Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Jannar 2019 – HA vs Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst

(Kawża C-47/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HA

Konvenut: Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst

Domandi preliminari

It-tagħlim tas-serfing u tal-ibburdjar jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ edukazzjoni skolastika jew universitarja fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ? Huwa biżżejjed li tali tagħlim jiġi offrut minn tal-inqas fi skola jew f’università tal-Istat Membru?

Sabiex jitqies li hemm inkwistjoni edukazzjoni skolastika jew universitarja fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE huwa neċessarju li l-edukazzjoni tagħti lok għal rapport ta’ evalwazzjoni jew huwa biżżejjed li l-kors tas-serfing jew tal-ibburdjar jiġi offrut fil-kuntest ta’ attività organizzata mill-iskola jew l-università, bħal vjaġġ tal-klassi?

Ir-rikonoxximent ta’ skola tas-serfing u tal-ibburdjar bħala korp li għandu għanijiet simili fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt għal edukazzjoni skolastika jew universitarja, li jipprevedu li anki l-korsijiet esterni tas-serfing jew tal-ibburdjar jagħmlu parti mill-edukazzjoni tal-isport jew mit-taħriġ universitarju ta’ għalliema tal-isport li jinkludu rapport ta’ evalwazzjoni jew ċertifikat ta’ prestazzjoni ieħor, u/jew mill-interess ġenerali għall-prattika ta’ attività sportiva? Tali rikonoxximent huwa suġġett għat-teħid ta’ responsabbiltà diretta jew indiretta tal-ispejjeż mill-iskola jew mill-università?

Korsijiet tas-serfing jew tal-ibburdjar mogħtija fil-kuntest ta’ vjaġġ tal-klassi jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-protezzjoni tat-tfal u taż-żagħżagħ fis-sens tal-Artikolu 132(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE; fl-affermattiv, huwa neċessarju tul minimu għal dan it-taħriġ?

L-espressjoni “tagħlim mogħti privatament minn għalliema u li jkopri edukazzjoni skolastika jew universitarja” prevista fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE teżiġi li l-persuna taxxabbli tipprovdi t-tagħlim hija stess?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.