Language of document : ECLI:EU:F:2015:42

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKLU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

28 ta’ April 2015

Kawża F‑33/14

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura — Ksur tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA fuq il-bażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iqis li “l-aġir ta’ aġent, konsulent jew avukat quddiem it-Tribunal huwa inkompatibbli mad-dekor tat-Tribunal jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzjaˮ, huwa għandu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata. Għall-istess raġunijiet, skont l-Artikolu 34(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, “f’kull ħin u wara li tinstema l-persuna kkonċernata, jiddeċiedi, permezz ta’ digriet motivat, li jeskludi aġent, konsulent jew avukat mill-proċeduraˮ. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat.

Deċiżjoni:      Z huwa eskluż mill-proċedura, skont l-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Kopja ta’ dan id-digriet hija mibgħuta lill-awtoritajiet kompetenti Taljani, li taħthom jaqa’ Z.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rappreżentanza tal-partijiet — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti — Nuqqas ta’ osservazzjonijiet mir-rappreżentant wara li ġie informat bil-bidu tal-proċedura ta’ esklużjoni — Assenza ta’ effett

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (2))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rappreżentanza tal-partijiet — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti — Avukat ta’ parti li b’mod inutli u persistenti żied mal-ammont ta’ xogħol tal-qrati tal-Unjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (2))

1.      In-nuqqas ta’ risposta tal-avukat ta’ parti quddiem il-qrati tal-Unjoni għal ittra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tinformah bl-intenzjoni tagħha li tuża l-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-imsemmi Tribunal, ma jistax jostakola l-applikazzjoni, fil-konfront tiegħu, tal-imsemmija dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-esklużjoni mill-proċedura tal-avukat ta’ parti. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda avukat eskluż minħabba li kkontribwixxa sabiex il-klijent tiegħu jkompli b’aġir li jikkonsisti fiż-żieda inutli fl-ammont ta’ xogħol tal-qrati tal-Unjoni, l-assenza ta’ risposta tal-avukat ikkonċernat bl-ebda mod ma timmina l-fatt li l-inklinazzjoni tal-klijent tiegħu li jagħżel awtomatikament u arbitrarjament il-litigazzjoni hija tali li taffettwa b’mod negattiv l-iżvolġiment korrett tal-ġustizzja, u lanqas il-fatt li l-aġir tal-avukat tiegħu jikkontribwixxi direttament għall-kontinwazzjoni tal-attitudni kontenzjuża kkritikata tal-klijent tiegħu.

(ara l-punt 13)

2.      Ikun hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi jiġi eskluż l-avukat ta’ parti quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-proċedura u billi tintbagħat kopja tad-digriet ta’ esklużjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jaqa’ taħthom, meta jkun stabbilit b’mod suffiċjenti li, permezz tal-aġir tiegħu, l-avukat ikkonċernat ikkontribwixxa, arbitrarjament, għaż-żamma tal-attitudni kontenzjuża tal-klijent tiegħu, li kellha effett partikolarment negattiv fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, fid-dawl tan-numru partikolarment għoli ta’ rikorsi ppreżentati minn dan tal-aħħar quddiem it-tliet qrati tal-Unjoni, numru li ma setax jiġi injorat minn avukat raġonevolment diliġenti.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-avukat ikkonċernat ippreżenta biss żewġ kawżi, taħt il-firma tiegħu u f’isem il-klijent tiegħu, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex, fid-dawl tal-istorja tal-litigazzjoni mill-predeċessuri tiegħu, li ma jistax ikun li hu ma jafx dwarha, tali li jiġġustifika l-aġir tiegħu bħala avukat, aġir li għandu jikkonsisti f’li jassisti u jirrappreżenta lill-klijent tiegħu filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku.

(ara l-punti 14, 21 u 22)