Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-16 ta’ Awwissu 2019 – M.S., M.W., G.S. vs Minister for Justice and Equality

(Kawża C-616/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.S., M.W., G.S.

Konvenut: Minister for Justice and Equality

Domandi preliminari

Ir-riferiment għal “l-Istat Membru konċernat” fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 1 ifisser (a) l-ewwel Stat Membru li ta protezzjoni ekwivalenti għall-ażil lil applikant għal protezzjoni internazzjonali jew (b) it-tieni Stat Membru li fih hija ppreżentata applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, jew (c) wieħed jew l-ieħor minn dawn l-Istati Membri?

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata l-protezzjoni internazzjonali fil-forma ta’ protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru u jmur fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-preżentata ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, b’tali mod li t-tieni Stat Membru huwa awtorizzat jadotta miżura li tipprevedi li tali applikazzjoni sussegwenti hija inammissibbli?

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li ma huwiex marbut bid-Direttiva 2011/95 2 , iżda li huwa marbut bir-Regolament Nru 604/2013 3 , jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqis bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li preċedentement ingħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).

2 Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

3 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).