Language of document : ECLI:EU:F:2009:129

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawża F-102/07

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċeduri ta’ promozzjoni 2004, 2005 u 2006 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Punti ta’ prijorità attribwiti mid-Diretturi Ġenerali – Punti ta’ prijorità li jirrikonoxxu x-xogħol imwettaq fl-interess tal-istituzzjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Kerstens jitlob l-annullament: tad-deċiżjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra, tat-23 ta’ Novembru 2005, li tattribwixxilu 3 punti ta’ prijorità mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ kull direttorat ġenerali (PPDĠ), f’dan il-każ l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas ta’ Drittijiet Individwali”, taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2004 (Informazzjoni amministrattiva Nru 85‑2005 tat-23 ta’ Novembru 2005); tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat-23 ta’ Novembru 2005, li tagħtih 0 PPDĠ taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2005 (Informazzjoni amministrattiva Nru 85‑2005); tad-deċiżjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Novembru 2006, li tagħtih 0 PPDĠ taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2006 (Informazzjoni amministrattiva Nru 55‑2006 tas-17 ta’ Novembru 2006); tad‑deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Novembru 2006, li tagħtih 0 punti ta’ prijorità għax-xogħol imwettaq fl-interess tal‑istituzzjoni, taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2006 (Informazzjoni amministrattiva Nru 55‑2006); tad-deċiżjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra, tal-15 ta’ Ġunju 2007, li tiċħad l-ilmenti tas‑16 u tat-22 ta’ Frar 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Sistema stabbilita mill-Kummissjoni – Distribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità fi ħdan id-direttorati ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Sistema stabbilita mill-Kummissjoni – Distribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni huma, hekk kif jirriżulta mill‑Artikolu 5(1), intiżi sabiex jippremjaw l-uffiċjali meqjusa li huma l-iktar jistħoċċilhom u, b’mod partikolari, dawk li jkunu kkontribwixxew għall-kisba ta’ riżultati li jmorru lil hinn mill-għanijiet individwali tagħhom jew li jkunu għamlu sforzi partikolari u kisbu riżultati eċċellenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, kif ir‑rapport juri. L-“ogħla” punti ta’ prijorità disponibbli għal kull direttorat ġenerali, jiġifieri minn 6 sa 10 punti ta’ prijorità huma, skont l‑Artikolu 5(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, irriżervati għall-uffiċjali bl-aħjar prestazzjoni, li jkunu pprovdew evidenza tal-mertu eċċezzjonali tagħhom, waqt li l-“iżgħar” punti ta’ prijorità, jiġifieri minn 0 sa 4 punti ta’ prijorità huma, skont din l-istess dispożizzjoni, maqsuma bejn l-uffiċjali l-oħra li jkunu meqjusa li jistħoqqilhom fid-dawl tal-kriterji tad‑dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

L-attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità għandha għalhekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-merti partikolari tal-uffiċjali inkwistjoni, bl‑“ogħla” punti ta’ prijorità ikunu rriżervati għall-uffiċjali li wrew merti eċċezzjonali.

Minn dan jirriżulta li ma hemm l-ebda obbligu fuq direttur ġenerali li, meta jipproċedi għall-attribuzzjoni tal-“ogħla” punti ta’ prijorità, jagħmel użu mill-kwota mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu għal dan il-għan.

L-Artikolu 5(3) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li jipprovdi, fil-prinċipju, li kull direttorat ġenerali għandu jeżawrixxi l-kwota ta’ punti ta’ prijorità li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jippreċiża, madankollu, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li din id‑dispożizzjoni ma tqiegħedx fid-dubju l-prinċipju ta’ evalwazzjoni tal-mertu fiż‑żmien, b’mod partikolari fi gruppi b’inqas persunal fejn il-preżenza ta’ għadd ta’ punti ta’ prijorità mhux użati tista’ tiġi ġġustifikata.

(ara l-punti 65 sa 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 290; 3 ta’ Mejju 2007, Crespinet vs Il‑Kummissjoni, T‑261/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 57; 1 ta’ April 2009, Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni, T‑385/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 130

2.      Anki jekk l-anzjanità fil-grad tista’, sussidjarjament, tilgħab rwol fl-attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ kull direttorat ġenerali għall‑uffiċjali li jkollhom merti ekwivalenti fil-każ ta’ numru insuffiċjenti ta’ punti, il-kriterju tal-mertu jibqa’ l-kriterju ewlieni. Li jiġi rrikonoxxut lill-anzjanità natura deċiżiva fid-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità jikser l-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall‑implimentazzjoni tal-istess Artikolu 45 adottati mill-Kummissjoni, għaliex l‑Artikolu 5 ma jirreferix għall-anzjanità fil-grad bħala kriterju għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità.

(ara l-punt 140)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il‑Kummissjoni, T‑502/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 89; Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145