Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Marzu 2020 – Finanzamt Kiel vs Norddeutsche Gesellschaft für Diakonie mbH

(Kawża C-141/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Kiel

Konvenuta: Norddeutsche Gesellschaft für Diakonie mbH

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) flimkien mal-Artikolu 21(1)(a) u (3) tad-Direttiva 77/388/KEE 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jinnomina bħala persuna taxxabbli membru tal-grupp tal-VAT (l-impriża li teżerċita kontroll) minflok dan il-grupp tal-VAT (l-impriża taxxabbli)?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) flimkien mal-Artikolu 21(1)(a) u (3) tad-Direttiva 77/388 jistgħu jiġu invokati f’dan ir-rigward?

Fil-kuntest tal-eżami li għandu jsir skont il-punt 46 tas-sentenza Larentia + Minerva 2 , meta jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżit ta’ integrazzjoni finanzjarja li jinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 2(2) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar id-Dħul mill-Bejgħ) jikkostitwixxix miżura ammissibbli li hija meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ prattiki jew aġir abbużivi u ta’ evażjoni tat-taxxa jew ta’ frodi fiskali, huwa meħtieġ li jiġi applikat standard iktar strett jew ġeneruż?

L-Artikolu 4(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 77/388 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jqis persuna bħala mhux indipendenti fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva permezz ta’ kwalifika dwar jekk din il-persuna hijiex integrata finanzjarjament, ekonomikament u organizzazzjonalment fin-negozju ta’ impriża oħra (l-impriża li teżerċita kontroll) b’tali mod li l-kumpanija li teżerċita l-kontroll tista’ tinforza r-rieda tagħha fir-rigward ta’ din il-persuna u b’hekk tipprevjeni lil din il-persuna milli jkollha rieda differenti?

____________

1     Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

2     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015 (C-108/14 u C-109/14, EU:C:2015:496).