Language of document : ECLI:EU:C:2018:392

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Frodi jew attività illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali – Effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali – Għeluq tal-proċedura kriminali – Terminu raġonevoli – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”

Fil-Kawża C-612/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura kriminali kontra

Nikolay Kolev,

Milko Hristov,

Stefan Kostadinov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u V. Soloveytchik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra Nikolay Kolev, Milko Hristov u Stefan Kostadinov, li huma akkużati li wettqu diversi reati kriminali bħala uffiċjali doganali ta’ Svilengrad (il-Bulgarija).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom

3        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni.

 Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 u r-Regolament (UE) Nru 952/2013

4        L-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), li kien applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jaħseb għal penali għal nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

5        Dan ir-regolament tħassar fit-30 ta’ Ottubru 2013 permezz tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1), li l-Artikolu 42(1) tiegħu jirriproduċi, essenzjalment, l-imsemmi Artikolu 21(1).

 Id-Direttiva 2012/13

6        Il-premessi 10, 14, 27, 28 u 41 tad-Direttiva 2012/13 jiddikjaraw:

“(10)      Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Tali regoli minimi komuni għandhom jiġu stabbiliti fil-qasam tal-informazzjoni fi proċeduri kriminali.

[...]

(14)      Din id-Direttiva [...] tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni [...] dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli [...] 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-[Artikolu 6] tal-KEDB kif [interpretat] mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. [...]

[...]

(27)      Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.

(28)      L-informazzjoni provduta lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar ir-reat kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li kkommettew għandha tingħata fil-pront, u mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija jew awtorità kompetenti oħra, u mingħajr ma jippreġudika l-kors tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, fejn magħrufa, il-ħin u l-post, relatati mal-att kriminali li l-persuni jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu, u l-klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat għandhom jingħataw f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-istadju tal-proċeduri kriminali meta tingħata tali deskrizzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u sabiex jiġi permess l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

[...]

(41)      Din id-Direttiva [...] tfittex li tippromwovi [...] id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. [...]”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati [...] dwar l-akkuża kontrihom. [...]”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

9        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt tal-aċċess għall-materjal tal-każ”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess tal-anqas għall-materjal kollu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur jew kontra s-suspettati jew il-persuni akkużati, lil dawk il-persuni jew lill-avukat tagħhom sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u bi tħejjija għad-difiża tagħhom.

3.      [...] [L]-aċċess għall-materjal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu fil-pussess ta’ aktar provi materjali, għandu jingħata aċċess għalihom fi żmien debitu biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat.”

 Id-Direttiva 2013/48

10      Il-premessa 12 tad-Direttiva 2013/48 tiddikjara:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali [...]. B’dan hija tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli [...] 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-[Artikolu 6] tal-KEDB, kif [interpretat] mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [...].”

11      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-[dritt] tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali [...] li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat [...].”

12      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.”

 Id-dritt Bulgaru

 Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal avukat

13      Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 91(3) u tal-Artikolu 92 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), meta żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni jirrikorru għall-istess avukat, il-qorti għandha teskludi lil dan l-avukat jekk id-difiża ta’ waħda minn dawn il-persuni tkun tinsab f’kontradizzjoni ma’ dik tal-persuna l-oħra. Skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, ikun hemm kontradizzjoni bejn l-interessi tal-imsemmija persuni fil-każ li waħda minnhom tagħti spjegazzjonijiet li jistgħu jintużaw kontra l-oħra, filwaqt li din tal-aħħar ma tipprovdi ebda spjegazzjoni.

14      L-Artikolu 94(4) sa (6) ta’ dan il-kodiċi jirregola n-nomina, minn korp indipendenti, ta’ avukat sostitut maħtur ex officio.

 Id-dispożizzjonijiet dwar l-att ta’ akkuża, il-fajl tal-investigazzjoni u l-att ta’ akkuża finali

15      L-Artikoli 219 u 221 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedu li l-korp ta’ investigazzjoni għandu jistabbilixxi l-att ta’ akkuża, li jesponi l-fatti prinċipali tar-reat u l-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti. Dan l-att għandu jiġi kkomunikat lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u lill-avukat tagħha, li jiffirmawh wara li jieħdu konoxxenza tiegħu.

16      Il-komunikazzjoni tal-fajl tal-investigazzjoni hija rregolata mill-Artikoli 226 sa 230 ta’ dan il-kodiċi. Skont dawn l-artikoli, qabel ir-redazzjoni eventwali tal-att ta’ akkuża finali u jekk id-difiża tagħmel talba f’dan is-sens, il-provi miġbura għall-finijiet tal-investigazzjoni għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-difiża. F’dan il-każ, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-avukat tagħha għandhom jissejħu minn tal-inqas tliet ijiem qabel dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni u mbagħad ikunu jistgħu jieħdu konoxxenza tal-provi inkwistjoni f’terminu adegwat. L-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi jintemm jekk din il-persuna u l-avukat tagħha ma jinstabux fl-indirizz indikat jew ma jidhrux fil-jum li fih jissejħu sabiex jidhru mingħajr raġunijiet validi.

17      Bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 246 tal-imsemmi kodiċi, meta jiddeċiedi li jressaq il-kawża quddiem il-qorti, il-prosekutur pubbliku għandu jistabbilixxi l-att ta’ akkuża finali, li jagħlaq il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali u jiftaħ il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura. L-att ta’ akkuża finali, li, skont il-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxi “l-att ta’ akkuża ddettaljat u definittiv”, għandu jesponi fid-dettall il-fatti u l-klassifikazzjoni legali tagħhom. Dan l-att jiġi ppreżentat lill-qorti li għandha, f’terminu ta’ ħmistax-il jum, tivverifika jekk twettaqx ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Fin-negattiv, il-qorti tiffissa d-data għall-ewwel seduta. Il-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-avukat tagħha jirċievu kopja ta’ dan l-att ta’ akkuża finali flimkien mas-sejħa għal din is-seduta. Huma mbagħad ikollhom terminu ta’ sebat ijiem, li jista’ jiġi pprorogat, sabiex jippreparaw id-difiża.

 Id-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza dwar ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

18      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 348(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ksur ta’ rekwiżit formali jkun ta’ natura “essenzjali” meta jippreġudika b’mod sinjifikattiv dritt proċedurali rrikonoxxut mil-liġi. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), jikkostitwixxu tali ksur, b’mod partikolari, in-nuqqas li jiġu stabbiliti jew li jiġu kkomunikati l-att ta’ akkuża, il-fajl tal-investigazzjoni jew l-att ta’ akkuża finali, kif ukoll l-eżistenza ta’ kontradizzjoni li tivvizzja l-att ta’ akkuża finali. L-att ivvizzjat ikollu jiġi ssostitwit b’att ġdid, u f’dan ir-rigward il-qorti ma tistax tirrimedja hija stess il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali mwettaq mill-prosekutur pubbliku iżda għandha, għal dan il-għan, tibgħat il-kawża lura quddiem dan tal-aħħar.

 Id-dispożizzjonijiet dwar l-għeluq tal-proċedura kriminali

19      Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-għeluq tal-proċedura kriminali kien irregolat mill-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li skont il-qorti tar-rinviju kienu intiżi li jħaffu l-fażi preliminari tal-proċedura kriminali.

20      Skont l-Artikolu 368 ta’ dan il-kodiċi, meta l-fażi preliminari tal-proċedura kriminali ma kinitx tkun għadha ntemmet mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sentejn mill-akkuża għal reati gravi, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kienet tista’ titlob lill-qorti timplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 369 tal-imsemmi kodiċi, fejn il-kawża jew tintbagħat għas-sentenza jew, fl-assenza ta’ dan, il-proċedura kriminali tingħalaq.

21      Konformement mal-imsemmi Artikolu 369, il-qorti, wara li tkun ikkonstatat l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ sentejn, kellha tibgħat il-kawża quddiem il-prosekutur pubbliku filwaqt li tagħtih terminu ta’ tliet xhur sabiex jispiċċa l-investigazzjoni u jagħlaq il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, jew billi jtemm il-prosekuzzjoni jew billi jressaq il-kawża għas-sentenza. Fil-każ li l-prosekutur pubbliku kien jagħżel din it-tieni possibbiltà, huwa kellu perijodu ta’ ħmistax-il jum addizzjonali sabiex jistabbilixxi att ta’ akkuża finali u jippreżentah quddiem il-qorti. Fil-każ li l-prosekutur pubbliku ma kienx josserva dawn it-termini ġodda, il-qorti kellha tieħu konjizzjoni tal-kawża hija stess u tagħlaq il-proċedura kriminali. Għall-kuntrarju, fil-każ li l-prosekutur pubbliku kien itemm il-fażi preliminari tal-proċedura u kien jippreżenta att ta’ akkuża finali lill-qorti fit-termini mogħtija, din tal-aħħar kienet teżamina r-regolarità tal-proċedura u kienet tiżgura b’mod partikolari li ma kienx hemm ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali. Fil-każ li kienet tqis li kien hemm tali ksur, il-qorti kienet terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-prosekutur pubbliku, filwaqt li kienet tagħtih terminu addizzjonali ta’ xahar sabiex jirrimedja dan il-ksur. Fil-każ li l-prosekutur pubbliku ma kienx josserva dan it-terminu, ma kienx jirrimedja l-imsemmi ksur jew kien iwettaq ksur ġdid, il-qorti kienet tagħlaq il-proċedura kriminali.

22      Meta dawn il-kundizzjonijiet kollha kienu jkunu ssodisfatti, dan l-għeluq kien jikkostitwixxi dritt għall-persuna li kienet is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-qorti kienet meħtieġa tordna tali għeluq, mingħajr ma setgħet tirrimedja hija stess il-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali kkonstatat u mingħajr lanqas ma setgħet teżamina l-mertu tal-kawża. Id-deċiżjoni tal-għeluq tal-proċedura kriminali kienet ittemm b’mod definittiv kull prosekuzzjoni kriminali, b’tali mod li ma kienx ikun għadu possibbli li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali tal-persuna inkwistjoni. Ħlief f’każijiet eċċezzjonali, din id-deċiżjoni ma kinitx suġġetta għal appell.

23      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Awwissu 2017, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kienu ġew emendati u li kien ġie introdott artikolu ġdid f’dan il-kodiċi, l-Artikolu 368a. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, kif emendati, il-qorti ma għadhiex ser tkun tista’ tordna l-għeluq tal-proċedura kriminali, iżda ser tkun tista’ tiddeċiedi biss li tħaffifha. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, dawn l-emendi ma japplikawx ratione temporis għall-kawża prinċipali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Tmien uffiċjali doganali ta’ Svilengrad, Dimitar Dimitrov, Plamen Drenski, Nikolay Kolev, Milko Hristov, Stefan Kostadinov, Nasko Kurdov, Nikola Trifonov u Georgi Zlatanov, jinsabu akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2011 u t-2 ta’ Mejju 2012, minħabba li allegatament talbu tixħim mingħand is-sewwieqa ta’ vetturi kummerċjali u privati li kienu qegħdin jaqsmu l-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija sabiex jastjenu milli jwettqu kontroll doganali u milli jindikaw fid-dokumenti l-irregolaritajiet li jkunu ġew ikkonstatati. S. Kostadinov u N. Kurdov jinsabu akkużati wkoll bil-ħabi tat-tixħim miksub b’dan il-mod, u P. Drenski, M. Hristov kif ukoll N. Trifonov b’korruzzjoni. Skont l-Artikoli 215, 301 u 321 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), dawn id-diversi atti jikkostitwixxu reati suġġetti għal sanzjonijiet ta’ ċaħda tal-libertà li jistgħu jilħqu, skont il-każ, sitta jew għaxar snin ta’ priġunerija kif ukoll, fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni, għal multa.

25      Dawn it-tmien persuni kienu ġew arrestati fil-lejl ta’ bejn it-2 u t-3 ta’ Mejju 2012. Il-kapijiet tal-akkuża magħmula kontrihom ġew stabbiliti immedjatament wara dan l-arrest u mbagħad ġew speċifikati matul is-sena 2013 u kkomunikati lilhom. Dawn il-persuni ġew ukoll informati bil-provi miġbura.

26      Peress li wħud mill-imsemmija persuni kkonkludew ftehim mal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku sabiex il-prosekuzzjonijiet miftuħa kontrihom jitwaqqfu parzjalment, il-kawża tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikkonferma dan il-ftehim. Madankollu, peress li dik il-qorti qieset li l-atti ta’ akkuża ma kinux ġew adottati mill-korp kompetenti u kien fihom ksur ta’ rekwiżiti formali, hija ċaħdet, f’żewġ okkażjonijiet, din it-talba.

27      Għaldaqstant, il-kawża ntbagħtet quddiem il-prosekutur kompetenti fi ħdan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku speċjalizzat sabiex dan jifformula kapijiet ta’ akkuża ġodda fil-konfront tat-tmien persuni li kienu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni. Madankollu, il-proċedura mbagħad twaqqfet għal kull fini prattiku u t-termini mogħtija għall-investigazzjoni ġew estiżi diversi drabi.

28      Matul is-sena 2014, peress li l-investigazzjoni kienet għadha ma ntemmitx minkejja li kien għadda perijodu ta’ sentejn mid-data tal-akkuża, N. Kolev, M. Hristov u S. Kostadinov, fuq il-bażi tal-Artikolu 368 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ressqu talba, quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex din tal-aħħar timplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 369 ta’ dan il-kodiċi. Peress li dik il-qorti laqgħet din it-talba, hija bagħtet il-kawża lura quddiem il-prosekutur pubbliku, filwaqt li tatu terminu ta’ tliet xhur, jiġifieri sad-29 ta’ Jannar 2015, sabiex itemm l-investigazzjoni, jipprepara kapijiet ta’ akkuża ġodda, jikkomunikahom flimkien mal-fajl tal-investigazzjoni lill-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni u jagħlaq il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, fejn imbagħad il-prosekutur pubbliku kellu ħmistax-il jum addizzjonali sabiex ifassal att ta’ akkuża finali u jippreżentah lill-qorti.

29      Il-prosekutur pubbliku pprepara kapijiet ta’ akkuża ġodda u ppreżenta att ta’ akkuża finali lill-qorti tar-rinviju fit-termini mogħtija.

30      Madankollu, la N. Kolev, la S. Kostadinov u lanqas l-avukati tagħhom ma rċevew komunikazzjoni ta’ dawn il-kapijiet ta’ akkuża. Fil-fatt, huma indikaw li ma setgħux jidhru fid-dati ffissati għal din il-komunikazzjoni minħabba raġunijiet mediċi u professjonali. Barra minn hekk, la dawn il-persuni u lanqas M. Hristov ma ġew informati bil-fajl tal-investigazzjoni.

31      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Frar 2015, il-qorti tar-rinviju qieset li kien twettaq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, minn naħa, minħabba li l-kapijiet ta’ akkuża ġodda stabbiliti ma kinux ġew ikkomunikati lil N. Kolev u lil S. Kostadinov, bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, u minħabba li l-att ta’ akkuża finali kien jinkludi informazzjoni dwar l-akkuża li ma kinitx ġiet ikkomunikata b’mod regolari lil dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti osservat li l-partijiet tal-att ta’ akkuża finali li jikkonċernaw il-fatti invokati fil-konfront ta’ M. Hristov kienu vvizzjati b’kontradizzjonijiet. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti, konformement mal-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ordnat għal darba oħra li l-kawża kellha tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku, filwaqt li tatu terminu ta’ xahar, jiġifieri sas-7 ta’ Mejju 2015, sabiex jirrimedja l-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, u filwaqt li indikat li fl-assenza ta’ dan il-proċedura kriminali miftuħa kontra N. Kolev, M. Hristov u S. Kostadinov kellha tingħalaq.

32      Madankollu, minkejja li sejjaħ lil N. Kolev u lil S. Kostadinov diversi drabi, il-prosekutur pubbliku ma rnexxielux jiżgura l-komunikazzjoni regolari tal-kapijiet ta’ akkuża stabbiliti kif ukoll tal-fajl tal-investigazzjoni. Dan il-fajl lanqas ma seta’ jintbagħat lil M. Hristov. Fil-fatt, dawn it-tliet persuni u l-avukati tagħhom reġgħu indikaw li ma setgħux jidhru fid-dati ffissati għal diversi raġunijiet marbuta b’mod partikolari ma’ vjaġġi barra mill-pajjiż, ma’ raġunijiet mediċi u professjonali kif ukoll man-nuqqas ta’ osservanza, mill-prosekutur pubbliku, tat-terminu ta’ avviż minn qabel statutorju ta’ tliet ijiem għall-komunikazzjoni tal-fajl tal-investigazzjoni.

33      Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2015, il-qorti tar-rinviju qieset li l-prosekutur pubbliku ma kienx irrimedja l-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali li kien ġie kkonstatat preċedentement u kien wettaq ksur ġdid minħabba li d-drittijiet proċedurali ta’ N. Kolev, ta’ M. Hristov u ta’ S. Kostadinov kienu reġgħu ġew miksura, u minħabba li fl-att ta’ akkuża finali kien għad hemm kontradizzjonijiet.

34      Għaldaqstant, filwaqt li enfasizzat li kien possibbli li dawn it-tliet persuni u l-avukati tagħhom kienu abbużaw mid-drittijiet tagħhom u kienu aġixxew biss bil-għan li joħolqu dewmien sabiex jipprekludu lill-prosekutur pubbliku milli jagħlaq il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali u milli jirrimedja l-imsemmi ksur fit-termini mogħtija, il-qorti tar-rinviju qieset li l-kundizzjonijiet għall-għeluq ta’ din il-proċedura kienu ssodisfatti u li għalhekk l-imsemmija persuni kellhom dritt għal tali għeluq. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat essenzjalment li l-fatt li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni tabbuża mid-drittijiet tagħha u tipprekludi oġġettivament lill-prosekutur pubbliku milli jwettaq id-diversi atti proċedurali previsti fil-liġi ma jistax jostakola l-għeluq tal-proċedura kriminali inkwistjoni. Minkejja dawn il-konstatazzjonijiet, l-imsemmija qorti ddeċidiet, madankollu, li tarkivja l-kawża mingħajr passi ulterjuri minflok ma ordnat dan l-għeluq.

35      Kemm il-prosekutur, li sostna li ma kien hemm ebda ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, u kemm M. Hristov, li qies li l-qorti tar-rinviju żbaljat meta ma għalqitx il-proċedura kriminali inkwistjoni, appellaw minn dan id-digriet.

36      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ottubru 2015, il-qorti li quddiemha tressaq dan l-appell qieset li l-qorti tar-rinviju kien imissha għalqet il-proċedura kriminali konformement mal-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, għalhekk, bagħtet il-kawża lura quddiem dik il-qorti.

37      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555), mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt li l-kawża kienet pendenti quddiem il-qorti tal-appell, toħloqx dubju dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija Artikoli 368 u 369 mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tal-prosekuzzjonijiet fir-rigward ta’ reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

38      Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu minn tali inkompatibbiltà. F’dan ir-rigward, filwaqt li tosserva li, jekk ikun il-każ, hija ser ikollha tastjeni milli tapplika l-artikoli inkwistjoni, din il-qorti għandha dubju dwar liema miżuri speċifiċi ser ikollha tieħu sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ N. Kolev, M. Hristov u S. Kostadinov.

39      Hija qiegħda tikkunsidra diversi possibbiltajiet.

40      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax it-termini previsti fl-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, għalhekk, tagħti lill-prosekutur pubbliku termini itwal sabiex jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati meta jiġi stabbilit l-att ta’ akkuża finali u meta ssir il-komunikazzjoni lill-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża kif ukoll tal-atti tal-proċess, qabel ma jerġa’ jressaq il-kawża quddiem il-qorti. Madankollu, dik il-qorti għandha dubju dwar il-miżuri konkreti li għandha tieħu sabiex tħares id-dritt ta’ dawn il-persuni li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

41      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali minkejja l-irregolaritajiet imwettqa matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura. Madankollu, hija għandha dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dan.

42      F’dan ir-rigward, hija għandha dubji dwar, minn naħa, jekk dawn l-irregolaritajiet, li jikkostitwixxu “ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali” skont id-dritt Bulgaru, għandhomx jiġu kklassifikati wkoll bħala tali skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2012/13 kif ukoll skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48. Min-naħa l-oħra, fl-affermattiv, hija għandha dubji dwar jekk ser tkunx tista’ tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura minkejja l-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali mwettaq, tirrimedja dan il-ksur fil-kuntest ta’ din il-fażi, u mbagħad tagħti deċiżjoni fuq il-mertu, mingħajr ma tagħlaq din il-proċedura skont l-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

43      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, li osservat li S. Kostadinov u N. Kurdov kellhom l-istess avukat, tqis li l-interessi ta’ dawn tal-aħħar huma kontradittorji għaliex tal-ewwel ta informazzjoni li setgħet tintuża kontra tat-tieni, li baqa’ sieket. Hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 tal-Artikolu 91(3) u tal-Artikolu 92 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jirrikjeduha teskludi lil dan l-avukat għal din ir-raġuni u dan minkejja li S. Kostadinov u N. Kurdov oġġezzjonaw għal dan b’għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, hija għandha dubji dwar jekk id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat previst fl-imsemmi Artikolu 3(1) ikunx qed jiġi rrispettat jekk hija tinnomina, bħala sostituti, żewġ avukati maħtura ex officio.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali tkun kompatibbli mal-obbligu ta’ Stat Membru li jipprevedi prosekuzzjoni kriminali effettiva fir-rigward ta’ reati mwettqa minn uffiċjali doganali meta, skont din il-leġiżlazzjoni, il-proċeduri kriminali mressqa kontra uffiċjali doganali minħabba l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali għat-twettiq ta’ reati ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (aċċettazzjoni ta’ tixħim fi flus sabiex ma jitwettaqx kontroll doganali) kif ukoll minħabba tixħim speċifiku u minħabba l-ħabi ta’ tixħim fi flus jiġu konklużi taħt il-kundizzjonijiet segwenti mingħajr ma l-qorti ma tkun eżaminat fil-mertu l-akkużi kriminali mressqa: (a) ikunu għaddew sentejn mit-tressiq tal-akkużi kriminali; (b) il-persuna [li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni] tkun ressqet talba għall-konklużjoni tal-[fażi preliminari tal-proċedura]; (c) il-qorti tkun tat lill-prosekutur pubbliku terminu ta’ tliet xhur sabiex jikkonkludi l-[fażi] preliminari; (d) f’dan it-terminu l-prosekutur pubbliku jkun wettaq ‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ (b’mod speċifiku, pubblikazzjoni irregolari ta’ akkuża kriminali emendata, nuqqas ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u kontradizzjoni fl-att ta’ akkuża); (e) il-qorti tkun tat lill-prosekutur pubbliku terminu ġdid ta’ xahar sabiex jirrimedja dan il-‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’; (f) il-prosekutur pubbliku ma jkunx irrimedja dan il-‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ f’dan it-terminu – fejn ir-raġuni għat-twettiq ta’ dan il-ksur matul l-ewwel terminu ta’ tliet xhur u għall-fatt li dan il-ksur ma kienx irrimedjat fl-aħħar terminu ta’ xahar hija dovuta kemm għall-prosekutur pubbliku (nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kontradizzjoni fl-att ta’ akkuża; nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ passi konkreti matul il-parti l-kbira minn dawn it-termini) u kemm għad-difiża (ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni tal-akkużi kriminali u fl-għoti ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni minħabba li l-persuni [li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni] ddaħħlu l-isptar u minħabba l-invokazzjoni ta’ obbligi professjonali oħra tal-avukati); (g) jitnissel dritt suġġettiv għall-persuna [li hija s-suġġett ta’ prosekuzzjoni] li l-proċeduri kriminali jitwaqqfu minħabba li l-‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ ma jkunx ġie rrimedjat fit-terminu mogħti?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, liema parti mis-sistema legali deskritta iktar ’il fuq għandha l-qorti tastjeni milli tapplika sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni: (a) it-twaqqif tal-proċeduri kriminali mal-iskadenza tat-terminu ta’ xahar jew, (b) il-klassifikazzjoni tan-nuqqasijiet deskritti iktar ’il fuq bħala ‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ jew, (c) il-protezzjoni tad-dritt suġġettiv imnissel kif deskritt fil-punt [(g) taħt l-ewwel domanda] – fil-każ li jkun possibbli li dan il-ksur jiġi rrimedjat b’mod effettiv fil-kuntest tal-[fażi] ġudizzjarja [tal-proċedura]?

(a)      Id-deċiżjoni li ma tiġix applikata dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi l-waqfien tal-proċeduri kriminali għandha tiddependi mill-fatt li:

(i)      il-prosekutur pubbliku jkun ingħata terminu addizzjonali sabiex jirrimedja l-‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ li jkun twil daqs il-perijodu li matulu kien oġġettivament impossibbli għalih li jagħmel dan minħabba ostakoli min-naħa tad-difiża?

(ii)      fil-każ [imsemmi fil-punt (i)], il-qorti tkun ikkonstatat li dawn l-ostakoli kienu r-riżultat ta’ ‘abbuż ta’ liġi’?

(iii)      fil-każ li tingħata risposta negattiva [għall-punt (a)(i) tat-tieni domanda], id-dritt nazzjonali jipprevedi garanziji adegwati għall-konklużjoni [tal-fażi preliminari tal-proċedura] fi żmien raġonevoli?

(b)      Id-deċiżjoni li ma tiġix applikata l-klassifikazzjoni, prevista fid-dritt nazzjonali, tan-nuqqasijiet deskritti iktar ’il fuq bħala ‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’ hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

(i)      Id-dritt previst fl-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva 2012/13], li jipprovdi li d-difiża għandha tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, ikun żgurat b’mod adegwat:

–        meta din l-informazzjoni tingħata wara l-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża [finali] fil-qorti iżda qabel l-eżami tiegħu mill-qorti, kif ukoll meta, fi stadju preċedenti meta l-att ta’ akkuża [finali] jkun għadu ma ġiex ippreżentat fil-qorti, id-difiża tkun ingħatat informazzjoni kompleta dwar l-elementi prinċipali tal-akkuża (sitwazzjoni applikabbli fil-każ [ta’] M. Hristov)?

–        fil-każ li r-risposta [għall-ewwel inċiż tal-punt (b)(i) tat-tieni domanda] tkun fl-affermattiv: meta din l-informazzjoni tingħata wara l-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża [finali] fil-qorti iżda qabel l-eżami tiegħu mill-qorti, u meta d-difiża tkun ingħatat, fi stadju preċedenti meta l-att ta’ akkuża jkun għadu ma ġiex ippreżentat fil-qorti, informazzjoni parzjali dwar l-elementi prinċipali tal-akkuża, f’sitwazzjoni fejn tkun ingħatat biss informazzjoni parzjali minħabba ostakoli min-naħa tad-difiża stess (sitwazzjoni applikabbli fil-każ [ta’] N. Kolev u [ta’] S. Kostadinov)?

–        meta din l-informazzjoni tkun tinkludi kontradizzjoni fir-rigward tal-formulazzjoni konkreta tal-akkuża ta’ korruzzjoni (darba jingħad li [persuna oħra suġġetta għal prosekuzzjoni] kien[et talbet] espliċitament tixħim fi flus filwaqt li [...] M. Hristov kien indika, bl-espressjoni fuq wiċċu, li ma kienx kuntent bl-ammont żgħir ta’ flus li l-persuna suġġetta għall-eżami doganali kienet offriet, u darba oħra jingħad li [...] M. Hristov talab verbalment u espliċitament tixħim fi flus)?

(ii)      Id-dritt previst fl-Artikolu 7(3) tad-[Direttiva 2012/13], li jipprovdi li d-difiża għandha tingħata aċċess għall-materjal ‘mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti’, ikun żgurat b’mod adegwat fil-kawża prinċipali meta d-difiża tkun ingħatat, fi stadju preċedenti, aċċess għall-parti essenzjali tal-materjal u tkun ingħatat il-possibbiltà li teżmina l-materjal, possibbiltà li d-difiża madankollu ma approfittatx ruħha minnha minħabba ostakoli (mard, obbligi professjonali) u fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi li l-istedina għall-eżami tal-materjal għandha ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Fil-każ li l-ostakoli ma jkunux għadhom preżenti, għandha tingħata possibbiltà permezz ta’ stedina li ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija ostakoli kinux jeżistu oġġettivament jew jekk kinux jammontaw għal abbuż ta’ liġi?

(iii)      Ir-rekwiżit legali ta’ ‘mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti’ [u ta’ ‘mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti’] previst [rispettivament] fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 7(3) tad-[Direttiva 2012/13] għandu l-istess tifsira f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet? Xi jfisser dan ir-rekwiżit: qabel il-preżentata konkreta tal-att ta’ akkuża [finali] fil-qorti jew mhux iktar tard mill-preżentata tiegħu fil-qorti, jew wara l-preżentata tiegħu fil-qorti iżda qabel ma l-qorti tkun ħadet miżuri sabiex teżamina dan l-att ta’ akkuża?

(iv)      Ir-rekwiżit legali li d-difiża tingħata informazzjoni dwar l-akkuża u aċċess għall-materjal fil-proċess tal-kawża b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-‘eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża’ u l-‘korrettezza tal-proċeduri’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-[Direttiva 2012/13] għandu l-istess tifsira f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet? Dan ir-rekwiżit ikun osservat:

–        meta d-difiża tkun ingħatat informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża [finali] fil-qorti iżda qabel ma jkunu ttieħdu miżuri għall-eżami fil-mertu tiegħu u meta d-difiża tkun ingħatat perijodu suffiċjenti sabiex tipprepara ruħha? Fi stadju preċedenti tkun ingħatat informazzjoni kompleta jew parzjali dwar l-akkuża?

–        meta d-difiża tkun ingħatat aċċess għall-materjal kollu wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża [finali] fil-qorti iżda qabel ma jkunu ttieħdu miżuri għall-eżami fil-mertu tiegħu u meta d-difiża tkun ingħatat perijodu suffiċjenti sabiex tipprepara ruħha? Fi stadju preċedenti d-difiża tkun ingħatat aċċess għall-parti l-kbira mill-materjal fil-proċess tal-kawża?

–        meta l-qorti tkun ħadet miżuri sabiex tiggarantixxi lid-difiża li kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minnha wara li tkun kisbet għarfien tal-att ta’ akkuża ddettaljat u kwalunkwe materjal inkluż fil-proċess tal-kawża jkollhom l-istess rilevanza daqslikieku kienu saru jew ġew ippreżentati lill-prosekutur pubbliku qabel il-preżentata tal-att ta’ akkuża?

(v)      Ikunu qegħdin jiġu żgurati l-‘korrettezza tal-proċeduri’ fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (4) kif ukoll l-‘eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża’ fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2012/13] fil-każ li l-qorti tiddeċiedi li tiftaħ [il-fażi] ġudizzjarja [tal-proċedura] fuq il-bażi ta’ att ta’ akkuża finali li jkun fih kontradizzjoni fir-rigward tal-formulazzjoni konkreta tal-akkuża ta’ korruzzjoni, filwaqt li mbagħad tagħti lill-prosekutur pubbliku l-possibbiltà li jirrimedja din il-kontradizzjoni u lill-partijiet il-possibbiltà li jinvokaw b’mod sħiħ id-drittijiet li kien ikollhom li kieku l-att ta’ akkuża [finali] kien ġie ppreżentat mingħajr l-imsemmija kontradizzjoni?

(vi)      Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat irrikonoxxut fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2013/48] ikun żgurat b’mod adegwat meta, matul il-[fażi preliminari tal-proċedura], l-avukat ikun ingħata l-possibbiltà li jidher sabiex jiġi informat dwar l-akkuża preliminari u sabiex ikollu aċċess għall-materjal kollu fil-proċess tal-kawża, possibbiltà li l-avukat madankollu ma jkunx approfitta ruħu minnha minħabba obbligi professjonali u fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi li l-istedina għandha ssir minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Fil-każ li dawn l-obbligi professjonali ma jkunux għadhom preżenti, għandha ssir stedina oħra minn tal-inqas tliet ijiem qabel? Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-avukat ma deherx huwiex iġġustifikat jew jekk jammontax għal abbuż ta’ liġi?

(vii)      Il-ksur tad-dritt, irrikonoxxut fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2013/48], ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-[fażi preliminari tal-proċedura] jkollu impatt fuq l-‘eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv’ meta l-qorti, wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża fil-qorti, tagħti lill-avukat aċċess sħiħ għall-att ta’ akkuża finali u ddettaljat kif ukoll għall-materjal kollu fil-proċess tal-kawża, u mbagħad tieħu miżuri sabiex tiggarantixxi lill-avukat li kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minnu wara li jkun kiseb għarfien tal-att ta’ akkuża ddettaljat u kwalunkwe materjal inkluż fil-proċess tal-kawża jkollhom l-istess rilevanza daqslikieku kienu saru jew ġew ippreżentati lill-prosekutur pubbliku qabel il-preżentata tal-att ta’ akkuża [finali]?

(c)      Id-dritt suġġettiv li jitnissel favur il-persuna [is-suġġett ta’ prosekuzzjoni] li l-proċeduri kriminali jitwaqqfu (fil-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq) huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minkejja li jibqa’ possibbli li l-‘ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali’, li ma jkunx ġie rrimedjat mill-prosekutur pubbliku, jiġi rrimedjat kompletament permezz ta’ miżuri meħuda mill-qorti matul il-[fażi] ġudizzjarja [tal-proċedura], b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar is-sitwazzjoni legali tal-persuna [li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni] tkun identika għal dik li kienet tkun tinsab fiha li kieku dan il-ksur kien ġie rrimedjat fil-ħin?

(3)      Regoli nazzjonali iktar favorevoli dwar id-dritt [tal-persuna li hija s-suġġett ta’ prosekuzzjoni] għat-trattament tal-kawża f’terminu raġenvoli, dwar id-dritt għal informazzjoni kif ukoll dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandhom jiġu applikati meta dawn ir-regoli, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra (tal-proċedura deskritta taħt [l-ewwel domanda]), iwasslu għall-waqfien tal-proċeduri kriminali?

(4)      L-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2013/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-qorti nazzjonali sabiex teskludi mill-[fażi] ġudizzjarja [tal-proċedura] avukat li jkun irrappreżenta tnejn mill-[individwi li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni] fejn wieħed minnhom ikun ipprovda spjegazzjonijiet dwar fatti li jolqtu l-interessi tal-[individwu] l-ieħor li, min-naħa tiegħu, ma jkun ipprovda ebda spjegazzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tkun qiegħda tiżgura d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jekk, wara li tkun ippermettiet il-parteċipazzjoni fil-[fażi] ġudizzjarja [tal-proċedura] ta’ avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta fl-istess ħin żewġ [individwi li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni] b’interessi kunfliġġenti, taħtar, għal kull wieħed [minn dawn l-individwi], avukati maħtura ex officio ġodda u differenti sabiex jirrappreżentawhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

45      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, innotifikat lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2016, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li waħda mill-persuni li kienu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali, M. Hristov, kienet mietet u għalhekk ordnat l-għeluq tal-proċedura kriminali miftuħa kontra dan tal-aħħar.

46      Issa, mill-kliem u mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, li fil-kuntest tagħha din tal-aħħar tkun meħtieġa tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24).

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula sa fejn jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ M. Hristov.

48      B’dan premess, l-erba’ domandi magħmula, kif ukoll il-partijiet sekondarji tagħhom, li jikkoinċidu parzjalment, jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid fi tliet domandi. B’hekk, l-ewwel sat-tielet domandi, flimkien mal-partijiet sekondarji tagħhom, għandhom jinftiehmu fis-sens li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 325 TFUE, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huma l-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-eventwali inkompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni ma’ dan id-dritt, u, it-tieni nett, id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju, permezz tar-raba’ domanda tagħha, tistaqsi dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325 TFUE

49      Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward ta’ reati kriminali fil-qasam doganali, l-Artikolu 325 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għall-għeluq tal-proċedura kriminali, bħal dik prevista fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-inkompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni ma’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

50      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu, permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi, kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C-105/14, EU:C:2015:555, punt 37, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936, punt 30).

51      Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu b’mod partikolari d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni. Għaldaqstant, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul minn dawn id-dazji u t-tqegħid tar-riżorsi korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Kull inadempjenza fil-ġbir tal-ewwel tista’ twassal potenzjalment għal tnaqqis tat-tieni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      B’hekk, sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-ġbir effettiv u integrali tad-dazji doganali, li jeħtieġ li l-kontrolli doganali għandhom ikunu jistgħu jitwettqu kif suppost.

53      Mir-rekwiżiti tal-Artikolu 325(1) TFUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, għal dan il-għan, jipprevedu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ dawn l-istess Stati li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati f’tali każ kien previst fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 450/2008 u llum huwa previst fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013.

54      Għalkemm f’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom libertà dwar l-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, huma għandhom madankollu jiżguraw li l-każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam doganali jkunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C-524/15, EU:C:2018:197, punt 20, kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C-574/15, EU:C:2018:295, punti 34 u 35).

55      L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li r-regoli tal-proċedura kriminali jippermettu sanzjoni effettiva tar-reati marbuta ma’ tali aġir.

56      F’dan il-każ, il-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali huma akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali għal iktar minn sena billi kienu jitolbu, mingħand il-persuni li kienu jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija, tixħim sabiex jastjenu milli jwettqu kontroll doganali u sabiex jastjenu milli jindikaw fid-dokumenti kkonċernati l-irregolaritajiet ikkonstatati, kif ukoll, fir-rigward b’mod partikolari ta’ S. Kostadinov, li ħbew it-tixħim miksub b’dan il-mod.

57      Tali aġir, li l-qorti tar-rinviju tikklassifika bħala ksur sistematiku u kontinwu tar-regoli doganali u li jikkostitwixxi, skont id-dritt Bulgaru, reat suġġett għal pieni li jinvolvu ċaħda tal-libertà li jistgħu jilħqu, skont il-każ, sitta jew għaxar snin ta’ priġunerija, jista’ jostakola l-irkupru ta’ dazji doganali. Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali li għandha titwettaq minn dik il-qorti, dan l-aġir jidher li jista’ jiġi kklassifikat bħala frodi gravi jew bħala attività illegali gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE.

58      La l-imsemmija qorti u lanqas il-partijiet interessati f’din il-proċedura ma esprimew dubju dwar in-natura effettiva u dissważiva tas-sanzjonijiet kriminali previsti fid-dritt nazzjonali.

59      Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat ukoll jekk ir-regoli previsti fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jistgħux jostakolaw is-sanzjoni effettiva ta’ każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi li jippreġudikaw dawn l-interessi, bi ksur tal-Artikolu 325(1) TFUE.

60      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-imsemmija Artikoli 368 u 369, il-qorti nazzjonali għandha, fuq talba tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, tordna l-għeluq tal-proċedura kriminali jekk, mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sentejn, miżjud b’termini ta’ tliet xhur u nofs u ta’ xahar, il-prosekutur pubbliku ma jkunx lesta l-investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, ma jkunx stabbilixxa u nnotifika l-kapijiet tal-akkuża lid-difiża, ma jkunx ta lid-difiża aċċess għall-atti fil-proċess u ma jkunx ippreżenta att tal-akkuża finali quddiem il-qorti jew jekk, f’dan il-kuntest, ikun wettaq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tad-dritt Bulgaru, li ma jkunx irrimedja f’dawn it-termini. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 368 u 369 ikunu ssodisfatti, l-għeluq tal-proċedura kriminali jikkostitwixxi dritt, b’tali mod li l-qorti hija meħtieġa tordna tali għeluq. Barra minn hekk, dan l-għeluq ma jistax ikun is-suġġett ta’ appell u għandu natura definittiva.

61      Issa, minn qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-qorti la tista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, b’mod partikolari fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża u tal-aġir tal-partijiet, testendi t-termini previsti, u lanqas ma tista’ teżamina l-mertu tal-kawża u, bħalma qiegħda tqis il-qorti tar-rinviju, lanqas ma tista’ tirregolarizza hija stess l-eventwali ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali mwettaq matul il-fażi preliminari, inkluż fil-każ li jkun jista’ jiġi rrimedjat l-effett dannuż ta’ dan il-ksur fuq id-drittijiet tad-difiża bl-adozzjoni ta’ miżuri adegwati matul il-fażi ġudizzjarja.

62      B’mod partikolari, minn qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-ostakoli maħluqa mid-difiża fir-rigward tal-komunikazzjoni regolari tal-kapijiet tal-akkuża u tal-atti, inklużi l-eventwali manuvri li joħolqu dewmien fir-rigward ta’ din il-komunikazzjoni, ma jipprekludux id-dekorrenza tat-termini ta’ tliet xhur u nofs u ta’ xahar mogħtija lill-prosekutur pubbliku sabiex itemm l-investigazzjoni u jressaq il-kawża quddiem il-qorti, konformement mal-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, u li dawn l-ostakoli jistgħu, għaldaqstant, jikkawżaw l-għeluq tal-proċedura kriminali, b’tali mod li jipprekludu kull kontinwazzjoni tal-prosekuzzjoni u kull prosekuzzjoni ġdida.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola l-effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali kif ukoll l-issanzjonar ta’ atti li jikkostitwixxu frodi gravi jew attività illegali gravi oħra u li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 325(1) TFUE.

64      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jistabbilixxi, għall-Istati Membri, obbligi preċiżi fir-rigward tar-riżultat mixtieq li ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dan l-artikolu (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Huwa qabel kollox il-leġiżlatur nazzjonali li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa dawn l-obbligi. B’hekk, jekk ikun il-każ, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jiżgura li r-regoli proċedurali applikabbli għall-prosekuzzjoni ta’ reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunux maħsuba b’mod li jippreżentaw, minħabba raġunijiet inerenti għalihom, riskju sistematiku ta’ impunità għall-atti li jikkostitwixxu tali reati, u għandu jiżgura wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

66      Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tistenna li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi emendata b’dan il-mod permezz tal-proċess leġiżlattiv jew permezz ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor, għandha wkoll tagħti effett sħiħ lill-imsemmija obbligi billi tinterpreta din il-leġiżlazzjoni, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 325(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew billi, jekk ikun meħtieġ, ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 49).

67      Fil-każ li, bħalma jidher li qiegħda tqis il-qorti tar-rinviju, ikunu possibbli diversi miżuri sabiex jiġu implimentati l-obbligi inkwistjoni, għandha tkun dik il-qorti li tiddetermina liema waħda minn dawn il-miżuri għandha tapplika. B’mod partikolari, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok, għal dan il-għan, li tinjora r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jew jekk hemmx lok li testendi t-termini mogħtija lill-prosekutur pubbliku minn dawn l-artikoli sabiex itemm il-fażi preliminari tal-proċedura u jikkoreġi l-eventwali irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ din il-fażi, jew inkella, sa fejn il-prosekutur pubbliku ppreżenta, f’dan il-każ, att ta’ akkuża finali quddiemha fl-imsemmija termini, jekk għandhiex tiftaħ il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura u tirrimedja dawn l-irregolaritajiet hija stess. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha, madankollu, tikkunsidra li, fid-diversi stadji tal-proċedura, seta’ kien hemm elementi oħra għajr l-eventwali ostakolu intenzjonat u abbużiv min-naħa tad-difiża għall-funzjonament tajjeb u għall-iżvolġiment ta’ din il-proċedura.

68      F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu implimentazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 325(1) TFUE u, għaldaqstant, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C-524/15, EU:C:2018:197, punt 21), il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta lill-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-obbligu li jiġi żgurat il-ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jistax imur kontra r-rispett ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 23, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936, punti 46 u 52).

69      B’mod partikolari, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura kriminali, l-imsemmija qorti għandha, fl-ewwel lok, tieħu l-miżuri neċessarji għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-Karta, b’mod partikolari tad-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża u tad-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess. Sa fejn dawn id-drittijiet huma, b’mod iktar speċifiku, is-suġġett tat-tieni grupp ta’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, isir riferiment għall-punti 78 sa 100 ta’ din is-sentenza.

70      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha, meta tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandha tapplika f’dan il-każ sabiex tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-Artikolu 325(1) TFUE, tiżgura r-rispett tad-dritt tal-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan id-dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 21), li huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja. Fil-qasam kriminali, l-imsemmi dritt ma għandux jiġi rrispettat biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura iżda wkoll matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari, sa mill-mument li fih il-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ akkuża (ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 15 ta’ Lulju 2002, Affaire stratégies et communications u Dumoulin vs Il-Belġju, CE:ECHR:2002:0715JUD003737097, punt 39, kif ukoll il-Qorti EDB, 10 ta’ Settembru 2010, McFarlane vs L-Irlanda, CE:ECHR:2010:0910JUD003133306, punt 143).

72      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura ma tistax tiġi ddeterminata b’riferiment għal limitu massimu preċiż iddeterminat b’mod astratt. Din in-natura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-interess inkwistjoni u l-kumplessità tat-tilwima, kif ukoll l-aġir tal-awtoritajiet kompetenti u tal-partijiet, fejn tali kumplessità jew aġir li jikkawża dewmien min-naħa tad-difiża jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat perijodu li prima facie jkun twil wisq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punti 85 u 86, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C-566/14 P, EU:C:2016:437, punti 99 u 100).

73      B’hekk, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, ġiex irrispettat id-dritt tal-persuni kkonċernati li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatt li l-investigazzjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna tmien persuni, li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni minħabba li ħadu sehem f’organizzazzjoni kriminali li l-azzjonijiet tagħha twettqu fuq perijodu ta’ ftit iktar minn sena, iżda wkoll il-possibbiltà li d-dewmien inkwistjoni seta’ kien parzjalment dovut għall-aġir tad-difiża.

74      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan id-dritt, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rimedji proċedurali kollha disponibbli fid-dritt nazzjonali tagħha, ikkunsidrat fl-intier tiegħu u interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ li, kif ingħad fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, ikunu possibbli diversi soluzzjonijiet sabiex jingħata effett sħiħ lill-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325(1) TFUE, l-imsemmija qorti għandha tagħżel dawk li, minn fost dawn id-diversi soluzzjonijiet, jippermettu f’dan il-każ li jiġi ggarantit id-dritt fundamentali inkwistjoni.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma tistax tordna l-għeluq tal-proċedura kriminali b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-sempliċi raġuni li dan l-għeluq ikun jikkostitwixxi, preżumibbilment, l-iktar soluzzjoni favorevoli għall-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fir-rigward tad-dritt tagħhom li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fatt, għalkemm huwa possibbli għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li din l-applikazzjoni ma tikkompromettix, b’mod partikolari, is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 325(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għall-għeluq tal-proċedura kriminali, bħal dik prevista fl-Artikoli 368 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika fi proċeduri miftuħa fil-konfront ta’ każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam doganali. Il-qorti nazzjonali għandha tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 325(1) TFUE billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni, filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

 Fuq id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża u fuq id-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess, bis-saħħa tad-Direttiva 2012/13

77      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 u ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2013/48 fir-rigward tad-drittijiet tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u tal-avukat tagħha li jingħataw informazzjoni dwar l-akkuża u li jkollhom aċċess għall-atti tal-proċess. Madankollu, għall-kuntrarju tal-ewwel direttiva, it-tieni direttiva ma fihiex dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna dawn id-drittijiet, b’tali mod li għandha tingħata biss interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13 f’dan ir-rigward.

78      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża previst f’din id-dispożizzjoni jiġi rrispettat fil-każ li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata lid-difiża biss wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel tibda effettivament it-trattazzjoni quddiemha.

79      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess previst f’din id-dispożizzjoni jkun iggarantit meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw lid-difiża l-possibbiltà li jikkonsultaw dawn l-atti matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, u dan anki jekk id-difiża ma kinitx f’pożizzjoni li tuża din il-possibbiltà. Fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan id-dritt ikunx irrispettat fil-każ li d-difiża terġa’ tingħata l-possibbiltà li tieħu konjizzjoni tal-imsemmi atti wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel tibda effettivament it-trattazzjoni quddiemha.

80      It-tielet nett, fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domandi preċedenti, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, jiġi rrimedjat il-ksur tad-drittijiet inkwistjoni.

81      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 ġewx osservati fil-kawża prinċipali u liema miżuri speċifiċi għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu adottati għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tindikalha l-elementi oġġettivi li għandhom jiggwidaw tali evalwazzjoni.

82      Għal dan il-għan, għandu jiġi osservat li, kif jipprevedu l-premessa 14 u l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi li għandhom japplikaw fil-qasam tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-persuni ssuspettati jew li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

83      B’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, inkluż dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali kif ukoll dwar in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, għandha tiġi kkomunikata lil din tal-aħħar. L-Artikolu 7(2) ta’ din l-istess direttiva jżid li l-persuni ssuspettati jew il-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, jew l-avukat tagħhom, għandhom jingħataw aċċess għall-provi materjali, favur jew kontra tagħhom, li jkunu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti.

84      Fir-rigward tal-mument li fih għandha ssir din il-komunikazzjoni u li fih għandu jingħata dan l-aċċess, l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 jipprevedu biss, rispettivament, li l-imsemmija komunikazzjoni għandha ssir “mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti” u li l-imsemmi aċċess għandu jingħata “fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti”.

85      B’hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirreferux għal data preċiża f’dan ir-rigward.

86      Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħhom, ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod inekwivoku l-iktar mument tard sa meta għandhom jiġu żgurati l-komunikazzjoni tal-informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża u l-aċċess għall-atti tal-proċess. Fil-fatt, f’uħud minn dawn il-verżjonijiet, bħal fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża u fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu interpretati bħala li jirreferu jew għall-mument li fih tiġi adita l-qorti kompetenti sabiex teżamina l-mertu tal-akkuża u tinfetaħ il-proċedura quddiemha jew, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data li fiha l-kawża tgħaddi għad-deliberazzjoni. Mill-banda l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dik bil-lingwa Ġermaniża, jirreferu għall-mument li fih l-att tal-akkuża jiġi ppreżentat quddiem il-qorti. Bl-istess mod, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża u l-verżjoni bil-lingwa Taljana, b’mod partikolari, jirreferu għall-mument li fih il-fondatezza tal-akkuża titressaq għall-evalwazzjoni tal-qorti.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C-521/15, EU:C:2017:982, punt 158).

88      F’dan ir-rigward, mill-premessi 10 u 14 tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li din id-direttiva hija intiża, bl-adozzjoni ta’ regoli minimi komuni li jiddefinixxu d-dritt għal informazzjoni fil-proċeduri kriminali, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom. Kif jindikaw essenzjalment din l-istess premessa 14 u l-premessa 41 tagħha, din id-direttiva hija bbażata, għal dan il-għan, fuq id-drittijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u hija intiża li tippromwovi dawn id-drittijiet.

89      Huwa għalhekk li, kif jiddikjaraw il-premessi 27 u 28 tal-imsemmija direttiva kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 tagħha, dawn l-artikolu għandhom preċiżament l-għan li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-korrettezza tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 6, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Tranca et, C-124/16, C-188/16 u C-213/16, EU:C:2017:228, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

90      Issa, dan l-għan jirrikjedi li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni tirċievi informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża u jkollha l-possibbiltà tieħu għarfien tal-atti fi żmien utli, f’mument li jippermettilha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, kif barra minn hekk jipprevedi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2012/13 fir-rigward tal-atti fil-proċess, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux kompleta u l-għoti ta’ aċċess parzjali għal dawn l-atti huma insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

91      Din id-direttiva ma tirrikjedix li dan il-mument ikun identiku fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża u fir-rigward tal-aċċess għall-atti fil-proċess. Barra minn hekk, l-imsemmi mument jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u t-tip ta’ proċedura inkwistjoni, jippreċedi jew ikun simultanju għat-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti, jew jista’ jkun saħansitra wara tali tressiq.

92      Madankollu, l-imsemmi għan kif ukoll l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura jeħtieġu, bħala prinċipju u bla ħsara, jekk ikun il-każ, għal proċeduri speċjali jew issemplifikati, li l-imsemmija komunikazzjoni sseħħ u l-possibbiltà ta’ aċċess għall-atti tingħata sa mhux iktar tard mill-mument li fih effettivament tibda t-trattazzjoni dwar il-fondatezza tal-akkuża quddiem il-qorti li tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar din il-fondatezza.

93      Fil-fatt, huwa permezz ta’ din l-istess komunikazzjoni jew permezz ta’ dan l-aċċess li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, jew l-avukat tagħha, ikunu informati b’mod preċiż dwar il-fatti kkunsidrati kontra din il-persuna u dwar il-klassifikazzjoni legali tagħhom, kif ukoll dwar il-provi li fuqhom ikunu bbażati dawn il-fatti. Il-possibbiltà li jinkiseb għarfien ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn l-elementi sa mhux iktar tard mill-bidu tat-trattazzjoni hija essenzjali sabiex din il-persuna, jew l-avukat tagħha, ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod utli f’din it-trattazzjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, b’tali mod li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom b’mod effettiv.

94      Fil-każ li dan ir-rekwiżit ma jiġix osservat, fid-Direttiva 2012/13, madankollu, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-qorti milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirregolarizza dan in-nuqqas ta’ osservanza, bil-kundizzjoni li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq ikunu debitament protetti.

95      Barra minn hekk, l-imsemmi rekwiżit ma jeskludix li l-informazzjoni dwar l-akkuża kkomunikata lid-difiża tista’ tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti li jkunu s-suġġett tal-akkuża, u lanqas ma jeskludi li provi ġodda jistgħu jiġu inklużi fil-proċess matul it-trattazzjoni. Madankollu, tali emendi u tali provi għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni jew lill-avukat tagħha f’mument meta dawn ikun għad għandhom l-opportunità jirreaġixxu b’mod effettiv, qabel il-fażi tad-deliberazzjoni. Din il-possibbiltà, barra minn hekk, hija prevista fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li kull bidla fl-informazzjoni pprovduta skont dan l-artikolu li ssir matul il-proċedura kriminali għandha tiġi kkomunikata fil-pront lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-korrettezza tal-proċedura, kif ukoll fl-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li, jekk jiksbu provi materjali addizzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw aċċess għalihom fi żmien utli sabiex dawn il-provi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

96      Fi kwalunkwe każ, f’kull wieħed mill-każijiet esposti fil-punti 92 u 93, fil-punt 94 kif ukoll fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, u irrispettivament mill-mument li fih tiġi kkomunikata l-informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża u li fih jingħata l-aċċess għall-atti tal-proċess, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni u l-avukat tagħha għandhom b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, jingħataw terminu suffiċjenti sabiex jieħdu konoxxenza ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn l-atti, u għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża b’mod effikaċi, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom u, jekk ikun il-każ, li jressqu kwalunkwe talba, b’mod partikolari għal istruttorja, li huma intitolati jressqu taħt id-dritt nazzjonali. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit jeżiġi li l-kawża, jekk ikun hemm bżonn, tiġi sospiża u li jiġi ordnat id-differiment tagħha għal data ulterjuri.

97      Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess previst fl-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2012/13, għandu jiġi speċifikat li, fil-każ li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni jew l-avukat tagħha jkunu ssejħu sabiex ikollhom aċċess, fuq talba tagħhom, għal dawn l-atti matul il-fażi preliminari tal-proċedura iżda, għal raġunijiet leġittimi jew għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom, ma setgħux ikunu preżenti fil-jum li fih ikunu ssejħu, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-osservanza tal-korrettezza tal-proċedura, li din id-dispożizzjoni hija intiża li timplimenta, jeżiġu li l-awtoritajiet li jkunu qegħdin imexxu l-prosekuzzjoni jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, skont il-każ, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jagħtu lil din il-persuna jew lill-avukat tagħha possibbiltà ġdida sabiex jieħdu konoxxenza tal-imsemmija atti. Bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 90 sa 93 u 96 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix li din il-possibbiltà ġdida tingħata wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti.

98      F’dan il-kuntest, iżda, il-qorti għandha tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effettività tal-prosekuzzjonijiet u tas-sanzjoni tal-ksur li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċedura tiżvolġi fi żmien raġonevoli, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali ostakolu intenzjonat min-naħa tad-difiża għall-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata lid-difiża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni quddiemha iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

100    L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li d-difiża tingħata l-possibbiltà effettiva li jkollha aċċess għall-atti tal-proċess, fejn tali aċċess jista’, jekk ikun il-każ, jingħata wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta provi ġodda jiġu inklużi fil-proċess matul il-kawża, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

 Fuq id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat bis-saħħa tad-Direttiva 2013/48

101    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l-avukat imqabbad minn żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kontra r-rieda ta’ dawn tal-aħħar, għar-raġuni li l-interessi ta’ dawn il-persuni jkunu kontradittorji u, min-naħa l-oħra, li din il-qorti tippermetti lill-imsemmija persuni jqabbdu avukat ġdid jew, jekk ikun il-każ, tinnomina hija stess żewġ avukati maħtura ex officio, bħala sostituti għall-ewwel avukat.

102    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, għalkemm it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha ma kienx għadu skada fil-mument li fih il-qorti tar-rinviju ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-terminu skada fis-27 ta’ Novembru 2016. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija direttiva tapplika għas-sitwazzjoni tal-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali.

103    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2013/48 tiddefinixxi regoli minimi fir-rigward b’mod partikolari tad-dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-proċeduri kriminali. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-persuni jgawdu dan id-dritt f’terminu u skont modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv.

104    Kif jirriżulta essenzjalment mill-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, din hija intiża li tiffavorixxi b’mod partikolari d-dritt li wieħed jieħu parir, ikollu difiża u jkun irrappreżentat, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ggarantiti fl-Artikolu 48(2) tagħha.

105    Kif jindikaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), l-imsemmi Artikolu 48(2) jikkorrispondi għall-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħalu, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

106    Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta, essenzjalment, li, għalkemm id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat previst fl-imsemmi Artikolu 6(3) jimplika l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tirrikorri għal avukat tal-għażla tagħha, din il-possibbiltà, madankollu, ma hijiex assoluta (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 29 ta’ Settembru 1992, Croissant vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:1992:0925JUD001361188, punt 29, u l-Qorti EDB, 14 ta’ Jannar 2003, Lagerblom vs L-Isvezja, CE:ECHR:2003:0114JUD002689195, punt 54). B’hekk, din il-possibbiltà tista’ tkun is-suġġett ta’ ċerti restrizzjonijiet, sakemm dawn ikunu previsti fil-liġi, jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali u jkunu proporzjonati ma’ dan il-għan.

107    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tiggarantixxi d-dritt għal difiża effettiva tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

108    Issa, għandu jitqies li dan il-għan, li jikkorrispondi preċiżament għal dak segwit mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48, huwa leġittimu u li din il-leġiżlazzjoni hija proporzjonata ma’ dan il-għan.

109    F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu fil-fatt jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tal-avukat hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet tad-difiża. B’hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, avukat ma jistax jiddefendi kompletament u effettivament żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kuntest tal-istess proċedura jekk dawn ikollhom interessi kontradittorji, b’mod partikolari jekk waħda minnhom tkun għamlet dikjarazzjonijiet li jistgħu jintużaw kontra l-oħra, mingħajr ma din tal-aħħar ma tkun ikkonfermat dawn id-dikjarazzjonijiet.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni ta’ dan l-avukat u s-sostituzzjoni tiegħu permezz ta’ żewġ avukati oħra mqabbda mill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni jew permezz ta’ żewġ avukati maħtura ex officio jidhru li huma adegwati sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat.

111    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l-avukat imqabbad minn żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kontra r-rieda ta’ dawn tal-aħħar, għar-raġuni li l-interessi ta’ dawn il-persuni jkunu kontradittorji u lanqas ma jipprekludi li din il-qorti tippermetti lill-imsemmija persuni jqabbdu avukat ġdid jew, jekk ikun il-każ, tinnomina hija stess żewġ avukati maħtura ex officio, bħala sostituti għall-ewwel avukat.

 Fuq l-ispejjeż

112    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 325(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għall-għeluq tal-proċedura kriminali, bħal dik prevista fl-Artikoli 368 u 369 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), sa fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika fi proċeduri miftuħa fil-konfront ta’ każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam doganali. Il-qorti nazzjonali għandha tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 325(1) TFUE billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni, filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni.

2)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata lid-difiża wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni quddiemha iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li d-difiża tingħata l-possibbiltà effettiva li jkollha aċċess għall-atti tal-proċess, fejn tali aċċess jista’, jekk ikun il-każ, jingħata wara l-preżentata tal-att ta’ akkuża finali li jiftaħ il-kawża quddiem il-qorti, iżda qabel ma din tibda teżamina l-mertu tal-akkuża u qabel ma tibda t-trattazzjoni quddiemha, jew inkella wara li tinbeda din it-trattazzjoni iżda qabel il-fażi tad-deliberazzjonijiet meta provi ġodda jiġu inklużi fil-proċess matul il-kawża, bil-kundizzjoni li l-qorti tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-korrettezza tal-proċedura.

3)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l-avukat imqabbad minn żewġ persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kontra r-rieda ta’ dawn tal-aħħar, għar-raġuni li l-interessi ta’ dawn il-persuni jkunu kontradittorji u lanqas ma jipprekludi li din il-qorti tippermetti lill-imsemmija persuni jqabbdu avukat ġdid jew, jekk ikun il-każ, tinnomina hija stess żewġ avukati maħtura ex officio, bħala sostituti għall-ewwel avukat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.