Language of document : ECLI:EU:F:2012:188

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑90/11

BS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ex uffiċjal — Sigurtà soċjali — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol — Skala annessa mar-regoli dwar l-assigurazzjoni — Rata ta’ IFM — Interpretazzjoni tal-iskala — Kumitat Mediku — Mandat — Prinċipju ta’ kolleġjalità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BS, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010, li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) għalqet il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) fejn ikkonkludiet li kien hemm assenza ta’ indeboliment fiżiku u mentali (iktar ’il quddiem l-“IFM”).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Rifjut ta’ wieħed mill-membri tal-Kumitat Mediku li jiffirma r-rapport — Difett proċedurali — Assenza — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Kompetenza tal-Kumitat Mediku — Evalwazzjonijiet ta’ natura ġuridika — Esklużjoni — Interpretazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti fiżiċi u mentali — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3) u l-Anness C)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Opinjoni medika — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

4.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kumitat Mediku — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Obbligu tal-Kumitat Mediku li jirrispondi għad-domandi mqajma fil-mandat stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(2))

6.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Kunċett — Feriti li huma suffiċjentement gravi — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Anness A, Artikolu 73)

1.      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku ma huwiex ivvizzjat b’difett proċedurali minħabba s-sempliċi fatt li wieħed mill-membri tiegħu rrifjuta li jiffirmah. Madankollu, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-kolleġjalità tax-xogħlijiet tal-Kumitat Mediku, għandu jkun stabbilit li l-membru li astjena milli jiffirma r-rapport kellu l-okkażjoni li jippreżenta b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu liż-żewġ membri l-oħra.

(ara l-punt 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il-Kummissjoni, F‑79/09, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Artikolu 22 (3) tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, jillimita l-kompetenza tal-Kumitat Mediku għall-aspett purament mediku tal-fajl u jimponi fuqu li jiddikjara lilu nnifsu inkompetenti fil-preżenza ta’ disputa ta’ natura legali.

Għal dan il-għan, sabiex tiġi evalwata r-rata ta’ indeboliment fiżiku u mentali (IFM) tal-assigurati, il-Kumitat Mediku japplika l-iskala Ewropea ta’ evalwazzjoni għal finijiet mediċi ta’ IFM, li jidhru fl-Anness A fl-imsemmija leġiżlazzjoni, kif ukoll fl-Anness C. Issa, f’din l-applikazzjoni, il-Kumitat Mediku jorbot neċessarjament il-konstatazzjonijiet mediċi li huwa jopera mal-kategoriji legali definiti fl-iskala u fl-Anness C, li jissupponi li dawn il-kategoriji kienu ġew identifikati u ddefiniti minn qabel. B’hekk, huwa intrinsiku għall-attività tal-Kumitat Mediku li jipproċedi bil-klassifikazzjoni, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-iskala u tal-Anness C li huwa japplika, tal-konstatazzjonijiet mediċi li wasal għalihom. Il-kompetenza tiegħu b’hekk ma hijiex eskluża, peress li dawn l-operazzjonijiet ċertament jaqgħu fil-kuntest tal-aspett mediku tal-fajl.

Min-naħa l-oħra, hija verament l-Awtorità tal-Ħatra li, fl-aħħar mill-aħħar, tivvalida jew le l-interpretazzjoni tal-iskala u tal-Anness C tal-Kumitat Mediku, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-konstatazzjonijiet mediċi mwettqa mill-Kumitat Mediku, u li, b’hekk, jevitaw kull riskju ta’ inċertezza legali marbuta ma’ varjazzjoni eventwali fl-imsemmija interpretazzjoni hekk kif jirriżulta mill-varjazzjoni intrinsika għall-kompożizzjoni tal-kumitati mediċi.

(ara l-punti 62, 64, 65 u 69)

3.      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-parir mediku ma japplikax għal evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, li għandu jkun ikkunsidrat finali dment li jkunu seħħew f’kundizzjonijiet regolari. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina jekk parir mediku jikkontjeni motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet li huwa jikkontjeni u jekk ġiet stabbilita rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li huwa jinkludi u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.

(ara l-punt 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il-Kummissjoni, T‑47/97, punt 117

4.      Il-Kumitat Mediku għandu l-għan li jagħti opinjoni fuq id-domandi ta’ natura medika li jkunu ġew irreferuti lilu. Hekk kif jirriżulta minn dan l-għan, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu jimplika biss li huwa jispjega l-proċess li wasslitu, fuq il-bażi tal-provi li kellu għad-dispożizzjoni, għall-konklużjonijiet mediċi li huwa kkunsidra finalment. Dan id-dmir ta’ motivazzjoni ma jimponix li huwa jispjega għal liema raġunijiet huwa kkunsidra ruħu kompetenti.

(ara l-punt 77)

5.      Il-Kumitat Mediku ma għandux jiġi kkritikat li ma rrispondiex fid-dettall għal kull wieħed mill-punti msemmija fil-mandat mogħti lilu jekk barra minn hekk jirriżulta mill-evidenza li huwa forna lill-Awtorità tal-Ħatra, permezz tal-evalwazzjonijiet mediċi tiegħu, l-elementi kollha neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni minnha. Fil-fatt, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2) tar-regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol jipprovdu li l-istituzzjoni tistabbilixxi l-mandat li hija tagħti lill-Kumitat Mediku, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux speċifikament li l-Kumitat Mediku huwa obbligat li jirrispondi għal kull waħda mid-domandi li l-imsemmi mandat jinkludi.

F’dan ir-rigward, il-Kumitat Mediku ngħata mandat wiesa’ mir-regoli dwar l-assigurazzjoni, li jikkonsisti f’li jforni lill-Awtorità tal-Ħatra l-evalwazzjonijiet mediċi kollha neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-iffissar tar-rata ta’ indeboliment fiżiku u mentali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-għan mogħti lilu mir-regoli dwar l-assigurazzjoni, huwa l-Kumitat Mediku li għandu jwettaq b’oġġettività u indipendenza sħiħa l-evalwazzjoni tiegħu fuq kwistjonijiet mediċi, li jimplika li l-libertà tiegħu ta’ evalwazzjoni tkun totali. Ċertament, meta tirċievi r-rapport tal-Kumitat Mediku li lilu kienet tat il-mandat, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, permezz ta’ mandat supplimentari, tippreċiża d-domandi tagħha jew tistaqsi domandi ġodda sabiex tikseb l-evalwazzjonijiet kollha mixtieqa u, f’dan il-każ, il-Kumitat Mediku huwa obbligat jirrispondi, b’mod ċar u preċiż, għad-domandi li saru mill-imsemmija awtorità. Iżda anki fin-nuqqas ta’ domanda dwar punt speċifiku fil-mandat, il-Kumitat Mediku huwa awtorizzat jikkomunika lill-Awtorità tal-Ħatra konstatazzjonijiet mediċi supplimentari, li jistgħu jiċċaraw id-deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punti 80 sa 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, S vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-4/96, punti 41, 42 u 44

6.      Għandha titqies li hija invalida, fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, persuna li, sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol, ma għadhiex iktar fi stat, totalment jew parzjalment, li tgħix ħajja attiva normali. B’hekk imur kontra l-għan tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa intiż preċiżament li jkopri r-riskju ta’ tali invalidità, li l-Artikolu 73 tal-iskala Ewropea ta’ evalwazzjoni għall-finijiet mediċi ta’ indeboliment fiżiku u mentali, li jidher fl-Anness A għar-regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, jiġi interpretat fis-sens li kull ferita fil-ġilda, tkun xi tkun il-gravità tagħha, x’aktarx twassal għal rata ta’ indeboliment fiżiku u mentali ta’ għall-inqas 5 %. Konsegwentement, jistgħu jiġu kkunsidrati biss feriti li huma suffiċjentement gravi.

(ara l-punt 91)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Ottubru 1979, B vs Il-Kummissjoni 152/77, punt 10