Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (Spanja) fis-26 ta’ Ġunju 2019 – Ibercaja Banco, S.A. vs SO u TP

(Kawża C-497/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Zaragoza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Ibercaja Banco, S.A.

Appellati: SO u TP

Domandi preliminari

Regola nazzjonali li minnha jirriżulta li, jekk klawżola inġusta speċifika tkun għaddiet mill-istħarriġ ġudizzjarju ex officio inizjali mwettaq waqt l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni, dan l-istħarriġ jipprojbixxi li, sussegwentement, l-istess qorti [tista’] tevalwaha ex officio, meta diġà mill-ewwel mument kienu jeżistu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi, anki jekk dan l-istħarriġ inizjali ma għamel, la fid-dispożittiv tiegħu u lanqas fil-motivazzjoni tiegħu, ebda kunsiderazzjoni dwar il-validità tal-klawżoli tagħha, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni?

Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni li, filwaqt li diġà jkunu jeżistu l-punti ta’ fatt [u] ta’ liġi li jiddeterminaw in-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt konkluż mal-konsumatur, ma topponihiex fil-kuntest tal-opożizzjoni inċidentali prevista għal dan il-għan mil-liġi, tista’, wara li tkun ġiet deċiża din l-oppożizzjoni inċidentali, tressaq talba inċidentali ġdida intiża sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola oħra jew ta’ klawżoli oħra, meta hija diġà kienet setgħet opponithom inizjalment permezz tal-proċedura ordinarja prevista mil-liġi? Fi kliem ieħor, hemm effett ta’ dekadenza, li jimpedixxi lill-konsumatur milli jqajjem għal darb’oħra n-natura inġusta ta’ klawżola oħra fil-kuntest tal-istess proċeduri ta’ eżekuzzjoni u, inkluż, fi proċeduri dikjaratorji sussegwenti?

Fil-każ li jitqies li l-konklużjoni, li l-parti ma tistax tressaq tieni opożizzjoni inċidentali jew opożizzjoni inċidentali sussegwenti sabiex tinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola li hija setgħet topponi preċedentement peress li diġà kienu ddefiniti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan jista’ jservi ta’ bażi għal użu bħala mezz li bih il-qorti, avżata dwar din in-natura inġusta, tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha ex officio?

____________