Language of document : ECLI:EU:C:2019:637

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

29 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Trasport bl-ajru – Rifjut ta’ imbark – Kunċetti ta’ ‘kumpens’ u ta’ ‘kumpens ulterjuri’ – Tip ta’ dannu kumpensabbli – Dannu materjali jew morali – Tnaqqis – Kumpens ulterjuri – Assistenza – Informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri”

Fil-Kawża C‑354/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bacău (il-Qorti ta’ Bacău, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Radu-Lucian Rusu,

Oana-Maria Rusu

vs

SC Blue Air – Airline Management Solutions SRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Blue Air - Airline Management Solutions SRL, minn M. Popa, avocat,

–        għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Canţăr kif ukoll minn L. Liţu u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau kif ukoll minn A. Berg, sussegwentement minn dawn l-aħħar tlieta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 7, 8 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Radu-Lucian Rusu u Oana-Maria Rusu u, min-naħa l-oħra, SC Blue Air – Airline Management Solutions SRL (iktar ’il quddiem “Blue Air”) dwar il-kumpens ta’ dannu morali u materjali mġarrab minħabba rifjut ta’ imbark.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, iffirmata f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, u approvata f’isem l-Unjoni Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491), jipprovdi:

“Fil-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-Konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’ oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji.”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Il-premessi 1, 10 u 20 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(10)      Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandhom jitħallew jew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom, b’rimbors tal-biljetti tagħhom, jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud filwaqt li qed jistennew titjira li ser isseħħ aktar tard.

[…]

(20)      Passiġġieri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.”

5        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

a)      ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

b)      it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

ċ)      it-titjira tagħhom hi mdewma.”

6        L-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skont l-Artikolu 7 u jassistihom skont l-Artikoli 8 u 9.”

7        L-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1,500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1,500 u 3,500 kilomentru;

[…]”

8        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)      –      rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

–        titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

b)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.”

9        L-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

 Id-dritt Rumen

10      L-Artikolu 1350 tal-codul civil (il-Kodiċi Ċivili) jgħid kif ġej:

“(1)      Kull persuna għandha twettaq l-obbligi li hija tkun ikkuntrattat.

(2)      Meta, mingħajr raġuni valida, hija ma teżegwixxix l-obbligi tagħha, hija għandha twieġeb għad-dannu kkawżat lill-parti l-oħra u hija marbuta li tikkumpensah, skont il-kundizzjonijiet tal-liġi.

(3)      Jekk il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, ebda waħda mill-partijiet ma tista’ teskludi l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali għal regoli oħra li jkunu iktar favorevoli għaliha.”

11      L-Artikolu 1530 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Il-kreditur għandu dritt għall-kumpens tad-dannu li jkun ikkawżalu d-debitur u li huwa l-konsegwenza diretta u neċessarja tal-ineżekuzzjoni tal-obbligu, meta din l-ineżekuzzjoni tkun inġustifikata jew żbaljata.”

12      L-Artikolu 1531 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“(1)      Il-kreditur għandu dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab minnu minħabba l-ineżekuzzjoni.

(2)      Id-dannu jinkludi t-telf effettivament sostnut mill-kreditur u l-benefiċċju li jiċċaħħad minnu. Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dannu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż li l-kreditur sostna, f’limitu raġonevoli, sabiex jevita jew jillimita d-dannu.

(3)      Il-kreditur għandu wkoll dritt għal kumpens għad-dannu extrapatrimonjali.”

13      L-Artikolu 1533 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Id-debitur għandu jkun responsabbli biss għad-danni li jkun ippreveda jew li seta’ jipprevedi bħala konsegwenza tal-ineżekuzzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ħlief meta l-ineżekuzzjoni tkun intenzjonali jew tirriżulta minn nuqqas serju tad-debitur. Anki f’dan l-aħħar każ, id-dannu jinkludi biss il-konsegwenza diretta u neċessarja tal-ineżekuzzjoni tal-obbligu.”

14      L-Artikolu 1534 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“(1)      Jekk, permezz tal-azzjoni jew tal-ommissjoni illegali tiegħu, il-kreditur ikkontribwixxa sabiex jikkawża d-dannu, il-kumpens dovut mid-debitur jitnaqqas konsegwentement. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta d-dannu jkun ġie kkawżat parzjalment minn avveniment li r-riskju tiegħu jkun twettaq mill-kreditur.

(2)      Ebda kumpens ma huwa dovut mid-debitur għad-danni li l-kreditur seta’ jevita b’diliġenza minima.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbukkjaw żewġ biljetti tal-ajru ma’ Blue Air, intiżi sabiex, fis-6 ta’ Settembru 2016, huma jmorru minn Bacău (ir-Rumanija) lejn Londra (ir-Renju Unit), post fejn huma stabbiliti u fejn jaħdmu.

16      Fil-mument tal-imbark, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew informati li t-titjira kienet ser issir minn ajruplan differenti minn dak previst inizjalment u li, minħabba kapaċità iżgħar ta’ postijiet disponibbli abbord dan it-tieni ajruplan, l-imbark tagħhom ma kienx iktar possibbli.

17      Konsegwentement, it-trasport tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġie pprogrammat għal titjira oħra żgurata minn Blue Air, u għalhekk dawn waslu Londra fil-11 ta’ Settembru 2016.

18      Wara dawn l-avvenimenti, Blue Air offriet lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biljett tal-ajru gratuwitu li seta’ jintuża sal-24 ta’ Marzu 2017, offerta li ġiet irrifjutata minnhom għar-raġuni li d-dannu mġarrab kien jeċċedi l-valur ta’ biljett tal-ajru.

19      Sussegwentement, Blue Air offriet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, kumpens ta’ EUR 400 għal kull persuna. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiesu li dan il-kumpens huwa intiż biss sabiex jikkumpensa d-dannu morali mġarrab, u mhux id-dannu materjali, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri”.

20      Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem il-Judecătoria Bacău (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bacău, ir-Rumanija). Quddiemha, huma talbu li Blue Air tiġi kkundannata tħallashom rispettivament EUR 437 u EUR 386 bħala dannu materjali, li jirriżulta minn tnaqqis mis-salarju. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taw informazzjoni preċiża dwar l-ammonti tat-telf tas-salarju realment imġarrab. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu EUR 1 500 kull wieħed bħala dannu morali. Huma sostnew, barra minn hekk, li kienet infetħet proċedura ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ R-L. Rusu, iżda li dan finalment ingħata twissija.

21      Blue Air sostniet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx id-dritt għal kumpens ikbar mill-EUR 400 previsti fl-Artikolu 7(1) (b) tar-Regolament Nru 261/2004 peress li ma kinux talbu espressament li jiġu ttrasportati iktar malajr ma’ kumpannija tal-ajru oħra u b’rotta oħra, u kienu aċċettaw it-titjira prevista għall-11 ta’ Settembru 2016. Barra minn hekk, Blue Air allegat li, kieku ntalbet titjira alternattiva mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kienet tfittex waħda li kienet tippermettilhom jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.

22      Il-Judecătoria Bacău (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bacău) laqgħet parzjalment ir-rikors, billi kkundannat lil Blue Air tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali EUR 400 bħala kumpens għad-dannu morali u billi ċaħdet it-talbiet l-oħra ppreżentati minnhom.

23      Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll Blue Air ippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni tal-Judecătoria Bacău (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bacău) quddiem il-qorti tar-rinviju, li tqis li huwa neċessarju li jiġu kkjarifikati ċerti aspetti marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 7, 8 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bacău (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bacău), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-somma ta’ EUR 400 prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 hija prinċipalment intiża biex tikkumpensa d-dannu materjali, filwaqt li d-dannu morali għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, jew l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 ikopri prinċipalment id-dannu morali, filwaqt li d-dannu materjali jaqa’ taħt l-Artikolu 12?

2)      L-ammont tat-telf ta’ salarju li jeċċedi s-somma ta’ EUR 400 msemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jifforma parti mill-kunċett ta’ kumpens ulterjuri skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament?

3)      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12[(1)] tar-Regolament Nru 261/2004, ‘[i]l-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens’. Dan l-artikolu tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jħalli fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali d-deċiżjoni li tnaqqas is-somma mogħtija abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 mill-kumpens ulterjuri, jew dan it-tnaqqis huwa obbligatorju?

4)      F’każ li t-tnaqqis ta’ din is-somma ma huwiex obbligatorju, liema huma l-elementi li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi li tnaqqas is-somma msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 mill-kumpens ulterjuri?

5)      Id-dannu li jirriżulta mit-telf tas-salarju kkawżat mill-impossibbiltà għall-ħaddiem li jippreżenta ruħu fuq il-post tax-xogħol tiegħu minħabba dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni, b’riżultat ta’ bidla fir-rotta, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-osservanza tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 8 jew ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 12 flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004?

6)      L-osservanza tal-obbligu tat-trasportatur tal-ajru li joffri assistenza, konformement mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 timplika li l-passiġġier għandu jingħata informazzjoni kompleta dwar il-possibbiltajiet kollha [ta’ rotta differenti], kif stabbilit mill-Artikolu 8(1)(a), (b), u (ċ), tar-Regolament Nru 261/2004?

7)      Għall-finijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, fuq min jaqa’ l-oneru li jipprova li l-bidla fir-rotta twettqet mal-ewwel opportunità?

8)      Ir-Regolament Nru 261/2004 jimponi fuq il-passiġġieri obbligu li jwettqu riċerki sabiex jidentifikaw titjiriet oħra lejn id-destinazzjoni tagħhom u li jitolbu lill-kumpannija tal-ajru biex issib postijiet fuq dawn it-titjiriet, jew il-kumpannija tal-ajru hija marbuta li tfittex fuq inizjattiva tagħha l-iktar għażla vantaġġuża għall-passiġġieri, sabiex tpoġġihom fit-triq lejn id-destinazzjoni tagħhom?

9)      Il-fatt li l-passiġġieri aċċettaw il-proposta tal-kumpannija tal-ajru li offritilhom titjira fil-11 ta’ Settembru 2016, filwaqt li dawn setgħu jissupponu li ma kinux ser jitħallsu għall-perijodu li matulu kienu ser ikunu assenti mill-post tax-xogħol tagħhom, huwa ta’ importanza għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu subit minnhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel, it-tieni, il-ħames u d-disa’ domanda

25      Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tal-ħames u tad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ammont previst f’din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jikkumpensa dannu bħal telf ta’ salarju, jew jekk tali dannu jistax ikun is-suġġett ta’ kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija tistaqsi kif għandu jiġi stabbilit dan id-dannu fid-dawl tal-imsemmi regolament.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru irrispettivament minn sitwazzjoni ta’ rifjut ta’ imbark, minn jekk kienx hemm kanċellazzjonijiet jew dewmien tat-titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport tal-ajru (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07, EU:C:2009:716, punt 44).

27      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi kumpens lill-passiġġieri, li l-ammont tiegħu jvarja, b’mod partikolari, skont id-distanza tat-titjira. B’mod iktar partikolari, dan l-Artikolu 7(1)(b) jipprevedi kumpens ta’ EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ iktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet l-oħra kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru.

28      Fir-rigward tal-ammonti li jistabbilixxi l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, dawn huma intiżi li jikkumpensaw, b’mod standardizzat u immedjat, id-dannu li jinħoloq mill-inkonvenjenzi, li huwa dovut, b’mod partikolari, bħal ma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, għal rifjut ta’ imbark fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, mingħajr ma dawn tal-aħħar ma jkollhom għalfejn iġarrbu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implimentazzjoni ta’ kawżi kumpensatorji quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, EU:C:2006:10, punt 45).

29      Fil-fatt, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li tirreferi għall-Artikolu 7 ta’ dan tal-aħħar, timponi fuq it-trasportatur bl-ajru kkonċernat il-kumpens lill-passiġġieri li huwa jkun issuġġettahom għal rifjut ta’ imbark kontra l-volontà tagħhom b’mod immedjat.

30      Dawn l-ammonti fissi huma intiżi li jikkumpensaw biss id-dannu li huwa kważi identiku għall-passiġġieri kollha kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 43, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 52).

31      Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas dan ir-regolament fl-intier tiegħu ma jipprevedu l-kumpens ta’ dannu individwali, inerenti għall-motiv ta’ tranżitu tal-passiġġieri kkonċernati, li l-kumpens tiegħu jeżiġi neċessarjament evalwazzjoni każ b’każ tal-portata tad-dannu kkawżat u ma jistax, konsegwentement, ikun is-suġġett ta’ dannu a posteriori u individwalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 43).

32      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġarrbu, wara rifjut ta’ imbark, telf tas-salarju tagħhom ikkawżat mill-impossibbiltà li jkunu fuq il-post tax-xogħol minħabba wasla tardiva fid-destinazzjoni tagħhom.

33      Tali telf ta’ salarju għandu jitqies bħala dannu individwali, inerenti għas-sitwazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati u jeħtieġ evalwazzjoni każ b’każ tal-portata tad-dannu kkawżat b’dan il-mod.

34      Konsegwentement, tali dannu ma jaqax taħt il-kumpens fiss previst fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004, dan tal-aħħar japplika bla ħsara għad-dritt ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri.

36      Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li r-Regolament Nru 261/2004 ma jistax jipprekludi li passiġġier li ġarrab dannu jkun jista’ jiġi kkumpensat għal dannu li jikkonċerna lilu biss, u li huwa intiż sabiex jiġi evalwat individwalment u a posteriori, sa fejn id-dritt nazzjonali jew id-dritt internazzjonali jagħtuh id-dritt għal tali kumpens, bil-kundizzjoni li dan ikun ulterjuri għall-kumpens fiss previst minn dan ir-regolament.

37      Kumpens għandu jitqies bħala ulterjuri, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004, meta dan joriġina minn waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, u meta jkun implika inkonvenjenzi li jiġu kkumpensati b’mod immedjat u standardizzat skont l-imsemmi regolament.

38      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-telf tas-salarju, minn naħa, jikkonċerna biss lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, intiż sabiex jiġi evalwat individwalment u a posteriori, u, min-naħa l-oħra, joriġina minn rifjut ta’ imbark kontra l-volontà tagħhom, li l-inkonvenjenzi tiegħu jiġu kkumpensati b’mod immedjat u standardizzat skont ir-Regolament Nru 261/2004.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali telf ta’ salarju għandu jitqies bħala dannu li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

40      Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, peress li r-Regolament Nru 261/2004 ma jipprovdix kumpens għad-dannu individwalizzat bħal telf ta’ salarju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tevalwa d-diversi elementi li jikkostitwixxu dan id-dannu inkluż, jekk ikun il-każ, l-aġir tal-passiġġieri leżi, kif ukoll il-portata tal-kumpens għall-imsemmi dannu, fuq il-bażi legali rilevanti.

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, għat-tieni, għall-ħames u għad-disa’ domanda għandha tkun, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont previst f’din id-dispożizzjoni ma huwiex intiż li jikkumpensa dannu bħal telf ta’ salarju, fit-tieni lok, li dan id-dannu jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, u fit-tielet lok, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tevalwa d-diversi elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi dannu, kif ukoll il-portata tal-kumpens tiegħu, fuq il-bażi legali rilevanti.

 Fuq it-tielet u r-raba domanda

42      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali kompetenti tnaqqas mill-kumpens mogħti skont dan ir-regolament il-kumpens ulterjuri, iżda ma tobbligahiex tagħmel dan. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf liema huma l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-qorti nazzjonali kompetenti tista’ twettaq dan it-tnaqqis.

43      F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004 tipprevedi li l-kumpens mogħti taħt dan ir-regolament jista’ jiġi dedott mill-kumpens ulterjuri.

44      Għalhekk, minn din il-formulazzjoni ċara jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma teżiġix tali tnaqqis, filwaqt li lanqas ma tipprekludi li dan possibbilment isir.

45      Fil-fatt, kif intqal fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, huwa d-dritt nazzjonali jew id-dritt internazzjonali li jistgħu jagħtu lill-passiġġier ikkonċernat dritt għal kumpens ulterjuri, peress li r-Regolament Nru 261/2004 japplika, fir-rigward tiegħu u hekk kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tiegħu, bla ħsara għal dan id-dritt.

46      Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004, u miż-żewġ sentenzi tiegħu moqrija flimkien, jirriżulta li dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi kwalunkwe kundizzjonijiet li jistgħu jillimitaw is-setgħa tal-qorti nazzjonali kompetenti li possibbilment twettaq tnaqqis mill-kumpens mogħti minn dan ir-regolament ta’ kumpens ulterjuri. L-eżistenza ta’ tali kundizzjonijiet tkun għalhekk inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali kompetenti twettaq it-tnaqqis tal-kumpens mogħti skont dan ir-regolament mill-kumpens ulterjuri, iżda ma jobbligahiex tagħmel dan, peress li l-imsemmi regolament ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali kompetenti kundizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tkun tista’ twettaq dan it-tnaqqis.

 Fuq is-sitt u t-tmien domanda

48      Permezz tas-sitt u tat-tmien domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li t-trasportatur tal-ajru effettiv jippreżenta lill-passiġġieri kkonċernati informazzjoni sħiħa dwar il-possibbiltajiet kollha previsti fit-tieni dispożizzjoni, jew jekk din id-dispożizzjoni teżiġix ukoll li l-passiġġieri kkonċernati jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tfittxija tal-informazzjoni f’dan ir-rigward.

49      F’dan ir-rigward, qabelxejn, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi b’mod partikolari li, fil-każ li t-trasportatur tal-ajru effettiv jirrifjuta l-imbark lil passiġġieri kontra l-volontà tagħhom, huwa għandu jipprovdilhom assistenza skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

50      Sussegwentement, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-passiġġieri għandhom għażla bejn tliet possibbiltajiet li huma speċifikati hemmhekk, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-rimbors tal-biljett u, skont il-każ, titjira lura lejn il-punt ta’ tluq inizjali mill-iktar fis possibbli, it-tieni nett, trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u mill-iktar fis possibbli u, it-tielet nett, trasport alternattiv lejn din id-destinazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli f’data sussegwenti, skont il-konvenjenza tagħhom, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet.

51      Barra minn hekk, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 261/2004 tiġbor fil-qosor il-punt essenzjali tal-imsemmija għażla billi tindika li l-passiġġieri li ġew irrifjutati l-imbark kontra l-volontà tagħhom għandhom ikollhom il-possibbiltà li jikkanċellaw it-titjira tagħhom u li jiġu kkumpensati tal-biljett tagħhom jew li jissoktaw bit-trasport bl-ajru tagħhom f’kundizzjonijiet sodisfaċenti.

52      Fl-aħħar nett, mill-premessa 20 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-passiġġieri li jkunu ġew suġġetti għal rifjut ta’ imbark għandhom ikunu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv dawn id-drittijiet.

53      Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-premessi tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta, l-ewwel nett, li huwa l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru li rrifjuta l-imbark lil passiġġieri li joffri assistenza lil dawn tal-aħħar, b’mod partikolari billi joffrilhom għażla, skont il-kundizzjonijiet li jistabbilixxi l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament taħt (a), (b) u (ċ) rispettivament.

54      Minn dan jirriżulta, it-tieni nett, li tali proposta għandha tipprovdi lill-passiġġieri, li jkunu ġew suġġetti għal rifjut ta’ imbark, l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi, li jew jikkanċellaw it-titjira tagħhom u jitolbu rimbors tal-biljett tagħhom, jew jissoktaw bit-traġitt tagħhom lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet komparabbli, mill-iktar fis possibbli jew f’data sussegwenti.

55      Minn dan jirriżulta, it-tielet nett, li l-passiġġier li ġie rrifjutat l-imbark, li għandu dritt għall-assistenza mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat, inkluż id-dritt li jingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jagħmel għażla effettiva u informata, u l-benefiċċju ta’ tali dritt ma jistax jimplika kwalunkwe obbligu min-naħa tiegħu li jikkontribwixxi attivament sabiex ifittex informazzjoni li għandha tinkludi l-proposta ta’ dan it-trasportatur.

56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt u għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li t-trasportatur tal-ajru effettiv jipprovdi informazzjoni sħiħa lill-passiġġieri kkonċernati dwar il-possibbiltajiet kollha previsti fit-tieni dispożizzjoni, u l-passiġġieri inkwistjoni ma għandhom ebda obbligu li jikkontribwixxu attivament għat-tfittxija tal-informazzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq is-seba’ domanda

57      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, it-trasportatur tal-ajru għandu l-oneru li jipproduċi prova li t-trasport alternattiv ingħata mill-iktar fis possibbli, jew jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li dan l-oneru jinkombi fuq il-passiġġieri kkonċernati.

58      Kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, it-trasportatur bl-ajru li rrifjuta l-imbark lil passiġġieri għandu l-obbligu li joffri lil dawn tal-aħħar assistenza sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi u informata bejn id-diversi possibbiltajiet li l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jispeċifika rispettivament taħt (a), (b) u (ċ).

59      Għaldaqstant, it-trasportatur tal-ajru effettiv għandu jipproponi wkoll lill-passiġġieri kkonċernati l-varjant ta’ trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u mill-iktar fis possibbli, konformement mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

60      Meta jagħmel proposta konkreta, it-trasportatur tal-ajru effettiv għandu jieħu inkunsiderazzjoni u jikkombina diversi elementi rilevanti li jiddeterminawha, b’mod partikolari l-ħin tal-wasla fid-destinazzjoni finali insegwitu tat-trasport alternattiv previst, il-kundizzjonijiet li fihom it-trasport alternattiv previst jista’ jseħħ kif ukoll il-fatt dwar jekk it-trasport alternattiv inkwistjoni jistax jitwettaq minnu stess jew jekk hijiex meħtieġa l-għajnuna ta’ trasportatur bl-ajru ieħor, u jekk ikun il-każ, skont id-disponibbiltà tiegħu.

61      Ir-responsabbiltà li tiġi proposta u li jiġi organizzat trasport alternattiv skont l-Artikolu 8(1) (b) tar-Regolament Nru 261/2004, li taqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru kkonċernat, timplika l-oneru li jiġi pprovat li t-trasport alternattiv hekk organizzat sar mill-iktar fis possibbli.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-oneru li jiġi pprovat li t-trasport alternattiv twettaq mill-iktar fis possibbli, jinkombi fuq it-trasportatur tal-ajru effettiv.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont previst f’din id-dispożizzjoni ma huwiex intiż li jikkumpensa dannu bħal telf ta’ salarju, fit-tieni lok, li dan id-dannu jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, u fit-tielet lok, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tevalwa d-diversi elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi dannu, kif ukoll il-portata tal-kumpens tiegħu, fuq il-bażi legali rilevanti.

2)      Ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali kompetenti twettaq it-tnaqqis tal-kumpens mogħti skont dan ir-regolament mill-kumpens ulterjuri, iżda ma jobbligahiex tagħmel dan, peress li l-imsemmi regolament ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali kompetenti kundizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tkun tista’ twettaq dan it-tnaqqis.

3)      L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li t-trasportatur tal-ajru effettiv jipprovdi informazzjoni sħiħa lill-passiġġieri kkonċernati dwar il-possibbiltajiet kollha previsti fit-tieni dispożizzjoni, u l-passiġġieri inkwistjoni ma għandhom ebda obbligu li jikkontribwixxu attivament għat-tfittxija tal-informazzjoni f’dan ir-rigward.

4)      L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-oneru li jiġi pprovat li t-trasport alternattiv twettaq mill-iktar fis possibbli, jinkombi fuq it-trasportatur tal-ajru effettiv.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen