Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fl-10 ta’ Jannar 2019 – Bouygues travaux publics, Elco construct Bucarest, Welbond armatures

(Kawża C-17/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bouygues travaux publics, Elco construct Bucarest, Welbond armatures

Domanda preliminari

L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità 1 fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 2 , kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 3 , u l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005, jew A 1 maħruġ skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali jorbot il-qrati tal-Istat Membru li fih ix-xogħol jitwettaq sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli, mhux biss għall-iskema ta’ sigurità soċjali, iżda wkoll għad-dritt industrijali, meta din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-obbligi tal-persuni li jimpjegaw u d-drittijiet tal-persuni impjegati, b’mod li fit-tmiem tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, huma ma jistgħux jinjoraw dawn iċ-ċertifikati ħlief jekk, fuq il-bażi tal-elementi konkreti rċevuti matul l-investigazzjoni ġudizzjarja li ppermettiet li jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċertifikati kienu nkisbu jew invokati b’mod frawdolenti u li l-istituzzjoni li ħarġithom adita kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’terminu raġonevoli, dawn il-qrati jikkaratterizaw frodi kkostitwita, fl-element oġġettiv tagħha mill-assenza ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet previsti f’xi waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u fl-element suġġettiv tagħha, permezz tal-intenzjoni tal-persuna akkużata li tevita jew li teludi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat sabiex tikseb il-vantaġġ li huwa marbut ma’ dan?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83.

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 li jemenda u jaġġorna r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).

3     Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru. 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 (ĠU 2005, L 117, p. 1).

4     ĠU 2009, L 284, p. 1.