tal-implikazzjonijiet finanzjarji ovvji, id-dikjarazzjonijiet tal-oriġini jistgħu jkunu s-suġġett ta’ frodi. Imma t-tiftix u t-twaqqif tal-frodi huma biċċa xogħol diffiċli. Ġeneralment, il-frodi ma tiġix imgeżwra bħal rigal jew akkumpanjata minn provi ovvji. L-isfida għall-awtoritajiet doganali għalhekk ħafna drabi tkun li jiġi identifikat il-mument f’waqtu li fih għandhom jittieħdu passi pożittivi biex jiġi evitat li sseħħ il-frodi jew jintervjenu meta din isseħħ. Fatturi bħall-baġit, il-ħaddiema u l-prijoritajiet strateġiċi kollha jinfluwenzaw din id-deċiżjoni. Fundamentalment iktar minn hekk, fil-kuntest tal-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali, f’liema punt wieħed għandu jwarrab il-fiduċja li għandu jkollu fil-proċeduri tad-dwana u r-reċiproċità sabiex jittieħed lura l-kontroll?

3.        Dan ir-riferiment jirriżulta minn sitwazzjoni li fiha d-dazji doganali ġew imposti imma l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tiddikjara li ma għandhiex ikollha tħallas dawn id-dazji minħabba frodi mwettqa minn terzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ta’ Cotonou

4.        Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar ’il quddiem “l-Istati AKP”), minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea (kif kienet tissejjaħ dak iż-żmien) u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Cotonou”) (2). Dan daħal fis-seħħ provviżorjament fit-2 ta’ Awwissu 2000 sal-1 ta’ Ġunju 2002 (3) u mbagħad ġie estiż sakemm daħal definittivament fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 (4).

5.        L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Cotonou jipprovdi li “[i]l-Partijiet għandhom […] jieħu l-passi xierqa, kemm ġenerali u partikolari, biex jassigura it-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu min dan il-ftehim u biex jitħaffef it-twettieq tal-għanijiet imsemmija.”

6.        L-Artikolu 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou jagħti trattament preferenzjali matul il-perijodu ta’ tħejjija msemmi fl-Artikolu 37(1) għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti “li joriġinaw fl-Istati tal-AKP” (5), b’tali mod li ma jkunu suġġetti għal ebda dazju. Id-dettalji tas-sistema ta’ trattament preferenzjali huma pprovduti fil-Protokoll 1 tal-Anness V (iktar ’il quddiem il-“Protokoll 1”). Għalhekk:

–        trattament preferenzjali jingħata meta jiġi sottomess ċertifikat “EUR.1”;

–        dan iċ-ċertifikat jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni wara applikazzjoni bil-miktub mill-esportatur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu; u

–        jekk mitlub, l-esportatur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni “id-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova ta’ l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll dwar it-twettieq tal-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll” (6).

7.        Wara li joħorġu ċ-ċertifikat, u sabiex jivverifikaw li l-proċeduri ġew segwiti sew, l-awtoritajiet doganali li jwettqu l-ħruġ “għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jivverifikaw l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti u tat-twettieq tal-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll. Għal dan l-iskop, huma għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa. L-awtoritajiet tad-dwana tal-ħruġ għandhom ukoll jassiguraw li l-formoli referuti fil-paragrafu 2 ikunu mimlijin kif meħtieġ. Partikolarment, huma għandhom jivverifikaw jekk l-ispazju rriservat għad-deskrizzjoni tal-prodotti jkunx ġie mimli b’tali manjera hekk li jeskludi il-possibilità kollha ta’ żidied b’qerq” (7). Il-partijiet kollha tal-Ftehim jintrabtu li jassistu lil xulxin “sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan il-Protokoll […] għandhom jgħinu lil xulxin, permezz ta’ l-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-verifika ta’ l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1, tad-dikjarazzjonijiet tal-fattura jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur u dwar il-korrettezza ta’ l-informazzjoni mogħtija f’dawn id-dokumenti” (8).

8.        Ladarba l-oġġetti inkwistjoni jkunu ġew importati fl-UE, verifiki tal-prova tal-oriġini “għandhom ikunu mwettqa b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni jkollu dubbji serji dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti” (9). L-awtoritajiet tad-dwana li jesportaw “għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa” (10) u r-riżultati tal-verifiki għandhom jiġu pprovduti lill-awtoritajiet rikjedenti “malajr kemm jista’ jkun possibbli” u jindikaw “kjarament jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti ikkonċernati jistgħux ikunu meqjusa bħala prodotti oriġinanti fl-istati ACP” (11).

9.        F’każ ta’ “dubbju raġjenevoli” u fejn ma jkunx hemm tweġiba fi żmien 10 xhur jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni “l-awtoritajiet doganali li jressqu t-talba għandhom, apparti milli f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jiċħdu l-intitolament għall-preferenzi” (12). Fejn il-proċedura tal-verifika jew xi informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ikunu ġew miksura, “l-Istat ACP bl-inizjattiva tiegħu stess, jew mat-talba tal-[Unjoni], għandu jwettaq inkjesti xierqa jew jirranġa għal tali inkjesti li jkunu mwettqa bl-urġenza meħtieġa sabiex jidentifika u jipprevjeni tali kontravenzjonijiet u għal dan l-iskop l-Istat ACP ikkonċernat jista’ jistieden il-parteċipazzjoni tal-[UE] f’dawn l-inkjesti” (13).

10.      Fl-aħħar, il-Protokoll jistabbilixxi l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) li l-mandat tiegħu hu li jiżgura, inter alia “li jikkorreġi l-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Protokoll”. Il-Kumitat huwa kompost minn “esperti ta’ l-istati Membri u ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni li huma responsabbli dwar kwistjonijiet doganali” Il-mandat tiegħu huwa li “jeżamina regolarment l-effett ta’ l-istati ACP […] tar-regoli ta’ l-oriġini u għandu jirrakommanda lill-Kunsill tal-Ministri il-miżuri xierqa” (14). Għal dan il-għan il-Kumitat “għandu jiltaqa’ regolarment”.

 Id-dritt tal-UE

 Il-Kodiċi Doganali

11.      L-Artikolu 1 tal-Kodiċi Doganali (15) jipprovdi li “Ir-regoli doganali għandhom jikkonsistu f’dan il-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet adottati fil-livell ta’ Komunità jew nazzjonalment biex jimplimentawhom”. L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-prinċipju li r-“regoli doganali tal-Komunità għandhom japplikaw b’mod uniformi f’kull parti tat-territorju doganali tal-Komunità”.

12.      Fi ħdan il-Kapitolu 3 (“Irkupru ta’ l-ammont tad-dejn doganali”) tat-Titolu VII, l-Artikolu 217 jgħid li, “[k]ull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali […] għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet)” (16).

13.      L-Artikolu 220(2)(b) jipprovdi li d-dħul fil-kontijiet ma għandux iseħħ fejn “l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali […] Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali” (17). Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) jiġu ssodisfatti, l-Artikolu 236(1) jipprovdi li d-dazji fuq l-importazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu lura.

14.      L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi bażi oħra għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fil-paragrafu (1) jipprovdi li “[d]azji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238: - li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat; - li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali”. Applikazzjoni għal dan il-għan tista’ tiġi sottomessa skont l-Artikolu 239(2). L-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (18) jespandi aktar fuq l-Artikolu 239 billi jipprovdi li l-applikant jista’ jsostni l-applikazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 239(2) b’evidenza “li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni speċjali”.

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

15.      Il-proċeduri dettaljati li jirregolaw talbiet magħmula taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jinsabu taħt it-Titolu III (Artikoli 868 sa 876a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ talbiet magħmula taħt l-Artikolu 239 jinsabu taħt it-Titolu IV (Artikoli 899 sa 909). Peress li dawn iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet jirriflettu lil xulxin (19) u minħabba li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jsemmu dawk relatati mal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, ser niffoka fuq l-Artikoli 899 sa 909.

16.      L-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi li applikant jista’ jissottometti l-applikazzjoni tiegħu għal maħfra lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru flimkien ma’ prova ta’ “sitwazzjoni partikolari” li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom ebda qerq jew negliġenza ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lilu. Fejn l-awtoritajiet tad-dwana “[jikkunsidraw] li sitwazzjoni speċjali tkun ir-riżultat li l-Kummissjoni tkun naqset fl-obligazzjonijiet tagħha”, huma għandhom jittrażmettu l-applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deċiżjoni. Dak l-obbligu ta’ trażmissjoni ma jkunx iktar impost meta “il-Kummissjoni tkun diġa tikkonsidra każ li jinvolvi kwestjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi” (20). Jekk il-każ huwa madankollu trażmess “il-Kummissjoni għandha tibgħat lura d-dosier [fajl] lejn l-awtorità doganali u l-proċedura referuta fl-Artikoli 906 sa 909 għandha tkun meqjusa bħala li qatt ma kienet ġiet mibdija” (21). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet tad-dwana kkonċernati “ma jistgħux jiddeċiedu li jawtorizzaw ir-rifużjoni jew ir-remissjoni tad-dazji f’dak il-każ sat-tmiem tal-proċedura inizzjata [f’każ parallel quddiem il-Kummissjoni] b’konformità ma l-Artikoli 906 sa 909 ” (22).

17.      Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta grupp ta’ esperti (23). Dik id-deċiżjoni għandha tkun innotifikata lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra kollha “sabiex tgħin lil-awtoritajiet doganali ħalli jilħqu deċiżjonijiet dwar il-każi li jinvolvu kwistjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi” (Artikolu 908(1)).

18.      Matul il-proċedura ta’ trażmissjoni u ta’ deċiżjoni, l-applikant ser jintalab jikkonferma li qara l-fajl u jew żied miegħu kif xieraq jew ma għandu xejn iktar xi jżid. Jekk, wara li tirrevedi l-fajl, il-Kummissjoni tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni sfavorevoli, l-applikant jingħata l-opportunità li jressaq kummenti qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali (24).

 Il-fatti u l-proċedura

19.      Il-Ġamajka hija firmatarja tal-Ftehim ta’ Cotonou.

20.      Bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem “il-perijodu rilevanti”), Prenatal SA (iktar ’il quddiem “Prenatal”) importat ħwejjeġ mill-Ġamajka fi Spanja billi bbażat ruħha fuq ċertifikati ta’ oriġini EUR.1 li jattiraw tariffa esterna komuni preferenzjali ta’ 0 % f’dak iż-żmien ta’ sdoganament mid-dwana.

21.      Fil-perijodu bejn Frar u Marzu 2005, l-awtoritajiet Ġamajkani, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni Ewropea (OLAF) u l-awtoritajiet doganali Spanjoli wettqu investigazzjoni fuq il-post biex jistabbilixxu jekk il-ħwejjeġ importati kinux koperti sewwa biċ-ċertifikazzjoni EUR.1. Fil-qosor, ir-rapport konġunt tagħhom ikkonkluda li l-oġġetti importati ma setgħux jirċievu trattament preferenzjali minħabba li kienu ġew immanifatturati bl-użu ta’ komponenti miċ-Ċina jew minn Ħong Kong u għalhekk ma kinux ta’ oriġini Ġamajkana. L-awtoritajiet tal-Ġamajka invalidaw iċ-ċertifikati EUR.1 għall-perijodu rilevanti u, bħala riżultat, l-awtoritajiet Spanjoli daħħlu fil-kontijiet tagħhom id-dazji doganali dovuti minn Prenatal għall-importazzjonijiet li kienet għamlet matul dak il-perijodu.

22.      Fl-10 ta’ Mejju 2006 Prenatal talbet lid-Dependencia Regional de Aduanas de la Delegación Especial de Cataluña (l-Uffiċċju Doganali Reġjonali Doganali tad-Delegazzjoni Speċjali ta’ Cataluña) għar-rimbors tad-dejn doganali abbażi tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (25). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-applikazzjoni ġiet riferuta lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Mejju 2006 skont l-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni peress li kienet tikkonċerna nuqqasijiet fir-rigward tal-azzjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, irrappreżentati mill-OLAF. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-każ ta’ Prenatal kien komparabbli fil-fatt u fil-liġi ma’ każ ieħor (REM 03/07, rigward El Corte Inglés SA, iktar ’il quddiem l-“ECI”) u għaldaqstant irritornat il-fajl skont l-Artikolu 905(6).

23.      Fit-3 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2008)6317 finali li stabbilixxiet li dħul a posteriori fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u l-maħfra ta’ dawk id-dazji ma hijiex iġġustifikata f’każ partikolari REM 03/07 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni REM 03/07”). Hija kkonkludiet li l-awtoritajiet rilevanti ma wettqu l-ebda żball skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, u li l-ECI ma kinitx f’sitwazzjoni speċjali skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Fit-30 ta’ Jannar 2009, ECI fittxet li tannulla dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (26).

24.      B’mod parallel, ECI (li kienet invokat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fit-tifsira tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità quddiem l-awtoritajiet doganali nazzjonali) ressqet rikors quddiem il-qrati Spanjoli, fejn talbet l-annullament tal-avviż doganali li jitlob ħlas tad-dazji doganali dovuti. Bis-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008 l-Audiencia National (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) annullat dan l-avviż. L-appell fil-kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ġie ddikjarat inammissibbli permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Frar 2010. Is-sentenza tal-Audiencia National (il-Qorti Nazzjonali) għalhekk saret definittiva u d-dejn ta’ ECI ġie kkanċellat (27). Fid-9 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-azzjoni ta’ ECI għall-annullament tal-Każ REM 03/07 kienet nieqsa minn skop minkejja argumenti kuntrarji miż-żewġ partijiet li xtaqu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dik id-deċiżjoni (28).

25.      Ma jidher li tqajmet l-ebda kontestazzjoni fil-livell nazzjonali minn Prenatal kontra d-deċiżjoni ekwivalenti tal-awtoritajiet Spanjoli. Fit-12 ta’ Mejju 2009, l-awtoritajiet Spanjoli ċaħdu l-applikazzjoni ta’ Prenatal għal maħfra billi applikaw il-Każ REM 03/07. Prenatal ikkontestat dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (il-Qorti Fiskali Reġjonali ta’ Cataluña, Spanja) (iktar ’il quddiem it-“TEARC”). It-TEARC ċaħdet dak l-appell. Imbagħad Prenatal appellat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il‑Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) (iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”).

26.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa neċessarju li tfittex gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tfakkar li l-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 03/07 kienet il-bażi tas-sentenza tat-TEARC, filwaqt li Prenatal issostni li l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 220(2)(b) u 239 tal-Kodiċi Doganali huma ssodisfatti u li għalhekk hija intitolata għal maħfra jew għar-rimbors tad-dazji doganali inkwistjoni.

27.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi segwenti:

“1.      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6317 finali tat-3 ta’ Novembru 2008 li tikkonstata, minn naħa, li hemm lok li jsir l-irkupru [id-dħul] a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni mhux mitluba mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma hijiex iġġustifikata minn sitwazzjoni partikolari, li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Ġamajka (Każ REM 03/07), tikser id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Artikoli 220(2)(b) u 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità?

2.      Meta tintalab maħfra tad-dazji doganali u meta l-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni li skontha l-każ inkwistjoni jippreżenta punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli għal dawk ta’ fajl preċedenti li fir-rigward tiegħu hija diġà ħadet deċiżjoni jew id-deċiżjoni li jeżisti każ komparabbli li d-deċiżjoni dwaru għadha pendenti, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-deċiżjonijiet huma atti ġuridiċi li jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji doganali u li għalhekk jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors mill-persuna li titlob il-maħfra tad-dazji doganali [Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92] jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni [dħul] ta’ dawn id-dazji (Artikolu 220(2)(b) tal-imsemmi Kodiċi Doganali tal-Komunità)?

3.      Fil-każ li ma jitqiesx li din hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha kontenut legali ta’ natura vinkolanti, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk dan il-każ jirrigwardax punti ta’ fatt jew ta’ liġi komparabbli?

4.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali eżami twettaq u wassal għall-konklużjoni li ma hemmx tali punti, għandu jiġi applikat l-Artikolu 905(1) tar-[Regolament Nru 2454/93] u, konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li fiha kontenut legali ta’ natura vinkolanti għal dawn l-awtoritajiet nazzjonali?”

28.      Prenatal, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ġew mitluba mill-Qorti biex jindirizzaw tliet kwistjonijiet fis-seduta orali: (i) l-interpretazzjoni tal-portata tal-obbligi li jaqgħu fuq l-awtoritajiet Ġamajkani taħt l-Artikoli 15 u 32 tal-Protokoll; (ii) sa fejn jista’ jiġi milqugħ argument ġdid dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim; u (iii) l-ammissibbiltà tat-tieni sar-raba’ domanda. Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2018.

 Evalwazzjoni

 Ammissibbiltà

29.      Il-Gvern Spanjol isostni li l-erba’ domandi huma kollha ammissibbli. Il-Kummissjoni, madankollu, tiddubita r-rilevanza tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ domanda. Din tosserva li dawn id-domandi jikkonċernaw id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jaslu għal konklużjoni differenti għal Prenatal minn dik li l-Kummissjoni waslet għaliha għal ECI. Madankollu, jidher ċar li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll it-TEARC applikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar ECI għal Prenatal minħabba li qiesu s-sitwazzjoni ta’ Prenatal bħala paragunabbli (tabilħaqq identika) fil-fatt u fil-liġi. Mistoqsijiet dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux jeżerċitaw kwalunkwe diskrezzjoni huma għalhekk mingħajr skop.

30.      Ma naqbilx (għalkollox) mad-dubji tal-Kummissjoni. Ser nindirizza kull domanda waħda wara l-oħra.

31.      Hemm żewġ aspetti separati għad-domanda 2: l-ewwel, l-effett legali tar-rinviju tal-fajl mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 905(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u t-tieni, jekk Prenatal setgħetx tikkontesta dak ir-rinviju f’dak iż-żmien (fl-2006). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, bla dubju, Prenatal issa ma tistax tikkontesta l-ittra tar-rinviju; u mhux ċar x’rilevanza kwalunkwe risposta għal din id-domanda tista’ jkollha għall-proċeduri preżenti (29). B’kuntrast ma’ dan, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-awtoritajiet tal-Istat Membru jgawdu meta jaffaċċjaw deċiżjoni ta’ rinviju huwa rilevanti biċ-ċar. Tabilħaqq, id-domanda 3 u 4 huma marbuta mad-domanda 2 u jistaqsu jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħux jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjoni għal maħfra, skont jekk dik id-deċiżjoni torbothomx formalment jew le.

32.      Għaldaqstant, naqrahom hekk, l-ewwel parti tat-tieni domanda flimkien mat-tielet u mar-raba’ domanda essenzjalment ifittxu li jistabbilixxu sa fejn l-awtoritajiet Spanjoli (doganali u ġudizzjarji) jistgħu jaslu għal konklużjoni differenti fil-każ ta’ Prenatal minn dik milħuqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ECI. Dawn id-dispożizzjonijiet ikunu partikolarment rilevanti jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala risposta għall-ewwel domanda, li d-Deċiżjoni REM 03/07 hija invalida.

33.      Għaldaqstant nikkunsidra li l-ewwel parti tat-tieni domanda u t-tielet u r-raba’ domanda għandhom igawdu l-preżunzjoni abitwali ta’ rilevanza (30).

 L-argument “ġdid”

34.      Bħala parti mis-sottomissjonijiet tagħha dwar l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, Prenatal issostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Cotonou. Dan huwa argument ġdid fis-sens li dak l-argument la ġie espressament ikkunsidrat fid-Deċiżjoni REM 03/07 (31) u lanqas fir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (32). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssottomettiet li ma setgħetx tiġi kkritikata talli ma indirizzatx l-argument il-ġdid qabel dawn il-proċeduri peress li dak l-argument ma kienx tqajjem minn ECI fit-talba tagħha għal maħfra. Prenatal ikkunsidrat li l-Kummissjoni, fil-fatt, indirizzat l-argument fil-punt 70 fid-Deċiżjoni REM 03/07 fejn iddikjarat li “ma identifikatx xi fatturi oħra li x’aktarx jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari”. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda impediment biex jitqajjem l-argument fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE u l-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tikkunsidra jekk l-aġir tagħha kkontribwixxiex għas-sitwazzjoni partikolari.

35.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa possibbli li jitqajjem dan l-argument “ġdid” f’dawn il-proċeduri. Parental f’ebda stadju tal-proċedura dwar it-talba ta’ maħfra ta’ ECI ma kellha d-dritt jew l-opportunità li tagħmel xi argument. Dritt bħal dan kien ta’ ECI biss (33). Il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE issa tagħti lill-partijiet li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni ta’ Prenatal biex isostnu l-kawża tagħhom u jagħmlu hekk mingħajr restrizzjoni għall-argumenti li jistgħu jressqu (34).

 L-ewwel domanda

36.      L-ewwel ser nittratta t-talba taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li tinvolvi l-eżami tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 32 tal-Protokoll, u mbagħad ngħaddi biex neżamina l-allegata “sitwazzjoni partikolari” skont l-Artikolu 239 tiegħu (35).

 L-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

37.      Biex applikant jirnexxielu jikseb maħfra jew rimbors ta’ dazji skont l-Artikolu 220(2)(b), għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi (36). L-ewwel, għandu jintwera li l-iżball fiċ-ċertifikati huwa dovut għall-fatt li l-awtoritajiet doganali “kienu konxji jew kellhom ikunu konxji” li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għal trattament preferenzjali. It-tieni nett, l-applikant irid ikun aġixxa in bona fide jew raġonevolment ma setax jinduna bl-iżball tal-awtoritajiet. It-tielet nett, dak l-applikant għandu jkun osserva d-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni sa fejn kienet ikkonċernata d-dikjarazzjoni doganali tiegħu.

38.      Hija biss l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li hija inkwistjoni fl-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni REM 03/07. It-tieni u t-tielet kundizzjoni huma neċessarjament individwali għal Prenatal u ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni REM 03/07, li ffokat biss fuq ECI.

39.      Fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tistaqsi dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni bħad-Deċiżjoni REM 03/07, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat. Il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa meta tevalwa l-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha mill-awtoritajiet doganali Spanjoli u minn ECI. Għaldaqstant, sakemm ma jkunx hemm żball ta’ evalwazzjoni manifest, bħal nuqqas ta’ stħarriġ “bir-reqqa u b’imparzjalità tal-fatti rilevanti kollha tal-każ individwali li fuqhom kienet ibbażata dik l-evalwazzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax u ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (37).

40.      Prenatal issostni (38) li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkonkludiet li l-awtoritajiet Ġamajkani ma kinux konxji mill-irregolaritajiet taċ-ċertifikat EUR.1. B’sostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija targumenta li l-għarfien huwa evidenzjat minn (i) rapport tal-awditu “JAMPRO” (39) tal-1998 tal-kumpanniji esportaturi inkwistjoni li wera diskrepanza evidenti bejn il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volum ta’ oġġetti esportati; (ii) il-fatt li, fl-1998, l-awtoritajiet Taljani u tar-Renju Unit kienu talbu kontroll ex posteriori taċ-ċertifikati maħruġa – talbiet li għalihom l-awtoritajiet Ġamajkani wieġbu (jekk fil-fatt għamlu hekk) fl-2000 bi spjegazzjonijiet għad-diskrepanzi li ma kellhomx kredibbiltà; u (iii) rapport minn uffiċjal tal-amministrazzjoni fiskali Spanjola li pparteċipa fl-investigazzjoni tal-OLAF fl-2005 li jgħid, inter alia, li uffiċjali fiż-żona ta’ esportazzjoni doganali fil-Ġamajka tkellmu dwar l-assenza ta’ xogħol rilevanti mwettaq fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina qabel l-esportazzjoni mill-ġdid tagħhom.

41.      Prenatal issostni, fl-alternattiv, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma kkonkludietx li l-awtoritajiet Ġamajkani kellhom ikunu konxji mill-irregolaritajiet taċ-ċertifikat EUR.1. Hawnhekk, din tinterpreta l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet Ġamajkani mill-Artikoli 15(5) u 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim fis-sens li dawk l-awtoritajiet kienu meħtieġa, iżda naqsu, li jwettqu spezzjonijiet fiżiċi ta’ oġġetti esportati. Kieku għamlu hekk, kienu jiskopru l-irregolaritajiet. Prenatal hija primarjament dipendenti fuq sett ta’ minuti ta’ Jannar 2006 tal-Bord tal-Kummerċ Ġamajkan li jikkonferma, inter alia, li l-ebda sistema ta’ spezzjonijiet fiżiċi ma kienet fis-seħħ fil-mument rilevanti.

42.      Applikant li fittex li jipprova li l-awtoritajiet doganali kkonċernati kienu konxji għandu jerfa’ piż kbir. Huwa għandu juri li dawk l-awtoritajiet fil-fatt kienu jafu bl-iżball (40). Il-prova ta’ dak l-istat ta’ għarfien għandha tkun ta’ standard għoli ta’ affidabbiltà u ta’ ċarezza; ma tistax ikun biss suġġestiva. Il-kwalità tal-prova għandha tkun tali li telimina preżunzjoni li l-awtoritajiet ma kinux konxji. Fl-assenza ta’ xi prova dokumentata li fil-fatt tammonta għal konfessjoni istituzzjonali, dak il-piż għoli ta’ prova rarament jiġi ssodisfatt.

43.      Il-provi li invokat ECI fl-applikazzjoni tagħha għal maħfra, u li Prenatal ressqet mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma humiex ta’ natura li x’aktarx jeliminaw l-oneru tal-prova. Rapport ta’ JAMPRO dwar perijodu ta’ ġimagħtejn f’Lulju 1998 ma jistax jiġi invokat biex jistabbilixxi l-istat tal-għarfien attwali tal-awtoritajiet doganali matul il-perijodu kollu bejn Jannar 2002 u Marzu 2005. Il-fatt li l-awtoritajiet doganali Ġamajkani kellhom għarfien tar-rapport JAMPRO imma ssodisfaw lilhom infushom li għandhom bżonn jiġġustifikaw biss diskrepanza ta’ 8 % bejn il-volumi ta’ esportazzjoni u l-kapaċità ta’ produzzjoni (għall-kuntrarju tad-diskrepanza ta’ bejn 252% u 559% kif irrapportat minn JAMPRO) (41) fil-fehma tiegħi ma huwiex konklużiv. U l-opinjonijiet (ikkontestati) ta’ żewġ uffiċjali, li l-istat eżatt tagħhom fi ħdan il-ġerarkija tal-awtoritajiet doganali Ġamajkani ma huwiex stabbilit, ma jistgħux raġonevolment jitqiesu li jirrappreżentaw l-għarfien speċifiku ta’ dawk l-awtoritajiet doganali kollha kemm huma.

44.      Jien għalhekk niċħad l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fid-dawl tar-rapport tal-awditu ta’ JAMPRO tal-1998 (42), it-tweġibiet tal-awtoritajiet doganali Ġamajkani għal talbiet għal kontrolli ex posteriori (43) u l-provi ta’ ċerti uffiċjali (44), li l-awtoritajiet Ġamajkani ma kinux konxji mill-irregolaritajiet taċ-ċertifikat EUR.1.

45.      Nasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-allegazzjoni alternattiva li l-awtoritajiet doganali Ġamajkani kellhom ikunu konxji minn dawn l-irregolaritajiet.

46.      Hawnhekk, l-argument ta’ Prenatal jiddependi fuq li l-awtoritajiet doganali Ġamajkani jkunu taħt obbligu legali, pożittiv, li jwettqu spezzjonijiet fiżiċi ta’ oġġetti esportati, għall-kuntrarju ta’ verifiki fuq il-karta biss. Prenatal tinterpreta dak l-obbligu fl-Artikoli 15 u 32 tal-Protokoll tal-Anness V tal-Ftehim.

47.      Jien ma naqrax dawn id-dispożizzjonijiet b’dak il-mod.

48.      L-ewwel nett, l-Artikolu 15 tal-Protokoll jiddeskrivi l-proċedura li biha esportatur jikseb ċertifikat EUR.1. Dan ipoġġi enfasi fuq ir-rendikont tad-dokumentazzjoni. Id-dazji u l-obbligi huma maqsuma bejn l-esportaturi u l-awtoritajiet tad-dwana li joħorġu ċ-ċertifikati. Għalhekk, l-esportaturi huma mitluba jimlew iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 u l-formoli ta’ applikazzjoni (Artikolu 15(2)) u li “għandu jkun ippreprat li fi kwalunkwe waqt jippreżenta, mat-talba ta’ l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni […] id-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova ta’ l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti kkonċernati” (Artikolu 15(3)). L-awtoritajiet doganali jeħtieġu li “jieħdu l-passi meħtieġa” biex jivverifikaw l-oriġini tal-prodotti u “għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa” (Artikolu 15(5)).

49.      Ma hemm xejn fl-Artikolu 15, b’mod partikolari fil-paragrafu 5 tiegħu, li jobbliga lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu kwalunkwe tip speċifiku jew partikolari ta’ passi jew miżuri, a fortiori, biex iwettqu spezzjonijiet fiżiċi kemm jekk ta’ spiss jew mod ieħor. L-obbligu impost fuq l-awtoritajiet fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(5) huwa mtaffi bil-kelma “meħtieġa” fl-istess sentenza. Is-sentenza dwar dak li huwa meħtieġ għalhekk titħalla kompletament għal dawk l-awtoritajiet. Dik id-diskrezzjoni hija enfasizzata bl-inklużjoni tal-kelma “[kwalunkwe]” u “passi meħtieġa”. Dan isaħħaħ il-miżura ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet għandhom, minflok jissuġġerixxi li għandha titwettaq kwalunkwe tip partikolari ta’ proċedura ta’ verifika. Jien għalhekk naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 15(5) sempliċement jagħti dritt lill-awtoritajiet doganali Ġamajkani biex iwettqu spezzjonijiet fiżiċi jekk iqisuhom meħtieġa (45). F’dan l-isfond, il-fatt li l-awtoritajiet doganali Ġamajkani ppreferew proċess ta’ verifika bbażat fuq il-karta ma jistax jiġi kkritikat (46).

50.      It-tieni nett, l-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 jeħtieġ li l-verifiki jsiru mill-awtoritajiet doganali li joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1 (i) każwalment u wkoll (ii) wara talba minn Stat Membru. Jekk l-Istat Membru jagħmel din it-talba, huwa għandu jirritorna d-dokumentazzjoni rilevanti kollha biex jgħin lill-awtoritajiet emittenti fil-verifika tagħhom (Artikolu 32(2)). Ladarba jkunu mgħammra b’din id-dokumentazzjoni, l-awtoritajiet “għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni […]” (Artikolu 32(3)). Jekk dik il-verifika sussegwentement “tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ikunu ġew miksura”, l-Artikolu 32(7) jiddikjara li għandhom jitwettqu (inter alia) “inkjesti xierqa”.

51.      Ma nikkunsidrax li l-Artikolu 32 jimponi jew obbligu assolut jew pożittiv fuq l-awtoritajiet doganali Ġamajkani biex iwettqu spezzjonijiet fiżiċi, a fortiori mhux fi kwalunkwe ħin partikolari jew bi kwalunkwe regolarità partikolari. Filwaqt li kienu bla dubju intitolati jagħmlu spezzjoni fiżika, xejn ma jobbligahom jagħmlu hekk. Mal-wasla tat-talbiet mibgħuta mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 32, kien permissibbli għall-awtoritajiet doganali Ġamajkani li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jivverifikaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fuq il-bażi tal-provi dokumentarji disponibbli, issupplimentati b’investigazzjonijiet xierqa.

52.      Minn dan isegwi li niċħad l-argument ta’ Prenatal li l-awtoritajiet doganali Ġamajkani ma kinux konxji mill-irregolaritajiet minħabba li kienu naqsu milli jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom li jwettqu spezzjonijiet fiżiċi. Minkejja d-dikjarazzjoni (iżolata) fil-minuti tal-Bord tal-Kummerċ Ġamajkan li “sistema ta’ kontrolli qatt ma ġiet implimentata”, il-Kummissjoni għalhekk ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Waqt li nikkonkludi hekk, ma rridx ngħid li qatt ma jista’ jkun hemm mument meta l-oneru tal-prova prodotta għall-attenzjoni tal-awtoritajiet doganali fl-Istat esportatur ixaqleb il-bilanċ favur li tinħass il-ħtieġa li ssir spezzjoni fiżika. Madankollu, dan ma huwiex kif nevalwa l-materjal miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

 LArtikolu 239 tal-Kodiċi Doganali

53.      Sabiex ikun jista’ jinvoka validament l-affermazzjoni li teżisti sitwazzjoni partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, applikant għandu juri li huwa “jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività bħalu u li, fin-nuqqas ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, [hu] ma kienx isofri d-dannu marbut mad-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji doganali” (47). Għaldaqstant, l-applikant għandu l-oneru tal-prova.

54.      Peress li dan l-argument qed jiġi kkunsidrat għall-ewwel darba fil-proċeduri preżenti, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex limitat biex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddetermina jekk il-Kummissjoni tibbilanċja “minn naħa, l-interess tal-Komunità fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, kemm jekk tkun Komunitarja jew li tivvinkola l-Komunità, u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fede sabiex ma jsostnix ħsarat li jiżbqu r-riskju kummerċjali ordinarju” (48).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tista’ tqum sitwazzjoni partikolari fejn il-Kummissjoni tkun naqset milli tissorvelja “b’mod adegwat” l-implimentazzjoni xierqa ta’ ftehim internazzjonali (49). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattat u tal-ftehimiet konklużi skont dan it-Trattat, hija marbuta tiżgura l-implimentazzjoni korretta minn pajjiż terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-Unjoni permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew mid-deċiżjonijiet meħuda skont dan il-ftehim (50).

56.      Parti minn dak id-dover tinvolvi l-ibbilanċjar ta’ żewġ prinċipji li jikkompetu. Minn naħa waħda, hemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li huwa l-bażi tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni (u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri) – għall-inqas għall-ewwel – huma marbuta li jaċċettaw kif ippreżentati dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet ta’ Stat esportatur bħal Ġamajka (51). Min-naħa l-oħra, il-Ftehim ta’ Cotonou huwa wieħed li huwa primarjament ta’ benefiċċju finanzjarju għal parti waħda (l-Istati AKP) u li s-sistema ta’ trattament preferenzjali tiegħu inevitabbilment tittanta lil dawk bla skruplu għal evażjoni u abbuż. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha tkun partikolarment attenta fid-dmir tagħha li timmonitorja u tissorvelja.

57.      Prenatal ġeneralment targumenta li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni ta’ attività frawdolenti; u speċifikament li kien imissha timmonitorja l-awtoritajiet Ġamajkani. Għalhekk Prenatal tiffoka fuq il-monitoraġġ u l-prevenzjoni iktar milli sempliċement investigazzjoni u intervent ex post. Fil-qosor, il-Kummissjoni hija akkużata b’passività, filwaqt li legalment attività kienet meħtieġa minnha.

58.      Prenatal tipproduċi provi li jindikaw li l-Kummissjoni ma wettqet ebda attività ta’ monitoraġġ, billi bbażat ruħha fuq stqarrijiet f’żewġ Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u rapport tal-Qorti tal-Awdituri (52). Prenatal tipponta lejn il-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 37 tal-Protokoll, li l-kompitu ġenerali tiegħu huwa li jiżgura li “jikkorreġi l-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Protokoll” u li l-Kummissjoni hija membru tiegħu, u tibbaża, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 37(2), li jeħtieġ li dan il-Kumitat “jeżamina regolarment l-effett ta’ l-istati ACP […] tar-regoli ta’ l-oriġini”. Bl-istess mod, Prenatal tinvoka l-Artikolu 31(2) tal-Protokoll li jeħtieġ lill-Unjoni, lill-Pajjiżi u t-Territorji Barranin u lill-Istati tal-AKP biex “jgħinu ’l xulxin, permezz ta’ l-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-verifika ta’ l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1, tad-dikjarazzjonijiet tal-fattura jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur”.

59.      Jidhirli li Prenatal qed taqra wisq fid-dispożizzjonijiet li qed tistrieħ fuqhom. L-Artikolu 31(2) jeħtieġ li l-awtentiċità tad-dokumentazzjoni tkun żgurata “permezz ta’ l-amministrazzjonijiet doganali kompetenti”. Il-kompitu huwa wieħed maqsum. Madankollu, il-Kummissjoni stess ma tamministrax is-sistema doganali tal-Unjoni. Ir-responsabbiltà primarja inevitabbilment hija tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jesportaw u li jimportaw. Ħafna mix-xogħol ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ għalhekk isir mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. L-Artikolu 32 tal-Protokoll jagħti lil dawn l-awtoritajiet id-dritt li jitolbu tipi speċifiċi ta’ azzjoni mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati AKP u fil-fatt li jirtiraw trattament preferenzjali jekk, pereżempju, ikollhom “dubbju raġjenevoli” u jekk it-tweġibiet għall-ittri tagħhom li jitolbu l-verifika jaslu tardivament (Artikolu 32(6)). Il-Kummissjoni xorta se tonqos mili twettaq id-dmir tagħha jekk tħalli barra milli tinforma lilha nnifisha bl-iżviluppi rilevanti fil-livell tal-Istati Membri, u sussegwentement tonqos milli tieħu azzjoni xierqa. Madankollu, f’dan il-każ il-prova limitata disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kienet f’komunikazzjoni mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Għalhekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li fl-2003 l-Ġermanja informatha bl-ittri tal-Istati Membri li talbu verifika. L-OLAF beda proċedura f’Marzu 2004, li wasslet għal żjarat fuq il-post fil-Ġamajka fi Frar u f’Marzu 2005. Tal-inqas saru laqgħat f’Settembru 2004 biex jiġu diskussi l-kwistjonijiet. F’dan l-isfond, filwaqt li azzjoni addizzjonali jew iktar mgħaġġla kienet, b’ħarsa lura, mixtieqa, ma jkunx ġust li jingħad li l-Kummissjoni qagħdet lura b’passività assoluta (53). Ninnota wkoll li l-Artikolu 37(2) jobbliga lill-Kumitat biex jikkunsidra l-“effett” fuq stati bħal Ġamajka tal-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini, mhux biex jissorvelja attivament l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

60.      Minn dan jirriżulta li ma nikkunsidrax li l-Kummissjoni kisret l-obbligi speċifiċi tagħha taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Ma naħsibx li “dmir ta’ amministrazzjoni tajba” ġenerali huwa biżżejjed sabiex jiġu imposti fuq il-Kummissjoni l-obbligi pożittivi li kienu jkunu meħtieġa biex tinħoloq “sitwazzjoni partikolari” għall-finijiet tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (54).

61.      Ir-rekwiżiti legali applikabbli f’dan il-każ huma għalhekk differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet preċedenti sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari. Fis-sentenza C.A.S. v Il-Kummissjoni, pereżempju, il-Kummissjoni kienet naqset li tinforma ruħha għalkollox dwar kwistjonijiet minkejja li kienet legalment obbligata li tagħmel hekk skont it-termini speċifiċi tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija (55). Bl-istess mod, fis-sentenza Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, il-Kummissjoni kienet taħt dover speċifiku li timmonitorja l-importazzjonijiet taċ-ċanga u tal-vitella mill-Arġentina kull għaxart ijiem biex tiżgura li l-kwota taċ-ċanga u tal-vitella fis-seħħ kienet applikata b’mod korrett. Il-Kummissjoni mhux biss kienet taf li l-kwota kienet inqabżet imma naqset milli timplimenta kwalunkwe miżura ta’ monitoraġġ li setgħet sabet l-eċċess, nuqqas bħal dan jikkostitwixxi “ksur serju” (56). U fis-sentenza Kaufring et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kklassifikat sensiela ta’ fallimenti magħrufa mit-Turkija fuq perijodu ta’ żmien sostnut biex tissodisfa obbligi skont it-termini speċifiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u t-Turkija kif ukoll “deċiżjonijiet differenti adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali”, u rreġistrat l-ommissjoni tal-Kummissjoni biex tikkontesta dawk in-nuqqasijiet minkejja li kellha s-setgħa li tagħmel hekk (57).

62.      Għaldaqstant nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-eżami tal-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma żvela ebda fattur li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni C(2008)6317 finali dwar il-Deċiżjoni REM 03/07.

 It-tieni sar-raba’ domanda

 It-tieni domanda

63.      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-trażmissjoni ta’ fajl taħt l-Artikolu 905 tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni għandha l-effett li tiffriża d-diskrezzjoni tal-awtoritajiet doganali rilevanti biex jaġixxu fuq l-applikazzjoni għal maħfra jew rimbors sakemm joħroġ l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-fajl parallel (58). Għalhekk, għal dan il-punt speċifiku u limitat, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha effett ta’ sospensjoni legali.

64.      Madankollu, Prenatal ma setgħetx, madankollu, tikkontesta dik id-deċiżjoni u/jew il-komunikazzjoni tagħha lill-awtoritajiet doganali Spanjoli. Biex Prenatal tikkontesta ittra/komunikazzjoni indirizzata lil xi ħadd ieħor, ikollha turi li l-ittra kienet tikkonċernaha direttament (59) kif ukoll individwalment (60) lilha. Dwar inċidenza diretta, ma narax x’effett legali l-ittra tar-rinviju għandha fuq is-sitwazzjoni ta’ Prenatal. L-awtoritajiet doganali żammew id-dritt tagħhom li jevalwaw il-fajl sottomess lilhom, għalkemm kien temporanjament sospiż (61). Minbarra dan, ma narax kif Prenatal setgħet tiddikjara li hija individwalment ikkonċernata bl-ittra tar-rinviju: il-potenzjal għal kummerċjanti oħra li sabu ruħhom f’sitwazzjoni simili huwa evidenti. Barra minn hekk, ir-rinviju tal-fajl tal-Kummissjoni ma hijiex deċiżjoni kif iddefinita mill-Artikolu 4(5) tal-Kodiċi Doganali peress li din id-definizzjoni tapplika biss għal atti ta’ “awtoritajiet tad-dwana” li huma stess huma ddefiniti fl-Artikolu 4(3) bħala “l-awtoritajiet responsabbli inter alia biex iħaddmu r-regoli doganali”. Fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni ma hijiex responsabbli biex “[tapplika] r-regoli doganali”.

65.      Filwaqt li d-deċiżjoni eventwalment adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni hija evidentement kontestabbli mill-applikant ikkonċernat, l-applikant fil-fajl parallel li ġie ffriżat ma jistax iqajjem tali kontestazzjoni. Madankollu, id-drittijiet tad-difiża tiegħu huma protetti permezz tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE (62).

66.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 905(6) tar-Regolament Nru 2454/93 biex jiġi miċħud il-fajl ittrasferit mill-awtoritajiet doganali Spanjoli ma għandha ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-applikant ikkonċernat u ma hijiex kontestabbli minn dak l-applikant skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 It-tielet u r-raba’ domanda

67.      Se neżamina dawn id-domandi flimkien u nikkunsidra ż-żewġ ipoteżijiet imressqa.

68.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità tad-Deċiżjoni REM 03/07, kif ssuġġerejt li għandha tagħmel, dik id-deċiżjoni se tkompli torbot lill-awtoritajiet doganali u ġudizzjarji Spanjoli fir-rigward ta’ ECI (63). L-awtoritajiet doganali Spanjoli għandhom imbagħad iqisu “kull partikolarita’ ta’ fatt jew ta’ liġi li tikkaratterizza s-sitwazzjoni partikolari” ta’ Prenatal sabiex jiddeterminaw jekk is-sitwazzjoni tagħha hijiex “differenti biżżejjed minn dik ta’ [ECI] biex tiġġustifika riżultat differenti” (64).

69.      Jekk, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni REM 03/07 tiġi ikkunsidrata invalida mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tkun meħtieġa tieħu azzjoni ta’ rimedju fl-applikazzjoni tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE. L-awtoritajiet doganali Spanjoli ma jistgħux jibdew mill-ġdid l-evalwazzjoni tagħhom tal-applikazzjoni ta’ Prenatal sakemm il-Kummissjoni tikkonkludi sewwa u legalment il-“proċedura tal-Artikolu 906 sa 909” fir-rigward tal-fajl ta’ ECI (65).

70.      Ovvjament, wara li evalwaw l-applikazzjoni ta’ Prenatal, huwa possibbli għall-awtoritajiet Spanjoli (u l-qrati) li jikkunsidraw li s-sitwazzjoni tagħha ma hijiex l-istess bħal dik ta’ ECI u, għaldaqstant, ma hijiex koperta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ġdida) rigward it-talba tad-dazji ta’ din tal-aħħar.

71.      L-awtoritajiet Spanjoli huma għalhekk mitluba jibdew mill-ġdid il-proċedura tal-Artikolu 905 billi jittrasferixxu l-fajl lill-Kummissjoni għat-tieni evalwazzjoni? Fil-fehma tiegħi, huma għandhom jagħmlu hekk sabiex jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-maħfra u r-rimbors tad-dazji (66). Dan jirrifletti d-diviżjoni tar-rwoli taħt ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-awtoritajiet doganali nazzjonali jieħdu deċiżjonijiet dwar id-dejn dovut mill-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju, filwaqt li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal maħfra jew rimbors meta tiġi invokata sitwazzjoni partikolari.

72.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tielet u r-raba’ domanda fis-sens li deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 torbot lill-awtoritajiet doganali u ġudizzjarji nazzjonali u għandha tiġi applikata għal applikazzjoni għal maħfra jew rimbors magħmula minn applikant ieħor sakemm ma jkunx hemm xi partikolarità ta’ fatt u ta’ liġi li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tiegħu bħala differenti biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat eżitu differenti. F’dak il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrażmettu l-fajl ta’ dak l-applikant lill-Kummissjoni għal deċiżjoni sussegwenti skont l-Artikolu 905(1) tar-Regolament Nru 2454/93.

 Konklużjoni

73.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña):

(1)      L-eżami tal-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma żvela ebda fattur li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni C(2008) 6317 finali li stabbilixxiet li dħul a posteriori fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa ġġustifikat u l-maħfra ta’ dawk id-dazji ma hijiex iġġustifikata f’każ partikolari, relatat mal-importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Ġamajka (Każ REM 03/07).

(2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 905(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003 tal-25 ta’ Lulju 2003, biex jiġi miċħud il-fajl ittrasferit mill-awtoritajiet doganali Spanjoli ma għandha ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-applikant ikkonċernat u ma hijiex kontestabbli minn dak l-applikant skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)      Id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 torbot lill-awtoritajiet doganali u ġudizzjarji nazzjonali u għandha tiġi applikata għal applikazzjoni għal maħfra jew rimbors magħmula minn applikant ieħor sakemm ma jkunx hemm xi partikolarità ta’ fatt u ta’ liġi li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tiegħu bħala differenti biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat eżitu differenti. F’dak il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrażmettu l-fajl ta’ dak l-applikant lill-Kummissjoni għal deċiżjoni sussegwenti skont l-Artikolu 905(1) tar-Regolament Nru 2454/93.


 Anness I: Kronoloġija tal-Passi u l-Iżviluppi Prinċipali

Lulju 1998

Rapporti tal-JAMPRO

Mejju u f’Ottubru 1998

Ittri mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Taljani u tar-Renju Unit lill-awtoritajiet doganali Ġamajkani

Frar 2000

Tweġibiet mill-awtoritajiet doganali Ġamajkani lill-awtoritajiet doganali Taljani u tar-Renju Unit

Ottubru 2003

Tweġiba mill-awtoritajiet Ġamajkani lill-awtoritajiet doganali Taljani dwar il-verifika wara importazzjoni

2003

Il-Kummissjoni ssir taf b’ittri mingħand awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru

Marzu 2004

Tinbeda l-investigazzjoni tal-OLAF

Lulu 2004

Tweġiba ta’ verifika wara importazzjoni lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi minn awtoritajiet Ġamajkani

Settembru 2004

Laqgħa bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Kummissjoni (OLAF) li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-ittri

Marzu 2005

Investigazzjoni tal-OLAF fil-Ġamajka

Jannar 2006

Minuti tal-Bord tal-Kummerċ



1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2000, L 317, p. 3.


3      Deċiżjoni Nru 1/2000 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tas-27 ta’ Lulju 2000 dwar miżuri transitorji validi mit-2 ta’ Awwissu 2000 sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU 2000, L 195, p. 46).


4      Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU 2003, L 83, p. 69).


5      L-Artikolu 37(1) jipprovdi li “[i]l-ftehimiet dwar sħubija ekonomika għandhom jiġu negozjati matul il-perjodu preparatorju li għandu jintemm sal-31 ta’ Diċembru 2007. In-negozjati formali ta’ l-arranġamenti kummerċjali ġodda għandhom jibdew f’Settembru 2002 u l-arranġamenti kummerċjali għandhom jidħlu fis-seħħ sa l-1 ta’ Jannar 2008, kemm-il darba l-Partijiet ma jkunux ftehmu fuq dati aktar kmieni.”


6      L-Artikoli 14 u 15 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou.


7      Artikolu 15(5) tal-Protokoll 1.


8      Artikolu 31(2) tal-Protokoll 1.


9      Artikolu 32(1) tal-Protokoll 1.


10      Artikolu 32(3) tal-Protokoll 1.


11      Artikolu 32(5) tal-Protokoll 1.


12      Artikolu 32(6) tal-Protokoll 1.


13      Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1.


14      Artikolu 37 tal-Protokoll 1.


15      Il-verżjoni tal-Kodiċi Doganali applikabbli fiż-żmien rilevanti kienet ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307). Ir-Regolament Nru 2913/92 ġie ssostitwit u mħassar fl-24 ta’ Ġunju 2008 bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 2008, L 145, p. 1), huwa stess ġie imħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, rettifika fil-ĠU 2016, L 267, p. 2).


16      L-Artikolu 4(9) tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi dejn doganali bħala “l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ”.


17      Din il-verżjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) iddaħħlet fil-Kodiċi Doganali bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità (ĠU 2000, L 311, p. 17).


18      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003 tal-25 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463) (flimkien “ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni”).


19      Huma identiċi mutatis mutandis.


20      Artikolu 905(2).


21      Artikolu 905(6).


22      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 899(2).


23      Artikolu 907.


24      Artikolu 905(3) u Artikolu 906a.


25      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha Prenatal tinnota li hija ppreżentat żewġ applikazzjonijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali li hija ppreżentat fit-8 ta’ Mejju 2006 u t-tieni waħda bbażata fuq l-Artikolu 220(2)(b) li hija ppreżentat fit-23 ta’ Jannar 2009.


26      Digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il-Kummissjoni, T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675.


27      Għal deskrizzjoni tal-proċedimenti paralleli pjuttost kumplessi, ara d-digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il-Kummissjoni, T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675, punti 6 sa 9 u 17.


28      Ara d-digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il‑Kummissjoni, T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675, punti 26 sa 41. Fil-punti 42 sa 84, il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat u ċaħdet is-seba’ argumenti (ippreżentati b’mod differenti minn ECI, minn ECI u mill-Kummissjoni, u mill-Kummissjoni biss) imressqa biex tiġi ġġustifikata t-tkomplija tar-rikors, qabel ma ddeċidiet li kien dan sar mingħajr skop u ordnat lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


29      Għalhekk, f’dawn il-proċeduri ma ġiex issuġġerit li Prenatal kellha opportunità li tikkontesta miżura tal-UE direttament skont l-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma għandhiex issa tkun tista’ tikkontesta l-validità permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 267 TFUE. Id-Deċiżjoni REM 03/07 kienet tikkonċerna ECI. Huwa dibattibbli (min tal-inqas) jekk Prenatal kienx ikollha locus standi biex tikkontesta l-ittra tar-rinviju.


30      Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, EU:C:2010:503, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Fil-punt 60 tad-Deċiżjoni REM 03/07, jidher li ECI kienet argumentat li l-Kummissjoni naqset li tinforma importaturi tal-Komunità bid-dubji li kellha iżda fl-opinjoni tiegħi dan huwa argument differenti fis-sustanza minn dak ippreżentat bħalissa.


32      Digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il‑Kummissjoni, T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675, punti 59 u 60.


33      Ara, inter alia, l-Artikolu 906a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-punt 18 iktar ’il fuq.


34      Digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il‑Kummissjoni (T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ separat huwa xieraq minħabba li kull oġġett ifittex għanijiet differenti: l-Artikolu 220(2)(b) ifittex li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi ta’ kummerċjant li d-deċiżjoni ta’ ġbir jew ta’ rinunzja ta’ dazju doganali a posteriori hija bbażata fuq informazzjoni jew kriterji korretti (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u 204/94, EU:C:1996:198, punt 87) filwaqt li dan l-artikolu tal-aħħar huwa “klawżola ġenerali ta’ ekwità” (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, EU:C:2011:843, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


37      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität Münche,(C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 13; tad-9 ta’ Novembru 1995, France-Aviation vs Il‑Kummissjoni, T‑346/94, EU:T:1995:187, punt 34); tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il‑Kummissjoni (T‑42/96, EU:T:1998:40, punti 77 u 140).


38      F’dawn il-konklużjonijiet nillimita ruħi għall-argumenti żviluppati minn Prenatal fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta. Il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ġabret fil-qosor firxa usa’ ta’ argumenti.


39      “JAMPRO” kien l-akronimu mogħti lill-”Korporazzjoni Promozzjonijiet tal-Ġamajka” li, nifhem, kienet aġenzija tal-Gvern Ġamajkan. Ir-rwol tagħha ġie ttrasferit għall-“Bord tal-Kummerċ tal-Ġamajka” fl-2002.


40      L-applikant għal maħfra għandu l-oneru tal-prova li kien “evidenti” li l-awtoritajiet li ħarġu ċ-ċertifikat kienu konxji jew kellhom ikunu konxji: sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 45.


41      Kif espressi fit-tweġibiet tagħhom fi Frar 2000, lill-Italja u lir-Renju Unit. Il-fatt li dawn l-ittri jidhru li ntbagħtu tard wara allegat ksur tal-Artikolu 32(5) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim huwa irrilevanti għall-istat ta’ għarfien tal-awtoritajiet Ġamajkani fil-mument rilevanti.


42      Ara l-punti 38 sa 42 tad-Deċiżjoni REM 03/07.


43      Ara l-punti 27 sa 34, b’mod partikolari 31 sa 33, tad-Deċiżjoni REM 03/07.


44      Ara l-punti 52 u 53 tad-Deċiżjoni REM 03/07. Hawnhekk nieqaf biex ninnota li, fil-punt 59 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għas-sottomissjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat lill-qorti ġenerali għall-finijiet tal-proċeduri li wasslu għad-digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il‑Kummissjoni, T‑38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675. Jien ma ħadtx kont tagħhom. L-argumenti kollha għandhom ikunu fil-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati lil din il-Qorti tal-Ġustizzja u ma għandhomx jiġu ppreżentati permezz ta’ annessi li, f’dan il-każ, jammontaw għal iktar minn 70 paġna ta’ argumentazzjoni addizzjonali (bl-Ispanjol).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C‑97/95, EU:C:1997:370, punti 65 u 66, li tinterpreta dispożizzjonijiet simili.


46      Prenatal enfasizzat l-istatus ta’ “Esportatur Approvat” li jista’ jinkiseb skont l-Artikolu 20 tal-Protokoll. Dak l-istatus effettivament jippermetti lill-esportaturi li jiċċertifikaw huma stess il-prodotti tagħhom għal trattament preferenzjali. L-eżistenza ta’ dan l-istatus, madankollu, ma tfissirx li l-verifiki l-oħra kollha għandhom jinvolvu spezzjonijiet fiżiċi.


47      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata. “Sitwazzjoni partikolari” tista’ tintalab minn iktar minn kummerċjant wieħed fl-istess ħin: ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C‑494/09, EU:C:2011:87, punti 55 sa 56 u 61


48      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C-204/07 P, EU:C:2008:446, punt 93.


49      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C-204/07 P, EU:C:2008:446, punt 92.


50      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C-204/07 P, EU:C:2008:446, punt 95 u l-Artikolu 211 TFUE.


51      Dwar il-Ftehim ta’ Cotonou speċifikament, ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, EU:C:2011:843, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata. B’analoġija, ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Combaro, C‑574/17 P, EU:C:2018:598, punti 50, 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.


52      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Pjan ta’ Azzjoni għall-monitoraġġ tal-funzjonament ta’ arranġamenti kummerċjali preferenzjali, (COM(2014)105 finali, 26 ta’ Frar 2014); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Ir-regoli ta’ oriġini fl-arranġamenti preferenzjali ta’ kummerċ - Orjentazzjonijiet għall-futur, (COM(2005)100 finali, 16 ta’ Marzu 2005); Rapport Speċjali Nru 2/2014, Qorti Ewropea tal-Awdituri, “L-Arranġamenti Kummerċjali Preferenzjali huma ġestiti b’mod xieraq?”


53      Għall-konvenjenza, nehmeż bħala Anness I tabella li tagħti l-kronoloġija tal-iżviluppi prinċipali kif deskritti mill-partijiet, kif fehimthom jien.


54      Għalhekk qrajt ir-riferimenti fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata, bħala li jsaħħu l-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà laħqet dwar il-formulazzjoni speċifika tal-ftehim inkwistjoni f’dak il-każ.


55      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C-204/07 P, EU:C:2008:446, punti 97 sa 100, 112 u 117 sa 120.


56      Sentenza tad-19 ta’ Frar 1998, T-42/96, EU:T:1998:40, punti 162 sa 190.


57      Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni (T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punti 257 sa 273).


58      Digriet tal-21 ta’ April 2016, Makro autoservicio mayorista u Vestel Iberia vs Il‑Kummissjoni (C‑264/15 P u C-265/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:301, punt 47).


59      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C-125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47).


60      Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 107).


61      Digriet tal-21 ta’ April 2016, Makro autoservicio mayorista u Vestel Iberia vs Il‑Kummissjoni (C‑264/15 P u C-265/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:301, punti 47 sa 49).


62      Digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, El Corte Inglés vs Il‑Kummissjoni (T-38/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:675, punt 57).


63      Qabel ma l-Kummissjoni toħroġ id-deċiżjoni REM tagħha, qorti nazzjonali hija marbuta biss li tevita “tieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni li l-Kummissjoni tkun biħsiebha tadotta” sal-punt li meta “ssir taf, fil-kuntest tal-proċedimenti mressqa quddiemha, bil-fatt li l-Kummissjoni tkun ġiet adita b’każ skont l-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali”: ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriental Foods Trading (C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 66). Assenza tal-għarfien jista’ jispjega għalfejn il-qorti nazzjonali annullat id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jagħmlu dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni kontra ECI: ara l-punti 23 sa 24 iktar ’il fuq. Huwa ċar li, fi kwalunkwe każ, ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri kontra ECI biex jiġu rkuprati d-dazji doganali inkwistjoni. Il-kwistjoni hija res judicata.


64      Digriet tal-21 ta’ April 2016, Makro autoservicio mayorista u Vestel Iberia vs Il‑Kummissjoni (C‑264/15 P u C-265/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:301, punti 48 u 49) u l-Artikolu 908(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.


65      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C-61/98, EU:C:1999:393, punt 48).


66      Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Trading Foods Oriental (C‑375/07, EU:C:2008:645, punti 62 sa 63); ara wkoll l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi Doganali.