Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fis-16 ta’ April 2019 – XT vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-312/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XT

Konvenut: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni, persuna fiżika bħar-rikorrent ma tistax titqies li wettqet “indipendentement” l-attività (ekonomika) inkwistjoni u li ħallset waħedha t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-provvisti kkontestati, jiġifieri, għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-persuna taxxabbli responsabbli għall-obbligi inkwistjoni għandha titqies li hija l-attività konġunta/sħubija (il-parteċipanti fl-attività konġunta kollettivament; fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrent u s-sieħeb tan-negozju tiegħu flimkien) – li taħt il-liġi nazzjonali ma titqiesx bħala persuna taxxabbli u ma tgawdix minn personalità ġuridika – u mhux biss persuna fiżika bħar-rikorrent?

Jekk l-ewwel domanda tingħata tweġiba fl-affermattiv, l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ inkwistjoni, il-VAT għandha titħallas individwalment minn kull wieħed mill-parteċipanti (fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrent u s-sieħeb fin-negozju tiegħu) fl-attività konġunta/sħubija – liema attività konġunta/sħubija, taħt il-liġi nazzjonali, ma titqiesx li tikkostitwixxi persuna taxxabbli u ma tgawdix minn personalità ġuridika – fuq il-parti ta’ kull ħlas bħala korrispettiv li huma jirċievu (jew li huwa riċevibbli minn jew dovut lilhom) għall-provvisti taxxabbli ta’ proprjetà immobbli? L-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, id- dħul mill-bejgħ annwali msemmi f’dik id-dispożizzjoni huwa stabbilit billi jittieħed kont tad-dħul kollu tal-attività konġunta (riċevut kollettivament mill-parteċipanti fl-attività konġunta)?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1.